10 ta' Diċembru 2006
Għarfien għad-drittijiet ta’ persuni li jikkoabitaw
Kurt Sansone
Fuq binarju simili għal dak li qed jiġri fl-Italja fejn il-Gvern beħsiebu jirrikonoxxi d-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni li jikkoabitaw inkluż koppji omosesswali, il-Partit Laburista Malti wkoll se jkun qed jipproponi bdil fil-liġijiet li jirrikonoxxu d-drittijiet ċivili tal-persuni f’dawn
ir-relazzjonijiet mhux tradizzjonali.
Il-kelliem għall-familja tal-Partit Laburista, Marie-Louise Coleiro Preca, sostniet ma’ Illum li l-partit bl-ebda mod mhu jinkoraġġixxi l-koabitazzjoni jew il-ħolqien ta’ familji b’persuni ta’ l-istess sess. Iżda lanqas mhu se jgħaddas rasu fir-ramel qisu mhu qed jiġri xejn.
Id-dokument il-ġdid dwar il-familja tal-Partit Laburista jitkellem dwar il-bżonn li titwessa’ d-definizzjoni tal-familja “biex tinkludi forom differenti tal-familja.”
Id-dokument jgħid li Gvern Laburista se jkun qed jagħmel il-bidliet leġislattivi neċessarji anke fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali “biex il-kunċett u d-definizzjoni ta’ familja tkun aġġornata għar-realtajiet eżistenti.”
Ma nistgħux nibqgħu maqtugħin mir-realtà ta’ madwarna sostniet Coleiro Preca. “Hawn ħafna nies li qed jikkoabitaw u bħal kull relazzjoni, dawn huma relazzjonijiet li jispiċcaw ukoll. F’dan il-kuntest irridu nħarsu d-drittijiet ċivili ta’ l-individwi f’dawn ir-relazzjonijiet speċjalment fejn jidħlu t-tfal,” qalet.
Mistoqsija dwar jekk dan jinkludix ukoll koppji ta’ l-istess sess, Coleiro Preca qalet li dawn il-familji jeżistu u għaldaqstant “ikun tajjeb li l-Istat jirrikonoxxi d-drittijiet ċivili ta’ l-individwi f’dawn ir-relazzjonijiet ukoll.”
Il-kelliem insistiet li Gvern Laburista mhux se jkun qed jipproponi qafas legali li jilleġittimizza dawn ir-relazzjonijiet iżda liġijiet li jirrikonoxxu d-drittijiet ċivili ta’ l-individwi.
Id-dokument dwar il-familja huwa twil 40 paġna u hu wieħed mill-iktar dokumenti estensivi u riċerkati prodotti s’issa mill-Partit Laburista. Fl-ebda ħin id-dokument ma jitkellem dwar id-divorzju, li skond Coleiro Preca hu kwistjoni li aħjar tkun imqanqla mis-soċjetà ċivili.
Il-Partit Laburista donnu li għadu migdum minn dak li ġara bejn l-1996 u l-1998 meta l-Prim Ministru Alfred Sant kien waqqaf kummissjoni biex tgħarbel l-introduzzjoni tad-divorzju f’pajjiżna. Dakinhar kienu qamu l-irwiefen kollha u saħansitra kien hemm Membri Parlamentari Laburisti li tkellmu pubblikament kontra l-introduzzjoni tad-divorzju.
Coleiro Preca sostniet li l-Partit Laburista se jkun qed jiltaqa’ ma’ firxa wiesa’ tas-soċjetà ċivili dwar id-dokument, inkluż il-Moviment għad-Drittijiet ta’ l-Omosesswali (MGRM).
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt