10 ta' Diċembru 2006
Kif ir-rapport falz spiċċa għand Gonzi
Jannar 2004 Zoodsma tas-Simed isostni li jeħtieġ jagħmlu xi ħaġa. Jgħid: “Agħtuni t-telefon u l-email ta’ l-investigatur privat.” L-eks ministru Nazzjonalista l-avukat Joe Fenech, li qed jirrappreżenta lis-Simed, isir jaf għall-ewwel darba li s-Simed ingaġġaw investigatur privat.
Frar 2004 L-avukat Fenech infurmat li l-investigatur ipprepara t-tieni rapport fuq il-kuntratt Mater Dei.
7 ta’ Frar 2004 Eddie Fenech Adami jħabbar ir-riżenja tiegħu minn Kap tal-PN.
25 ta’ Frar 2004 Joe Zahra jibgħat ir-rapport bl-email lil Zoodsma. Din hi l-ewwel darba li Zahra jsemmi lil Bastjan Dalli, ħu l-ministru John Dalli, li f’dan iż-żmien hu mpenjat fit-tiġrija għall-kap tal-PN.
Frar 2004 Lejn l-aħħar tax-xahar issir laqgħa fil-lukanda Corinthia bejn Joe Zahra, Frank Farrugia, Raphael Fenech Adami u Zoodsma
23 ta’ Marzu 2004 Lawrence Gonzi jinħatar Prim Ministru.
April 2004 Joe Fenech jidħol l-isptar għal operazzjoni.
Mejju 2004 Raphael Fenech Adami jmur Kastilja bir-rapport ta’ Joe Zahra issiġġillat f’envelop u jħallih ma xi segretarju personali tal-Prim Ministru.
Ġunju 2004 Fenech jgħid lil Zahra li għandhom bżonn iktar dettalji u provi dwar il-każ Mater Dei biex jgħadduhom lill-Prim Ministru.
9 ta’ Ġunju 2004 It-“Times” toħroġ bl-istorja dwar ix-xiri tal-biljetti ta’ l-ajru mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin immexxi minn John Dalli mingħand kumpanija tal-qraba tiegħu. Filgħaxija, kontra kull tradizzjoni, l-istazzjon ta’ l-istat ‘PBS’ ixandar l-istorja tat-“Times”.
10 ta’ Ġunju 2004 Dalli jibgħat email lil Gonzi jgħidlu li hu kkonċernat “minn fejn oriġinaw l-attakki.”
11 ta’ Ġunju 2004 Il-Prim Ministru jiltaqa’ ma’ Joe Fenech, Raphael Fenech Adami, Frank Farrugia u s-segretarju privat ta’ Gonzi, Edgar Galea Curmi. Fenech juri lil Gonzi t-tieni rapport ta’ Zahra mħejji fi Frar 2004.
12 ta’ Ġunju 2004 Issir l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.
29 ta’ Ġunju 2004 Bondiplus jiddiskuti ‘l-iskandli’ ta’ John Dalli. Preżenti fl-istudjo John Dalli u Leo Brincat.
3 ta’ Lulju 2004 John Dalli jirriżenja. Il-Prim Ministru jaċċetta r-riżenja iżda jiskolpa lil Dalli mill-każ tal-vapuri Iranjani u jieħu l-parir ta’ Dalli biex il-każ tal-biljetti ta’ l-ajru jgħaddih f’idejn l-Awditur Ġenerali. Jibqa’ misteru għalfejn Dalli kellu jirriżenja.
7 ta’ Lulju 2004 Gonzi jgħid lil Fenech biex jieħu r-rapport ta’ Zahra għand il-pulizija. Il-Prim Minstru jirċievi ittra mingħand Simed biex jinvestiga l-allegazzjonijiet.
15 ta’ Lulju 2004 Gonzi jsejjaħ f’Kastilja lil John Rizzo, il-Kummissarju tal-Pulizija u jitolbu jinvestiga l-allegazzjonijiet.
19 ta’ Lulju 2004 Rizzo jsejjaħ lil Zahra d-Depot għall-interrogazzjoni. Fl-istess ġurnata Edgar Galea Curmi jikteb lil Fenech u Zoodsma biex javżahom li l-Prim Ministru rrefera r-rapport lill-Pulizija.
Awissu 2004 Zahra jammetti li ivvinta l-akkużi fir-rapport u jitressaq il-Qorti mixli li vvinta allegazzjonijiet foloz bl-iskop li jħammeġ lil John Dalli u jitfa’ f’dawl ikrah l-għoti tal-kuntratt għat-tagħmir mediku f’Mater Dei.
30 ta’ Novembru 2006 Joe Zahra jinstab ħati mill-Qorti u jkun kundannat sentejn ħabs u interdettjat għal ħames snin.
2 ta’ Diċembru 2006 John Dalli pubblikament jitlob lill-Partit Nazzjonalista biex isewwi l-ħsara li saret fil-konfront tiegħu minħabba r-rapport ta’ Joe Zahra. Hu jsostni li r-rapport kellu piż fuq il-pressjoni li saritlu minn esponenti fil-PN biex jirriżenja fl-2004.
4 ta’ Diċembru 2006 Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi jsostni li r-rapport falz ta’ Zahra ma kellu l-ebda piż fuq ir-riżenja ta’ John Dalli iżda jibqa’ ma jispjegax għaliex hu aċċetta r-riżenja tal-Ministru.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt