10 ta' Diċembru 2006 • Nr 6

Arkivji




 

10 ta' Diċembru 2006
Is-segretarju tal-kaċċaturi mħarrek fuq insib illegali

Karl Stagno-Navarra

Is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, Lino Farrugia, mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin wara li kien imħarrek mill-Pulizija fuq insib illegali.
Farrugia li kemm-il darba ċaħad li l-FKNK ħarġet direttivi lill-membri tagħha biex ma jobdux l-ordnijiet tal-Pulizija, kien imħarrek fuq dak li tqies mill-Pulizija bħala nsib illegali f’mansab li hi proprjetà ta’ ċertu Pawlu Grech mix-Xewkija.
Filwaqt li Lino Farrugia akkuża lill-Pulizija “b’attitudni żbaljata,” kelliem għall-Pulizija spjega li waqt l-ispezzjoni fuq il-mansab fix-Xewkija, is-Segretarju Ġenerali ta’ l-FKNK ma riedx jobdi l-ordnijiet mogħtija lilu.

Farrugia, li kien akkumpanjat mill-President tal-FKNK Joe Perici Calascione, lanqas ma ried iħalli lill-Pulizija jżarmaw il-mansab illegali li kien ikejjel mal-120 pied fit-tul.
Aktar minn hekk, kelliem għall-Pulizija spjega li filwaqt li Perici Calascione baqa’ sieket u għamel minn kollox biex isikket lil Lino Farrugia milli jkompli jargumenta mal-Pulizija, dan baqa’ jinsisti li se jinjora r-regolamenti l-ġodda li jsejħu għall-waqfien ta’ l-insib.
Sadanitant il-FKNK qed isejħu lill-membri tagħhom biex jinżlu fit-toroq nhar l-Erbgħa li ġej u jagħmlu protesta fir-Rabat.
Imkejjen viċin l-FKNK żvelaw li waqt laqgħa li saret nhar il-Ġimgħa filgħaxija l-kumitat ċentrali ħa deċizjoni li ssir protesta u meeting.
Illum hi infurmata li sal-bieraħ kienet għaddejja l-korrispondenza bejn il-kumitat ċentrali ta’ l-FKNK u l-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo dwar il-permess u li kienet riferuta għall-uffiċċju li jikkunsidra u joħroġ il-permessi għall-meetings pubbliċi.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta s-Segretarju Ġenerali ta’ l-FKNK Lino Farrugia qal li hu konxju minn dak li ġara xi snin ilu meta l-kaċċaturi ssejħu biex jipprotestaw fit-toroq.
“Mhux qed ngħidlek li qed niġġustifika l-ħsarat li saru waqt dawk il-protesti, iżda ngħid li kieku jsiru t-tibdiliet tekniċi li huma meħtieġa fir-regolamenti dwar il-kaċċa u l-insib, il-kwistjoni kollha tkun evitata.”

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt