10 ta' Diċembru 2006 Ix-Xellug: F’Malta u lil hinn minnha
Riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa. F’temp ta’ 12-il xahar, f’mhux inqas minn sitt pajjiżi fl-Amerika t’Isfel fejn saru elezzjonijiet presidenzjali, kienu eletti kandidati ta’ partiti tax-Xellug.
Min kien aħmar u baqa’ hekk, bħal Hugo Chavez tal-Veneżwela u Evo Morales tal-Bolivja, u min beda aħmar u spiċċa jkanġi fir-roża bħal Lula tal-Brażil u Daniel Ortega tan-Nikaragwa.
Naturalment ir-rilevanza ta’ dan kollu għalina li ninsabu f’din ix-xaqliba tad-dinja hija waħda relattiva. Imma dak li qed jiġri fl-Amerika Latina żgur mhux qed jiġri b’kumbinazzjoni u bla dubju ta’ xejn iqanqal diversi mistoqsijiet problematiċi interessanti, hi liema hi n-naħa tad-dinja li ġejjin minnha. Tajjeb jew ħażin se nkunu għexna fi żmien ta’ taqlib kbir fl-istorja. Minn żewġ super potenzi spiċċajna b’waħda. Twaqqa’ l-ħajt ta’ Berlin u kulħadd beda jgħid li żmien l-ideoloġiji għadda u mar u li rebaħ fuq kulħadd il-ħsieb neo-liberalista tas-suq ħieles. Ħsieb li jemmen li s-suq għandu jitmexxa bl-inqas xkiel possibbli f’dinja globalizzata għal dak li huwa kummerċ u kapital iżda mhux f’dawk li huma drittijiet soċjali u ċivili.
U f’dinja globalizzata fejn il-kapital jinġibed bħal kalamita lejn dawk il-pajjiżi li joffru l-agħar kundizzjonijiet u l-iktar pagi baxxi lill-ħaddiema, kien inevitabbli li dan kollu kien se jaffettwa ħażin id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema anke fil-pajjiżi żviluppati.
Karta rebbieħa
Illum il-ġurnata l-kuntratt tax-xogħol f’pajjiżna sar bħal kwalunkwe kuntratt ieħor fejn il-protezzjoni minima li suppost tagħti l-Liġi qed tonqos u mhux tiżdied. Bl-iskuża tal-flessibiltà, il-kompettitività u x’naf jien, il-parti l-iktar b’saħħitha fil-kuntratt, jiġifieri min iħaddem, qed iħossu iktar liberu jiddetta l-kundizzjonijiet li jrid hu permezz ta’ diversi ntriċċi legali bħal kuntratt ta’ xogħol part-time għal xogħol li ma jkunx part-time.
Isiru wkoll abbużi bil-kuntratt definit u bl-idea ta’ ġimgħa bi ġranet imnaqqsa ta’ xogħol. Fin-negozjati li jsiru ma’ trade unions u gvernijiet min iħaddem għandu karta rebbieħa f’idejh, dik li x’ħin jixba’ jew ixebbgħuh, jippakkja u jitlaq f’pajjiż ieħor fejn għandu inqas xkiel u sikkatura. Karta li prattikament żarmat u ġabet fix-xejn is-saħħa li kellhom it-trade unions.
Comeback qawwi
Dak li ġara fl-Amerika Latina fix-xhur li għaddew jirrifletti b’xi mod jew ieħor ir-reazzjoni popolari għall-mewġa neo-liberalista li ħakmet din ’l hekk imsejħa dinja globalizzata. Il-partiti tax-Xellug reġgħu għamlu comeback qawwi f’dawk il-pajjiżi fejn għad hemm miżerja kbira u sfruttament bla rażan, fil-pajjiżi fejn in-nies ftit li xejn għandhom x’jitilfu.
Anki jekk huwa minnu li qed jitnaqqru flok jissaħħu d-drittijiet soċjali f’pajjiżna, xorta waħda għad fadlilna ħafna x’nitilfu, ferm aktar minn dak li diġà tlifna. Sakemm din in-naħa tad-dinja fejn ninsabu aħna ma tgħaddix minn xi burraxka kbira li theżżiżna mis-sisien, bħal xi gwerra jew kalamità naturali (allaħares qatt), diffiċli timmaġina kif Xellug aħmar aħmar jista’ jinxtered bil-mod kif infirex fit-12-il xahar li għaddew fl-Amerika t’Isfel.
Bil-mod kif ingasta ruħu n-neo-liberaliżmu permezz ta’ sistemi internazzjonali u għaqdiet ta’ pajjiżi bħall-WTO u l-Unjoni Ewropea, diffiċli timmaġina kemm fis-sitwazzjoni reali li qed ngħixu aħna jista’ jiġri fl-Ewropa dak li ġara fil-Bolivja.
Evo Morales innazzjonalizza r-riżervi ta’ gass naturali li kienu f’idejn kumpaniji barranin u mpona taxxi qawwija fuq il-produzzjoni biex iġiegħel lis-sidien barranin jinnegozjaw mill-ġdid il-kuntratti li kellhom. Għandi dubji kemm ir-regoli internazzjonali eżistenti jippermettu li tiġri xi ħaġa simili f’xi pajjiż ta’ l-Ewropa għal dawk li huma, per eżempju, banek b’sidien barranin li qed jagħmlu profitti kbar li eventwalment jispiċċaw joħorġu barra mill-pajjiż.
Bush vs Gore
Jekk huwa veru li l-ideoloġiji spiċċaw u m’għadx fadal differenzi ta’ sustanza bejn Xellug u Lemin, il-politika tkun irriduċiet ruħha għal kwistjoni ta’ uċuh, ta’ stil u ta’ forma minflok waħda ta’ kontenuti u ideat konkreti kontraposti għal xulxin.
Huwa veru li l-ideoloġiji fis-sens tradizzjonali tal-kelma huma xi ħaġa tal-passat. Bħal ngħidu aħna l-preżenza ta’ l-iStat fl-ekonomija, fabbriki tal-gvern u protezzjoni ta’ l-industrija lokali li llum il-ġurnata huma meqjusin bħala xi ħaġa ta’ żmien id-dinosawri.
Mill-banda l-oħra li kieku fit-tellieqa presidenzjali ta’ sitt snin ilu bejn Gore u Bush rebaħ Gore mhux biss bil-voti imma anki bis-siġġijiet tal-Kulleġġ Elettorali, ħafna osservaturi internazzjonali jaqblu li mhux biss l-Amerika imma d-dinja kollha kienet tkun differenti u ferm aħjar milli hi llum.
Gore seta’ deher ta’ ftit kliem u emozzjonalment biered u riġidu fil-kuntatt tiegħu man-nies u Bush min-naħa tiegħu iktar ikkargat f’kulma jgħid. Imma finalment Gore kellu l-iktar ideat progressivi u kien hemm differenza ideoloġika sostanzjali bejn it-tnejn li setgħet tissarraf b’mod konkret fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Katakombali
Fix-xaqliba tagħna tad-dinja, f’kuntest totalment mibdul minn kif kien 20 sena ilu, il-ħsieb l-iktar b’saħħtu huwa dak li l-ideoloġiji politiċi spiċċaw u jekk tgħid li inti ‘soċjalista’, tinstema’ qisek xi wieħed primittiv ġej mill-katakombi. Imma għal min għadu xi ftit jew wisq jimpurtah, sewwa sew xi jfisser konkretament li tkun Xellugi għal min qed jgħix fl-Ewropa u f’Malta b’mod partikolari?
Il-Malta Labour Party fix-xhur li għaddew nieda diversi dokumenti ta’ politika fuq it-temi l-iktar importanti għall-qafas ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Fihom hemm serje ta’ proposti konkreti u impenjattivi li għandhom iservu bħala programm li għandu jimxi fuqu l-MLP la jkun fil-gvern.
Naħseb li jkun eżerċizzju interessanti jekk minn dawn id-dokumenti kollha jinsiltu l-prinċipji bażiċi tat-twemmin li għandhom jispiraw mhux biss it-tfassil imma anki t-twettiq fil-prattika ta’ dik il-politika. Finalment huma l-prinċipji li għandhom jiddettaw il-politika ta’ partit u mhux il-konvenjenza.
Amministrazzjoni iktar viċin tan-nies, li tmexxi b’aktar effiċjenza, għaqal, bżulija, onestà, trasparenza u kontabbiltà huma l-buzz words ta’ kull partit politiku, kemm tax-Xellug kif ukoll tal-Lemin, li qed ifittex l-appoġġ tan-nies biex ikun fit-tmexxija tal-gvern tal-pajjiż.
Li tkun Xellugi f’din in-naħa tad-dinja għandu jfisser mhux biss par idejn ġodda fit-tmun tal-pajjiż u tmexxija iktar enerġetika, imma aktar minn hekk profil politiku modern li jiddistingwi ruħu mill-bqija, li jġib bidla li tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.
Prezzijiet tal-proprjetà m’għola s-smewwiet, żidiet esaġerati fil-prezzijiet ta’ l-affarijiet essenzjali tal-ħajja ta’ kuljum, nuqqas ta’ protezzjoni xierqa għall-konsumatur, il-mod imqit kif qed ikunu ttrattati l-konsumaturi minn entitajiet li kienu privatizzati riċentement, in-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni huma kollha kwistjonijiet fejn partit tax-Xellug, Ċentru-Xellug, Soċjalista jew Laburista għandu jagħmel id-differenza għan-nies.
L-awtoritajiet regolatriċi suppost li mhux qegħdin hemm biss biex jiżguraw il-famuż level playing field bejn l-operaturi ekonomiċi, imma fuq kollox biex il-konsumatur jingħata l-fair deal li għandu dritt għalih. L-eżempji ma jonqsux ta’ kif dan mhux qed iseħħ fir-realtà ta’ kuljum.
Nagħlaq b’din. Diversi pensjonanti ilmentaw miegħi matul din il-ġimgħa kif il-banek kummerċjali qed iżommu ħlas ta’ żewġ liri biex isarfulhom iċ-cheque tal-pensjoni miżera li għandhom u r-regolatur iħalli dawn il-ħniżrijiet għaddejjin qiesu qatt ma kien xejn.
wenzumintoff@yahoo.com
Rebħiet tax-Xellug fl-Amerika Latina
Bolivja Fl-elezzjoni presidenzjali li saret fit-18 ta’ Diċembru 2005 jirbaħ Evo Morales tal-Movimiento al Socialismo bi 53.7% tal-voti. Skond Morales il-prinċipji ta’ dan il-moviment huma ‘anti-imperjalisti u kontra n-neo-liberaliżmu.
Ċilì Fil-15 ta’ Jannar 2006 tkun eletta President is-soċjalista moderata Michelle Bachelet b’53.5% tal-voti.
Brażil Fid-29 ta’ Ottubru 2006 Luiz Inancio Lula da Silva jkun elett għat-tieni darba bħala President tal-Brażil b’60% tal-voti. Lula beda bħala persuna militanti fit-trade unions u eventwalment fl-1980 kien wieħed mill-fundaturi tal-Partit tal-Ħaddiema (Partido dos Trabalhadores). Fil-passat kien ikkunsidrat Xellugi ħafna, imma fil-gvern immodera l-ideat Xellugin tiegħu u llum il-politika tiegħu hija soċjal-demokratika.
Nikaragwa Fil-5 ta’ Novembru 2006 jirbah l-elezzjonijiet presidenzjali Daniel Ortega, il-mexxej tal-Front Sandinista. Ortega kien diġà president bejn l-1985 u l-1990 meta mexxa bi programm soċjalista rivoluzzjonarju li kien milqugħ b’ostilità qawwija mill-Amerikani u r-ribelljoni armata kontra tiegħu tal-Contras appoġġjati mill-Gvern Amerikan. Illum Ortega jħaddan politika moderata ħafna tant li rrikonċilja mal-Knisja u anki mal-Contras.
Ekwador Fis-26 ta’ Novembru, 2006 ikun elett President Rafael Correa ta’ l-Alianza PAIS b’57.2% tal-voti. Kristjan tax-Xellug u umanista, Correa rebaħ bi programm ta’ riforma fejn isostni li jrid jagħmel rivoluzzjoni kostituzzjonali, etika, ekonomika, fl-edukazzjoni u s-saħħa u f’dik li hija dinjità, sovranità u integrazzjoni ta’ l-Amerika Latina.
Veneżwela Fil-5 ta’ Diċembru, 2006 ikun elett għat-tielet darba l-President Hugo Chavez bi 62.8% tal-voti. Wara karriera militari fejn kien ukoll organizza kolp ta’ stat li falla fl-1992 u wara li nħeles mill-ħabs, kien waqqaf il-moviment Xellugi Movimiento Quinta Republica.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt