10 ta' Diċembru 2006 • Nr 6

Arkivji




 

10 ta' Diċembru 2006 - Sport
Il-Belti li ma jintesa qatt

Is-Sur Joe…hekk hu magħruf ma’ kulħadd, l-aktar dawk Beltin li għal 18-il sena sħaħ okkupa l-aktar siġġu għoli fi ħdan it-tim tal-futbol tagħhom.
Minkejja li mix-xena tal-futbol ilu nieqes tliet snin, Joe Caruana Curran baqa’ l-istess bniedem b’karattru ħelu li kulħadd jieħu pjaċir jitkellem miegħu. L-impressjonani l-aktar fih matul din is-siegħa u nofs kien il-fatt kif ma’ kull ċans li jsib, anke f’mumenti serji, jipprova jiċċajta biex il-monotonija ma tonqsu qatt f’ħajtu. Baqa’ l-istess persuna u b’wiċċi minn quddiem ngħid li l-futbol Malti tilef ħafna bin-nuqqas tiegħu.
M’jienix l-uniku ġurnalist li ngħid hekk. Is-Sur Joe baqa’ maħbub ma’ kulħadd u dejjem niżel u tela’ għal-livelli tan-nies li jkun qed jitkellem magħhom.
Personalment inkun qed nistenna l-mument li nkun sejjer x’imkien u nkun naf li hu se jkun preżenti. Għax miegħu ma tiddejjaq qatt. Baqa’ jqis ruħu żagħżugħ, anke jekk fuqu l-mili tas-snin qed jagħfsu ġmielhom!
Naf li fix-xogħol personali tiegħu huwa bniedem impenjat ħafna. Għalhekk ħadt ħsieb li nċempillu minn ġimgħa qabel biex nibbukkja dan l-appuntament għal din l-intervista li suppost kellha tkun waħda qasira. Ma kienx il-każ……..
Laqagħni fl-uffiċċju tiegħu fil-Marsa. U l-burdata tiegħu mill-ewwel dehret waħda eċċezzjonali hekk kif staqsejtu kif inhu.
“Bilfors li tajjeb la hawn int ħdejja”. Kienet l-ewwel risposta sarkastika. Biha ridt infissirlu kif qed iqatta’ ħajtu, issa li m’għadux involut direttament fil-futbol.
“B’mod kompletament differenti mill-passat. Inqum filgħodu u nixgħel ir-radju. Nisma’ regolarment lil Carlo Borg Bonaci. Burdata ħażina dejjem ikun hu li jibdilhieli. Fil-ħajja tiegħi skoprejt kif ingawdi aktar l-affarijiet personali tiegħi.Ix-xogħol, is-saħħa u l-familja saru priorità f’ħajti. Iż-żmien kollu li domt involut fil-futbol dawn l-affarijiet kienu diffiċli wisq biex ingawdihom kif dejjem xtaqt. Fil-weekends, flimkien mat-tfajla, qed nieħu pjaċir ngħix b’mod aktar rilassat.”
Joe Caruana Curran huwa Belti pur imwieled fid-19 ta’ Diċembru 1957. Għandu żewġt itfal, Joseph u Gianluca. It-tfajla tiegħu jisimha Larisa. Ta’ 27 sena, kien diġà President ta’ Valletta. M’hemmx dubju li għadu l-aktar persuna maħbuba, l-aktar mal-Beltin.
“Meta nkun il-Belt niltaqa’ ma’ ħafna nies u l-impressjoni li għandi hi li għadni maħbub minn kulħadd. Huma l-partitarji li jgħolluk u jniżżluk. Probabbli għadhom ma nisewx dak li rbaħna flimkien. Naħseb li l-memorji taż-żminijiet ta’ suċċess tant kemm għadhom imnaqqxa f’moħħhom li diffiċli biex jintesew minn kulħadd, inkluż minni.
“Kienu mumenti ta’ ferħ, tensjoni u responsabbiltà kbira. Meta niftakar f’dawk is-snin, huma ftit dawk il-ħsibijiet negattivi li jiġuk, u huma ħafna dawk pożittivi li tiftakar mill-ewwel. Ma ninsa qatt il-mument meta rbaħna s-sitt tazzi. Dak mument li nibqa’ ngħożz sa mewti. Ma ninsa qatt li hekk kif dak l-istaġun irbaħna l-ħames tazza nirċievi messaġġ fuq il-mobile mingħand Gianpiero Boniperti, li huwa bniedem ta’ integrità kbira u li lejh għandi rispett kbir li kien awgurali.
“Immedjatament kif irbaħna s-sitt waħda, reġa’ bagħatli ieħor u qalli kif b’ħames unuri fi staġun ma kontx kuntent. Iżda ridt is-sitt tazza wkoll. Jaf li jien Interist għax konna tkellimna sew meta fit-Tazza Uefa ġejna kontra l-Juventus.”
Filwaqt li bil-mod il-mod nibda nħoss is-sit tal-petruna nieżel bija, insaqih jekk jikkunsidrax il-logħba tal-Juventus, bħala l-aktar waħda importanti f’ħajtu.
“Bla dubju kienet attrazzjoni. Niftakar li l-ewwel polza telgħet li nilagħbu f’Turin. Kont ċert li kieku lgħabna l-ewwel logħba hemm, it-tieni leg hawn Malta kien ikun bla interess. Niftakar li kien aċċetta biex indawru l-fixture u l-ewwel logħba ntlgħabet Ta’ Qali. B’hekk serviet biex finanzjarjament immorru tajjeb.”
Induna li filwaqt li kont bil-qiegħda, bdejt nitbaxxa aktar minn normal. Qalli biex ma nagħtix kas, għax il-pultruni kienu waslu għal service tajjeb. Ma tajtux tort.
“Punt negattiv kien il-fatt li konna viċin f’diversi drabi li nikkwalifikaw fl-eliminatorji kemm tat-Tazza Uefa u kemm fiċ-Champions League u l-partita ta’ wara kien imiss tim kbir. Tlifna ċ-ċans li nilagħbu ma’ timijiet bħal Fiorentina, Celta Vigo u Barcelona. Jiddispjaċini għax anke bħala klabb, konna nkunu fuq sisien aktar sodi.”
Imma fil-verità, t-tim ta’ Valletta baqa’ f’qalbu?
“Il-mod kif spiċċajt ma’ Valletta jiddispjaċini xi ftit. Anke għax sa llum għadni ma nafx x’relazzjoni għandi mad-diriġenti ta’ Valletta għax qatt ma nisma’ mingħandhom. Li nista’ ngħid huwa li jien għadni nattendi għal-laqgħat ġenerali u nipprova nagħti l-għajnuna tiegħi.”
Insaqsih fuq dak li ħafna għadhom jemmnu sa llum li hu tneħħa minn president ta’ Valletta wara interess politiku.
“Assolutament le. Kien hemm din id-diċerija imma qed niċħad bl-akbar qawwa. Fil-ħajja ssib nies li sfortunatament jippruvaw iqajmu l-inkwiet għal xejn. Dan iċcarajtu wara l-elezzjoni tal-klabb. Li ġara huwa li jien kont appoġġjajt kandidat għax huwa l-avukat tiegħi u jagħmel parti mill-familja tiegħi. Minn naħa l-oħra l-kandidat l-ieħor huwa ħabib tiegħi u ftit jafu li huwa l-parrinu tiegħi u li missieru u missieri kienu ħbieb kbar. Minn dan kollu ma kien hemm xejn.”
Kulħadd jaf li daqs sentejn u nofs ilu Joe Caruana Curran kien ikkontesta lil Dr Joe Mifsud għall-kariga ta’ l-MFA. Is-Sur Joe jistqarr li kontra personalment il-President attwali m’għandu xejn.
“Jien ma naqbilx biss mal-mod kif jaħdem u jittratta lin-nies. M’għandiex dubju li l-MFA tipprova tagħmel l-affarijiet għall-ġid tal-futbol Malti. Però naħseb li għal kulħadd ikun wasal żmien biex jispiċċa minn kariga u b’hekk tingħata nifs ġdid lill-assoċjazzjoni li jkun fiha.
“Bejnietna kien hemm 15-il vot. Li kieku dawk it-tmien voti tal-klabbs tal-Premier li qalu se jivvutawli ma dawrux il-ħsieb, kieku llum jien sirt President tal-MFA. Dawn in-nies ma kellix dubju li kienu se jivvutaw lili, għax kienu huma wkoll li proponewni. Nibqa’ skantat u ngħid il-għala proponewni, imbagħad ma vvutawlix? Ġimgħa wara l-elezzjoni ċempluli żewġ klabbs tal-Premier u ammettew li ma vvutawlix. Qaluli li għamlu żball. Ma nistax nifhem kif fi ftit żmien reġgħu dawru l-ħsieb tagħhom. Kien tard wisq. Imma ħaġa ċerta hi li sibt appoġġ kbir mit-Tieni u t-Tielet Diviżjoni. Fl-MFA nara li hemm lok għal tibdil kbir. Nemmen li kollox għadu jimxi fuq il-prinċipju ta’ persuna waħda.”
Minnufih id-domanda obbligatorja tiegħi. Imma s-sena d-dieħla, Joe Caruana Curran jerġa’ jipprova jagħmel dan il-pass?
“Ma nafx. Ngħidlek biss li kien hemm min avviċinani biex jara xi ħsibijiet għandi. Smajt diġà żewġ ismijiet oħra li għandhom il-ħsieb li jikkontestaw lil Dr Mifsud. Imma fil-każ tiegħi għadni ma nafx u ma neskludix li nerġa’ nikkontesta. Però żgur li jekk ma nkunx jien, mhu se nagħti l-appoġġ tiegħi lil ħadd. Nispera biss li min jitħajjar jikkontesta għall-President, ikun ideali għal din il-kariga.”
Fuq l-MFA kien qalli biżżejjed. Ridt li nerġa’ nkellmu fuq iż-żmien tiegħu bħala President ta’ Valletta. Mingħajr ma trid, mill-ewwel tiftakar fuq il-partita ta’ ftit snin ilu bejn Valletta u Birkirkara, partita li kienet rekord fl-attendenza u rebbħet il-kampjonat lit-tim tiegħu fl-aħħar ġurnata.
“Niftakar kollox fuq dik il-partita. Minn ġimgħa qabel sa llum. Aħna ridna riżultat wieħed biss favurina. Xejn għajr rebħa. Nibqa’ impressjonat bin-nies li kien hemm preżenti u bl-eluf ta’ nies li kienu baqgħu barra. Kienet l-ewwel logħba tal-kampjonat Malti li qatt intweriet diretta fuq it-televiżjoni. Jien bniedem superstizzjuż ħafna. L-aktar li kont bżajt kien il-fatt li minħabba l-mod kif kien imqassam il-grawnd kellna nibdlu l-bankina solita tagħna ta’ fejn inkunu bil-qiegħda. Imma jekk kelli ninkwieta fuq hekk, anke huma kellhom l-istess problema.”
It-tnejn nidħku ftit, nixorbu l-espresso li s-segretarja tiegħu kienet għadha kif għamlitilna. (Importanti niċċaraw li l-kafè m’għamlux hu!) Insibu ħin ukoll biex inpejpu sigarrett flimkien. Fl-istess ħin inkomplu u nippruva niskopri jekk wara tant żmien, illum jammettiex li l-penalty li ngħataw lejn l-aħħar tal-partita kienx ineżistenti jew ta’ l-anqas dubjuż.
“Kien dubjuż ħafna. Imma nassigurak li minn fejn kont jien, il-penalty deher ċarissimu. Imma f’logħba bħal dik irrid nammetti li f’logħba bħal dik il-penalty ma kienx daqshekk ċar biex jingħata. Ir-referee kien aktar viċin l-azzjoni, responsabbli kien hu. Seta’ tah u seta’ ma tahx. Imma kien jew ma kienx il-penalty, dak il-kampjonat se jibqa’ mniżżel fuq Valletta FC. U huwa dak l-aktar li jimporta.”
Deher sodisfatt b’dak li qalli. Infakkru f’xi ħaġa li għal Valletta, ġrat eżattament bil-kontra. Il-partita kontra Hamrun Spartans tas-Snin Tmenin. Fiha Valletta kienu rebħu l-kampjonat imma tilfu l-aħħar partita tagħhom kontra l-Ħamruniżi. Dak inhar Joe Caruana Curran ħadha bi kbira ħafna imma fl-istess ħin stqarr li għad għandu rispett kbir fil-konfront ta’ Victor Tedesco.
“Għadni nirrispetta lis-Sur Tedesco b’mod inkredibbli. Għalija, mill-presidenti kollha li kien hawn fil-futbol Malti, probbabli li huwa l-aktar wieħed li kellu għarfien u talenti fil-logħba tal-futbol. Kien ikun dejjem ippreparat u kif jara u jaqra l-logħba hu, kienet xi ħaġa fenomenali.
Minn barra President kbir, kien kowċ kbir ukoll. Ma’ dan, wieħed irid iżid li kellu plejers kbar u dejjem kellu kowċis kapaċi bħal Lolly Aquilina jmexxu t-tim. F’dik il-logħba partikolari konna ktibna isimna b’mod negattiv b’xeni tal-għajb wara l-logħba. Huwa dispjaċir kbir li l-klabb tagħna kien involut f’dak il-każ. Kulħadd jaf li dawn l-affarijiet, lili jdejquni. Kont jien stess li tajt l-ismijiet lill-pulizija u anke xehedt kontrihom fil-qorti. B’dispjaċir ngħid li tim bħal Ħamrun jinħass sew in-nuqqas tiegħu mill-futbol Malti. Hija telfa kbira għall-futbol inġenerali u għall-Ħamruniżi kollha. L-appoġġ tagħhom kien xi ħaġa inkredibbli. Jien nawguralhom li ma jdumux ma jerġgħu jkunu forza fil-futbol Malti.”
Niefqu għall-mument u nsaqsih jekk xi darba jistax jerġa’ jkun President ta’ Valletta FC.
“Assolutament…assolutament li ma rridx u neskludi kull possibiltà. Issa qed ikolli ċans nieħu ħsieb l-affarijiet tiegħi li kont nittraskura fiż-żmien meta kont fil-kariga. Dawk kienu snin importanti f’ħajti. Kelli 18-il sena ta’ sodisfazzjon. Żgur mhux se ngħid li jiddispjaċini imma llum li sibtni komdu aktar kif jien, ma naranix mill-ġdid f’din il-kariga. Żgur li m’hemmx ċans li nerġa’ nkun President ta’ Valletta FC.”
Naf illi bejn Joe Caruana Curran u Tony Drago hemm ħbiberija speċjali. Interessanti li wieħed ikun jaf kif bdiet din ir-relazzjoni bejn it-tnejn, tant li ż-żmien li Tony jagħmel Malta, fejn tara lil wieħed, tara lill-ieħor. Qishom id-Di u d-Do.
“Tony Drago ili nsegwih minn mindu kellu tmien snin. Niftakar li kont smajt li l-Belt hemm tifel li biex ilaħħaq ma’ l-isnooker kien jitla’ fuq kaxxa tal-minerali. It-talenti tiegħu kienu aktar minn normal. Ta’ dik l-età kien bellah lil kulħadd. Minn żgħożija mhux daqshekk faċli rnexxilu jsir l-aktar sportiv Malti li laħaq il-livelli straordinarji. Jekk tmur l-Ingilterra u ssemmi Tony Drago, kulħadd jafu. Tony ta ħafna lil pajjiżna. Jiddispjaċini li bniedem bħal Tony qatt ma ngħata importanza biżżejjed mill-awtoritajiet Maltin.
“Tkellimna l-ewwel darba waqt partita ta’ Valletta. Konna rbaħna xi logħba u ġie biex jifraħli u bqajna fil-kuntatt. Illum inċemplu lil xulxin spiss u immorru nieklu flimkien kull ċans li jkollna. Iħobb jiekol ħafna u ma tistax tlaħħaq miegħu. L-aptit tiegħu huwa fenomenali u sakemm inkun qbadt il-furketta u s-sikkina hu jkun diġà spiċċa.”
Kont naf li d-dar għandu mejda tas-snooker.
“Jien kont nilgħab ukoll u l-aktar li wasalt kien fi play-off li tlift tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni. Imma li nirbaħ lil Tony hija xi ħaġa impossibbli. Jkolli ċans tajjeb biss jekk jagħtini 100 dota. Imma ma ninsa qatt li 25 sena ilu għamilt break ta’ 106.”
Rajtha ftit iebsa biex niblagħha. Insomma, għamilt ta’ bi ruħi li kien ikkonvinċini. Indawwar id-diskors u nsaqsih x’relazzjoni għandu mat-tfal, Joseph u Gianluca.
“Joseph qed jieħu ħsieb l-uffiċċju miegħi. Niltaqa’ miegħu l-ħin kollu. Gianluca qabad ħajja differenti. Wasal biex isir avukat. Bħalissa qed jipprattika bħala nutar. Sejjer tajjeb ħafna. Bejnietna hemm aktar relazzjoni ta’ ħbieb milli ta’ missier u tfal. Bejnietna qatt ma kien hemm sigrieti u l-akbar vantaġġ huwa li jgħiduli b’kulma jkunu se jagħmlu. Inħobbhom ħafna.”
Qbiżna s-siegħa u kwart quddiem xulxin. Ma stajtx nitlaq mill-uffiċju tiegħu mingħajr ma ninbxu ftit u nsaqsih jekk għadux Interist u x’reazzjoni jkollu jekk kemm-il darba, l-Inter ma jirbħux il-kampjonat din is-sena.
“Interist titwieled u ma ssirx. L-imħabba tiegħi lejn l-Inter bdiet minn meta kelli seba’ snin. It-tifel il-kbir bħali. Gianluca anti-Interist imma. Iħobb il-Juventus u beda jżomm magħhom għax darba għidtlu storja ta’ kif kont ninki lil missieri li kien Juventin ukoll. Minn dak inhar qalli li la kont nagħmel hekk man-nannu, jien se nibda nżomm mal-Juventus u se nkiddek. U kiddni xi ħaġa!
“Jekk ma nirbħux l-iscudetto din is-sena, r-reazzjoni tiegħi tkun l-istess waħda li ilha għal dawn l-aħħar 15-il sena. Diżappunt enormi u traġedja. Ma nemminx li l-Inter jistgħu xi darba jitilfu l-kampjonat. Anqas noħlomha ma rrid. L-aktar li rridhom jirbħu l-kampjonat huwa għal bniedem bħal Moratti. Li kieku kelli nsir diriġent ta’ l-Inter bil-flus ta’ Moratti ibqa’ ċert li l-Juventus ma kinux jirbħu dak kollu li rebħu f’dawn l-aħħar snin.”
Filwaqt li jerġa’ jġibli espresso ieħor jgħidli xi jfisser li tkun Belti filwaqt li jirringrazzja lil dawk in-nies li tul ħajtu ġabulu rispett kbir.
“Trid tkun Belti biex tkun taf xi jfisser it-tim tal-futbol għalik. L-imħabba li jista’ jkollhom in-nies tal-Belt lejn il-bniedem ma tistax timmaġinaha. Persważ li Valletta għandhom skwadra tajba b’kowċ bravu. Nitlob biss li fi żmien qasir dan it-tim jerġa’ jibda jagħti sodisfazzjon kbir lill-Beltin. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Maltin inġenerali li dejjem urewni rispett. Nirringrazzja lil Alla li jżommni ħaj. Lill-familja tiegħi kollha li mingħajr l-appoġġ tagħhom ma kien jirnexxili nasal fejn qiegħed illum.”
mattard@mediatoday.com.mt

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt