10 ta' Diċembru 2006 • Nr 6

Arkivji




 

10 ta' Diċembru 2006
Iktar ċilindri b’inqas gass

Kurt Sansone

Il-każ żvelat minn din il-gazzetta ġimagħtejn ilu dwar ċilindru tal-gass li kien jiżen kważi tliet kilogrammi inqas mill-piż indikat fuqu wassal biex iktar qarrejja jressqu l-ilmenti tagħhom dwar ċilindri ġodda li jiżnu inqas minn kemm suppost.
Din il-gazzetta waslulha minn ta’ l-inqas żewġ rapporti oħra ta’ ċilindri li kienu jiżnu bejn 1kg u kważi 3kg inqas mill-piż indikat fuq iċ-ċilindru.
Ċilindru ta’ 12kg suppost ikun fih 12kg ta’ gass. L-uniku piż li jvarja huwa dak tal-ħadid u dan ikun imniżżel fuq iċ-ċilindru stess.
F’każ minnhom iċ-ċilindru waħdu kien jiżen 12.3kg. Meta jkun mimli bil-gass dan iċ-ċilindru suppost kellu jiżen 24.4kg iżda meta l-qarrej ta’ Illum wiżnu sab li ċ-ċilindru bil-gass b’kollox kien jiżen 23.3kg. Dan ifisser li l-qarrej kellu 1kg inqas gass minn dak li ħallas għalih.
Fit-tieni każ il-piż taċ-ċilindru waħdu kien ta’ 13kg. Mimli bil-gass dan iċ-ċilindru suppost kellu jiżen 25kg iżda meta ntiżen instab li kien jiżen 22.3kg, kważi tliet kilogrammi inqas.
Fit-tweġiba li kien ta kelliem għall-Enemalta ġimagħtejn ilu sostna li ċ-ċilindri kollha jintiżnu qabel ma joħorġu għand id-distributuri. Huwa kien ukoll ta parir biex f’każ ta’ dubju l-konsumatur jitlob lid-distributur jiżinlu ċ-ċilindru bil-miżien li kull distributur bil-liġi obbligat iġorr fit-trakk.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt