Jidher li t-triq għall-bidla għall-Ewro bdiet tirranka.
Id-deċiżjoni li nidħlu fl-Ewro ma’ l-ewwel ċans kienet aktar politika milli ekonomika. Jigifieri l-Gvern l-ewwel iddeċieda li nidħlu mbagħad fittex l-argumenti ekonomiċi biex jiġġustifika l-għażla. Din wara kollox l-istess bħad-dħul ta’ Malta fl-UE.
Fortunatament l-argumenti ekonomiċi għamlu sens fit-tfassila ta’ l-affarijiet. Iżda la l-enfasi kienet politika sal-lum għad m’għandniex politika ekonomika aggressiva biżżejjed biex mill-Unjoni Ewropea nieħdu li nistgħu. Li kien għalija l-Gvern imexxi lejn l-Ewropa b’aktar sforzi ffukati biex nieħdu li kapaċi nieħdu mis-suq intern enormi Ewropew. Imma għadna nittitubaw. Dan għaliex bla strateġija ta’ wara d-dħul li kellna nfasslu qabel sirna membri domna ma sibna saqajna u għadna mhux ikkonċentrati sewwa dwar dan.
L-Ewro jinkwadra f’dak li għandna bżonn nagħmlu biex inkunu aktar effettivi fis-suq intern Ewropew. Il-futur ekonomiku tagħna jiddependi ħafna fuq kemm jirnexxielna nirbħu ordnijiet għall-intrapriżi minn dan is-suq enormi u kemm jirnexxielna nġibu turisti miż-żona ta’ l-Ewro. Għalhekk ikun għaqli għalina li l-munita unika Ewropea tkun tagħna wkoll. Tista’ timmaġina lil xi stat wieħed Amerikan li jrid ibigħ s-servizzi u prodotti tiegħu lill-kumplament ta’ l-Istati Uniti jħaddem munita differenti mid-Dollaru Amerikan?
Hekk ukoll aħna. Li jkollna munita għalina ma tagħmilx sens la l-priorità trid tkun li nikkompetu fis-suq Ewropew. Ma jfissirx li m’hemmx argumenti favur li nżommu l-munita tagħna, iżda l-argumenti favur l-Ewro illum huma akbar. L-argument li jkollna politika monetarja indipendenti jekk nibqgħu barra ma tantx għandu saħħa għax Malta żgħira u ftit li xejn niddeċiedu l-affarijiet waħedna. Dejjem ħadna pożizzjoni monetarja mbuttata mis-suq. U dan se jiġri aktar u aktar issa li qegħdin fl-UE.
Però mhux tant faċli għalina. Kien hemm bosta kwistjonijiet li ridna naraw qabel għaġġilna u ddeċidejna. Dwar dan ftit li xejn sar dibattitu iżda issa li ddeċidejna għandna nsuqu flimkien. Kienet fil-fatt għaqlija ħafna d-deċiżjoni tal-Partit Laburista li jieqaf jargumenta dwar l-Ewro u jsuq ukoll lejn Jannar 2008 bħala d-data tad-destin għall-bidla lejn il-munita unika. Il-Gvern ukoll għamel tajjeb li akkost ta’ kollox żamm mal-kriterji ta’ Maastricht bħala l-mira tal-politika ekonomika fiskali u monetarja tiegħu biex dak li ġie deċiż jitwettaq.
L-argument il-kbir li kellna qabel il-baġit kien jikkonċerna l-fatt ta’ kemm l-ekonomija Maltija tista’ tiftaħ u tnaqqas it-taxxi u fl-istess ħin timbotta l-konsum bla ma titma’ l-inflazzjoni u żżid l-iżbilanċ tal-baġit u d-dejn nazzjonali li jistgħu jiżvijawna mill-kriterji aċċettabli għall-Bank Ċentrali Ewropew.
Xogħol il-GRTU kien li nimbuttaw għal bidla fl-istrateġija ekonomika iżda mhux li nħarbtu t-triq lejn l-Ewro. Għalhekk dan il-baġit ried ikun bilanċjat, kif jidher li kien. Nidħlu fl-Ewro mbagħad wara li ngħaddu mill-eżami u niddeċiedu miżuri oħra. Dan għaqal u mhux u-turn u tidwir kif għaġġlu jikkummentaw xi wħud. Anke aħna fil-GRTU kellna dan l-argument.
Min fl-ekonomija ma jifhimx akka, u l-ieħor li jaħseb li jaf ħafna imma għadu fl-ewwel skaluna tas-sellum li jwasslek għall-kredibiltà meta titkellem fuq l-ekonomija, malajr ħarġu jikkummidjaw u jgħidu li l-GRTU imissha ma tkellmitx kif tkellmet dwar il-baġit.
Iżda dawn u oħrajn sfortunatament ma fehmux x’inhu jiġri f’pajjiżna llum. Ma fehmux li tal-ħwienet u l-membri l-oħra kollha tal-GRTU jridu ekonomija b’saħħitha. U din ma tinbeniex billi tiżra’ n-negattivi u kritika bl-addoċċ ta’ dak li hu sewwa. Illum jaqbel li l-pajjiżna nagħtuh aktar stabbiltà. Hu fl-interess tan-negozju kollu li l-konsumatur iħossu aktar kunfidenti li l-politika ekonomika tidher li qed taħdem u li verament qed taħdem. Li t-triq lejn l-Ewro timxi bl-anqas xkiel huwa importanti wkoll biex fl-anqas żmien possibbli Malta jkollha l-għodod biex tieħu l-aqwa mill-Ewropa.
Wara, jekk il-Gvern jogħtor, inniggżuh. Mhux se norqdu jew nisparixxu. Mela le! Imma issa jrid ikollna n-nifs u mhux inħallu lil min irid jiddettalna biex nikkummidjaw. Min irid imexxi bl-ispaga minn wara, xi żewġ pupazzi jsib, imma żgur mhux se jsib mexxejja responsabbli ta’ korp b’saħħtu bħall-GRTU. Il-GRTU llum għandha responsabbiltà nazzjonali kbira. Din ir-responsabbiltà mhux se nbigħuha għall-ebda vantaġġ politiku ta’ ħadd.
B’danakollu, jfisser li t-triq għall-Ewro hi lixxa?
Xejn minn dan. Neħħejna ħafna xkiel minn dak li kien idejjaq lis-sidien tan-negozji u għamilna ftehim serju mal-Gvern biex l-affarjiet ikunu ċari. Il-Gvern għad irid jagħmel aktar biex jiżgura l-koperazzjoni sħiħa tas-sidien tan-negozji kollha. Dwar dan għadna qed ninnegozjaw.
Iżda tibqa’ problema ħoxna. X’se jsir mill-miljuni kbar ta’ Liri Maltin li hawn fl-idejn u dawk maqbuda fil-banek hekk kif dawn imurilhom l-ixkiel tal-kambju għax il-Liri kollha jsiru Ewro? X’se jiġri? Se jkun hawn eżodu tal-miljuni barra minn Malta? Hemm madwar Lm250 miljun fl-idejn li huma żejda. Hemm id-doppju fil-banek maqbuda bl-arranġament speċjali li kien għamel John Dalli. Dawn il-flus titħallas fuqhom taxxa f’ras il-għajn (withholding tax) ta’ 15 fil-mija fuq l-interessi imma ma jistgħux jitħaddmu f’Malta. Teżisti politika dwar dan? Hemm inċentivi biżżejjed biex f’suq liberu dawn il-miljuni jibqgħu hawn? Fuq kollox, irriduhom jibqgħu hawn?
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt