Kanka Megan kienet tifla ta’ 7 snin. Il-ġar tal-familja tagħha stedinha tidħol għandu biex juriha ġeru.
Minflok stupraha, qatilha u rema gisimha fi ġnien pubbliku. Dan il-każ ġara fi New Jersey, fl-Amerka u fetaħ it-triq għal-Liġi magħrufa bħala “Megan’s Law” li bis-saħħa tagħha kull persuna li tkun instabet ħatja ta’ xi reat kriminali sesswali, b’mod partikolari abbużi fuq it-tfal, isimhom jidher f’reġistru pubbliku aċċessibbli għal kulħadd. Fih ikun hemm id-dettalji tar-reat, l-isem tal-persuna u saħansitra l-indirizz fejn joqgħod.
Id-dibattiti
Jiena wieħed minn dawk li niddejjaq nimmarka bniedem għal għomru b’mod li jista’ jitwarrab u jkun emarġinat mill-bqija tas-soċjetà. Ngħid għalija, nagħżel li ninqafel f’iżolament totali milli fis-soċjetà mwarrab u mistkerraħ. Dan huwa l-qofol tad-dibattitu dwar jekk għandux ikun hemm reġistru għall-pedofeli li jinstabu ħatja ta’ dawn ix-xorta ta’ reati.
Hemm ukoll min jargumenta li b’dan il-mod min iwettaq reat ta’ din ix-xorta mhux se jingħata l-opportunità li jirriforma ruħu u jsib postu mill-ġdid fis-soċjetà.
Kien hemm ukoll każijiet fejn persuni innoċenti kienu nġustament misjuba ħatja ta’ pedofelija u b’konsegwenza ta’ dan ir-reġistru baqgħu ppersegwitati għall-bqija ta’ ħajjithom. Wara kollox is-sistema tal-ġustizzja mhux dejjem tkun perfetta u taħdem kif suppost.
Iżda minn stħarriġ li rajt, kważi disgħa minn kull għaxar persuni huma favur reġistru ta’ din ix-xorta. L-argument prinċipali tagħhom hu li pedofelu joqtol bniedem meta jkun għadu ħaj. L-effetti trawmatiċi fuq tifel li jkun ġie abbużat jibqgħu miegħu għall-bqija ta’ ħajtu. Jibqa’ stigmatizzat anke soċjalment.
Għalhekk min iwettaq reat ta’ din ix-xorta għandu jsofri l-istess konsegwenzi bħal tal-vittma tul għomru. Aktar minn hekk, studji wrew li pedofelu għandu t-tendenza li jirrepeti r-reati għax kastig ma jistax jiswa ta’ deterrent fuq il-ġibda sesswali li għandu għat-tfal. Għalhekk huwa theddida kontinwa għat-tfal u allura huwa d-dritt tal-ġenituri u ta’ min iħaddem li jkunu jafu min hu u fejn joqgħod il-pedofelu.
X’nemmen
Mingħajr ma nipprova nagħmilha ta’ Salamun, għandu jintlaħaq bilanċ bejn id-drittijiet ta’ kulħadd.
Nemmen li għandu jkun hemm reġistru li fih jitniżżlu l-ismijiet ta’ dawk kollha li jwettqu reati sesswali, inkluż fost oħrajn dak ta’ pedofelija. Huwa fl-interess tas-soċjetà, u speċjalment tat-tfal in ġenerali, li huma l-aktar dgħajfa, li jkunu jafu bil-perikli potenzjali li jkunu resqin lejh. Dan jista’ jkun taħt forma ta’ għalliem, avukat, kowċ tal-futbol, qassis jew anke politiku.
Il-pedofelu, kuntrarjament għal reati oħrajn, jista’ jilbes diversi uniformijiet li normalment jirrappreżentaw sens ta’ fiduċja pubblika. Għalhekk reġistru ta’ din ix-xorta jkun qiegħed ibiegħed il-porvli minn man-nar.
Illum diġa’ għandna xi forma ta’ informazzjoni fuq il-persuna li tkun wettqet reat. Il-Pulizija għandhom il-fedina penali ta’ kull persuna u m’hemm xejn li jżomm lil min jimpjega biex jitlob lill-impjegat din il-kondotta. Fiha jidhru dejjem dawn ix-xorta ta’ reati.
Imma din hija sistema li tiddependi mill-persuna konċernata li volontarjament tipprovdi dwar il-kondotta. Ir-reġistru bis-saħħa ta’ liġi, jorbot u jimponi fuq l-individwu li ismu u l-partikolarijiet tiegħu jidhru u jkunu aċċessibbli għall-pubbliku in ġenerali. Differenza kbira ħafna.
Liġi li kelli opportunità nara hija dik Awstraljana li saret riċentement. Din il-liġi tiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta’ reati sesswali. Dawk gravi, fosthom il-pedofelija, u dawk mhux daqstant gravi, bħal tinbix sesswali u mess fuq ix-xogħol.
Fil-każ ta’ l-ewwel kategorija, isem il-persuna jibqa’ jidher fuq ir-reġistru għal 15-il sena filwaqt li dawk fit-tieni kategorija għal tmien snin. Jekk ikun hemm ir-ripetizzjoni ta’ xi każ, allura apparti l-kastig, isimhom jibqa’ jidher f’dan ir-reġistru għal għomorhom.
Jien nemmen iżda li din is-sistema ta’ reġistru pubbliku għandha tkun akkumpanjata minn miżuri li bihom ikun evitat kemm jista’ jkun li l-pedofelu jibqa’ vvittimizzat għall-bqija ta’ ħajtu.
Ħafna drabi dawn in-nies jiġu msawta, iffastidjati u esklużi għal kollox minn kull attività soċjali li ma tkun tirrappreżenta ebda periklu għal ħadd. Għalkemm mhux lakemm iġġiegħel lis-soċjetà terġa’ taċċetta individwu ta’ din ix-xorta, ħadd ma jista’ jabbuża minn dan ir-reġistru.
Għalhekk liġi li tipprovdi għal reġistru ta’ din ix-xorta għandha tipprovdi wkoll għal pieni ħorox ħafna, kriminali u ċivili, kontra min jabbuża mill-informazzjoni li jsib fih. Għalhekk kulmin jabbuża mill-informazzjoni li jsib biex jippersegwita lil persuna permezz ta’ ittri anonimi, theddid, swat, esklużjoni soċjali u anke istituzzjonali, ikun qiegħed jesponi lilu nnifsu għal pieni ħorox u danni ċivili sostanzjali.
Hawn min huwa kontra l-pedofeli mhux wisq għax irid iħares lit-tfal iżda anki minħabba twemmin ideoloġiku radikali. Apparti dan anke l-Liġi Industrijali trid taċċerta li persuni ħatja ta’ pedofelija, ma jiġux esklużi inġustament milli jkollhom impjieg li ma jimporta ebda periklu lis-soċjetà.
Fl-aħħarnett għandna nipproteġu wkoll lil dawk li jiġu akkużati inġustament wara li jingħataw isem ħażin fis-soċjetà. Għalkemm kellna każijiet li tressqu b’akkuża ta’ korruzzjoni u anke stupru ta’ minorenni li isimhom għal raġuni li qatt ma stajt nifhem, ma ġiex ippubblikat fil-gazzetti, l-Istat xorta għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu.
Għalhekk għandu jkun hemm kumpens ċivili qawwi ħafna għal dawk li jiġu akkużati inġustament, fis-sens li jkun jidher mill-bidu li l-prosekuzzjoni għandha każ dgħajjef. Dan iservi biex min ikun qiegħed jagħmel l-investigazzjonijiet jagħmilhom b’mod profond biex tiġi evitata l-possibbiltà li bniedem jiġi mmarkat għal għomru inġustament.
Peppi
Ma nħossnix persuna tajba għax qatt ma abbużajt sesswalment mit-tfal. Inħossni fortunat li l-ġibdiet sesswali tiegħi huma legali u aċċettati fis-soċjetà.
Allura m’għandi l-ebda mertu li m’jienix pedofelu. Minħabba Xarabank iltqajt ma’ pedofeli li jkollhom ġibdiet lejn it-tfal, li aħna meqjusa bħala normali, ma nifhmuhomx. Uħud minnhom spjegawli kif ilhom is-snin jiġġieldu kuljum dawn il-ġibdiet terribbli u sakemm kellmuni qatt ma kienu abbużaw minn ħadd. Iżda qed jgħixu martirju.
B’daqshekk mhux qed ngħid li l-pedofelija m’għandhiex konsegwenzi serji ħafna. Iltqajt ma’ ħafna vittmi mkissrin. Niftakar mara ta’ 57 sena li kienet abbużata meta kellha tmien snin. Għandha trawma sal-lum. Ħajjitha qatt ma setgħet tkun normali. Ippruvat imma l-abbuż baqa’ jidwi f’dak kollu li tagħmel. Kiefra.
Iżda nagħmlu żball kbir jekk inħallu l-emozzjoni tiġri bina u ngħidu “Aqfilhom u armi ċ-ċavetta. Xandarhom ma’ kullimkien bir-ritratt u bid-dettalji tagħhom. Żomm lista on-line biex min irid jiċċekkja jekk fit-triq tiegħu joqgħodx xi pedofelu.”
1. Ma naqbilx ma’ lista pubblika ta’ pedofeli għax dawn huma nies morda.
2. Għax dawn għandhom lil ommhom, lil ħuthom, lil marthom u lil uliedhom li ma jaħtu xejn u ċċappashom
3. Għax inkunu qed nieħdu mpressjoni falza li l-pedofeli qegħdin kollha fil-lista u li allura ma’ l-oħrajn m’hemmx problema. Jista’ jkun li n-nannu u z-ziju ma jkunux fil-lista imma fil-kċina jabbużaw minn bintek.
4. Għax allura għaliex il-pedofeli? Għax mhux il-kriminali l oħra kollha li wkoll huma ta periklu. Għaliex ma nagħmlux lista ta kull min jisraq, ta kull min joqtol, ta kull min isawwat il-mara ma jmurx jitrakkka ma mara oħra u jibda jsawwat lilha.
5. Lil min se nagħmlu fuq il-lista? Lill-pedofeli? Liema pedofeli? Lil dawk li abbużaw jew dawk li għandhom dawn il-ġibdiet sesswali? U kemm se jdumu fuq il-lista? Għal dejjem?
Hawn min jissuġġerixxi li l-lista tkun għand awtorità kompetenti u xi ħadd li se jimpjega lil xi persuni li jaħdmu mat-tfal ikun jista’ jiċċekkjaha. U x’jiġri jekk jiena bħala impjegatur niċċekkja u nsib li din il-persuna hi pedofelu u jkun joqgħod bieb ma’ bieb ma’ oħti. Ma ngħidilhiex? X’inkun ġarrejt fuq il-kuxjenza tiegħi jekk din il-persuna tabbuża mit-tifla ta’ oħti ?
Naħseb li kulħadd għandu jkollu ċertifikat li jista’ jaħdem mat-tfal. Dan iċ-ċertifikat jittieħed jekk il-persuna tinstab ħatja li abbużat mit-tfal. Tkun ir-responsabbiltà ta’ min se jimpjega f’ xogħlijiet responsabbli mat-tfal biex jitlob dan iċ-ċertifikat. Dawk li ma jkollhomx dan iċ-ċertifikat ikunu jafu li lanqas għandhom japplikaw. M’għandhiex tkun parti mill-kondotta u tkun illegali li ċ-ċertifikat jintalab jekk ix-xogħol ma jkollux x’jaqsam mat-tfal.
Dan is-suġġeriment għandu problema waħda: x’jiġri jekk persuna tkun diġà mpjegata u tinstab ħatja ta’ abbuż?
Naħseb li hawn u hawn biss l-Awtoritajiet konċernati għandhom jinfurmaw lil dak jew dik responsabbli biex din il-persuna ma tibqax taħdem hemm u jinstabilha xogħol alternattiv.
Meta ltqajt ma’ diversi pedofeli fhimt ħaġa importanti. Ħafna minnhom jixtiequ jfiequ. Jixtiequ l-għajnuna imma jibżgħu li jispiċċaw il-ħabs abbużati anke kif jidħlu hemm ġew. Din hija problema serja. Filwaqt li l-Gvern qed jagħmel sewwa ħafna li jinvesti biex
A. Jgħallem lit-tfal kif jevitaw l-abbuż.
B. Jgħin lil dawk it-tfal vittmi ta’ l-abbuż.
Għajnuna għal-pedofeli? Xejn. Ma teżistiex. Issa kull loġika tgħidlek li jekk infejqu mqar pedofelu wieħed inkunu ffrankajna periklu serju ta’ abbużi fuq it-tfal. Il-pedofeli għandhom bżonn il- fejqan. Mhux faċli. Qisek se tipprova tirranġa lili biex ma jibqgħux jeċitawni n-nisa. Diffiċli. Ħafna.
Il-pedofeli posthom la huwa fuq lista li tavvelihom u lanqas il- ħabs. Posthom huwa f’ċentru ta rijabilitazzjoni li minnu ma jkunux jistgħu joħorġu sakemm jibqgħu ta’ periklu għal uliedna. Post fejn tkun tirrenja l-imħabba li għandu jkollna lejn kull marid u marida.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt