10 ta' Diċembru 2006 • Nr 6

Arkivji




 

10 ta' Diċembru 2006
Il-Partit Nazzjonalista għandu storja glorjuża iżda ġaladarba partit politiku hu assoċjazzjoni ta’ umani għandu wkoll id-difetti tiegħu. Ftit ġranet ilu reġgħet telgħet fil-wiċċ il-kwestjoni bejn il-mexxej attwali tal-PN flimkien mas-segwaċi tiegħu u dak li sa sentejn ilu kien il-kandidat ewlieni alternattiv għall-ħatra ta’ mexxej, John Dalli.
Wara s-sentenza ta’ ħabs li ngħatat mill-Qorti lil wieħed taparsi investigatur li kien ivvinta storja li biha ħammeġ b’mod tassew atroċi lil John Dalli u lil xi oħrajn, Dalli qed jgħid li hu kien imġiegħel jirriżenja minn Ministru minħabba ċirkostanzi li issa rriżultaw li kienu bbażati fuq allegazzjonijiet fażulli.
Minn naħa l-oħra qed jingħad li l-istorja ta’ dik ir-riżenja kienet waħda għal kollox differenti u r-raġunijiet veri ma kinux dawk tar-rapport fażull iżda dwar kwistjoni oħra. Din il-kwistjoni l-oħra kienet dehret fil-gazzetta Stricklandjana wara li xi ħadd għaddielha informazzjoni fuq xiri ta’ biljetti tas-safar mingħand kumpanija partikolari. L-istess mod kif kienet ippubblikata dik l-istorja iqajjem ċerti suspetti.
Jien ma nieħu gost xejn nisma’ dwar inkwiet bejn l-aħwa, aktar u aktar meta dawn ikunu aħwa, ulied il-partit li huwa s-suċċessur tal-Partito Nazionale. Il-qawwa tal-personalità ta’ bnedmin sodi, bħalma għandhom ikunu l-mexxejja ta’ partit politiku, xi minn daqqiet tirbaħ fuq l-idea ta’ ħidma solidali għal skop komuni, kif il-membri prominenti ta’ partit politiku għandhom iħarsu lejn ir-rwol tagħhom fi ħdan l-istess partit.
L-aħbarijiet dwar il-bawxata ta’ John Dalli bilfors ifakkruni f’wieħed mill-karattersitiċi negattivi ta’ dan il-partit. Huwa veru li min jimmilita f’partit bħalma hu l-PN jagħmel hekk għall-ideal u għax jemmen bis-sħiħ fil-kredu politiku tiegħu… u dan ifisser li qajla għandu jippretendi l-grazzi ta’ l-isforzi u d-dedikazzjoni tiegħu. Iżda donnu li l-PN għandu fin-natura tiegħu stess inklinazzjoni sadista fil-mod kif jagħmel l-affarijiet meta jiġi biex jittratta ma’ l-istess uliedu.
John Dalli la kien l-ewwel wieħed u lanqas m’hu se jkun l-aħħar wieħed li flok qalulu ‘grazzi’ tawh bis-sieq.
Ma rridx nibda nsemmi ismijiet għax żgur li nħalli lil xi wħud barra iżda żgur, fost lista twila tul is-snin, nista’ nsemmi lil Vincenzo Bonello u lil ibnu Giovanni. Donnu ċertu mod ta’ aġir kiefer ma’ l-istess uliedu jagħmel parti mill-istess natura tal-PN u jgħaddi kemm jgħaddi żmien, jinbidlu kemm jinbidlu l-personaġġi b’karigi fil-partit, din in-natura hemm tibqa’.
Ifakkarni dan fil-lament tal-Leopardi:
‘O natura, o natura,
perché non rendi poi
quel che prometti allor?
perché di tanto
inganni i figli tuoi?’
Bid-differenza li flok dwar in-natura ommna wieħed jista’ jilmenta dwar il-PN! Għaliex ma’ l-istess uliedek ma twettaqx dak li twegħidhom? Għaliex minn tant nies tinganna lill-istess uliedek?
Lili jqisuni bħala missier il-Patria, u hu forsi għalhekk li nħoss qalbi tant muġugħa meta nara kif ħafna drabi jkunu ttrattati dawk li għax emmnu fil-patria u ħabbewha, taw ħajjithom għall-partit li, bi dritt, jippreżenta ruħu bħala l-partit tal-patria.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt