10 ta' Diċembru 2006
Lou Bondì: “M’għandix għalfejn nistħi fuq Joe Zahra”
“M’għandix għalfejn inkun imbarazzat b’dak li għamel l-investigatur privat Joe Zahra li kien biss konsulent tal-programm Bondiplus,” kien il-kumment ta’ Lou Bondì, il-preżentatur tal-programm ‘Bondiplus’ u direttur tal-kumpannija ‘Where’s Everybody.’
Filwaqt li sostna li hu qatt ma kien infurmat jew kien jaf bir-rapport ivvintat li kien qed iħejji u li kien lesta Joe Zahra, kif ukoll li qatt ma kien rah b’għajnejh, Lou Bondì insista li Joe Zahra “kien biss konsulent tal-programm ‘Bondiplus’ fejn kienet meħtieġa tattika partikolari fl-investigazzjonijiet, partikolarment għal filmati klandestini.”
Illum: Iżda x’kien qed jagħmel Joe Zahra ma’ Lou Bondi dakinhar ta’ l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’Ġunju 2004 fejn deher b’camera jiġbed filmati tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi?
Bondì: “Dakinhar kien ġie… hekk minn jeddu,”
Illum: Temmen li seta’ kien hemm kunflitt ta’ interess fil-programmi li ħejjejt bejn il-kumpanniji Inso u Simed dwar il-kuntratt ikkontestat għall-Mater Dei, u t-tieni programm ma’ John Dalli lejlet ir-riżenja tiegħu minn Ministru, għall-fatt li hu evidenti li Joe Zahra kien diġa’ vvinta r-rapport falz?
Bondì: “Anqas xejn. Huma żewġ affarijiet separati, u nirrepeti li jien qatt ma kont naf bir-rapport u lanqas ma rajtu. Sirt naf bih meta tressaq il-Qorti.”
Illum : Zahra għadu mal-Where’s Everybody?
Bondì: “Qatt ma kien. Kien biss konsulent u rriżenja minn jeddu meta kien investigat.”
Illum: U l-istabbiliment ta’l-ikel li Joe Zahra jmexxi fl-istess kumpless ta’ Where’s Everybody fi Gwardamanġa?
Bondì:“Dak tiegħu, staqsi lilu.”
Illum: Se tħallih dak l-istabbiliment?
Bondì: “Ma nafx. Staqsi lilu.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt