10 ta' Diċembru 2006 • Nr 6

Arkivji




 

10 ta' Diċembru 2006
L-HSBC jibla’ nofs iż-żieda tal-għoli tal-ħajja għall-anzjani

Julia Farrugia

Il-Bank HSBC se jibda jibla’ nofs iż-żieda għall-għoli tal-ħajja li jirċievu l-anzjani.
Minn madwar Lm 5 żieda fix-xahar, anzjani li ma jkollhomx kont ma’ l-HSBC qed ikollhom iħallsu tariffa ta’ Lm2 għal kull ċekk tal-pensjoni li jsarrfu. Sa ftit tal-ġimgħat ilu l-HSBC kien jitlob ħlas ta’ 50 ċenteżmu għal dan l-istess servizz. B’hekk iż-żieda mħaddma minn dan il-bank hija ta’ 300% u issa t-tariffa ta’ l-HSBC saret
l-ogħla waħda fis-suq.
Is-sistema ta’ direct credit hija dik li jinkoraġġixxi l-Bank HSBC biex klijent ma jħallasx it-tariffa ta’ Lm2. Mal-wasla tiegħu f’Malta dan il-Bank dinji kien dejjem argumenta li t-tariffa, dak iż-żmien ta’ 50 ċenteżmu, qiegħda hemm biex tħeġġeġ lin-nies, l-aktar lill-anzjani, jużaw l-ATMs. Mhux magħruf x’riżultati ħalliet din is-sistema ġaladarba l-Bank qiegħed iżid din it-tariffa b’mod daqstant qawwi.
L-HSBC għażel li ma jweġibx mistoqsijiet li din il-gazzetta għamlet nhar l-Erbgħa. Ir-raġuni li tana l-Uffiċju Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Bank kienet li “għandna problema bl-IT. Bgħattilhom fax iżda l-persuna responsabbli tinsab barra mill-uffiċju.” Ħamest ijiem wara l-HSBC xorta għadu ma weġibx.
Mitluba minn Illum biex tagħti r-reazzjonijiet tagħha s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani Helen D’Amato sostniet li “naturalment ħadd ma jieħu gost iħallas”. D’Amato issostni wkoll li “iċ-ċekkijiet tal-pensjoni jistgħu jissarrfu mill-Banek kollha. Għalhekk il-pensjonanti għandhom ukoll għażla fejn imorru u m’humiex obbligati li jużaw Bank partikolari.”
Ir-realtà hi li f’numru ta’ lokalitajiet bħal per eżempju f’Ħal Balzan hemm biss bank wieħed li huwa ta’ l-HSBC. Ħafna drabi minħabba l-età, anzjani jsibuha diffiċli jivvjaġġaw minn raħal għall-ieħor biex jinqdew band’oħra.
F’Malta huwa kkalkulat li hawn mas-67,000 persuna li tirċievi l-pensjoni li jinkludu ċekkijiet tar-romol u ta’ l-invalidità.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt