10 ta' Diċembru 2006
Carlos Farrugia mil-lenti ta’ ħuh Paul
Carlos mill-Belt beda l-karriera artistika tiegħu bħala mudell. Imbagħad ħa sehem bħala Ġesù fid-drammi tal-Passjoni wara li rawh jimmudella. Bħalissa qed narawh bħala Sergio f’Gizelle. Karattri li kellu riċenti fuq it-televixin huma Kevin f’Għada Jisbaħ Ukoll u Stiefnu fit-Tfal Jiġu bil-Vapuri.
Paul Farrugia, ħu Carlos, hu sentejn ikbar minnu. Ilu miżżewweġ seba’ snin lil Marquita u għandu tlett itfal – Noah, Naomi u Aaron. Xogħlu hu bejjiegħ tal-Monti.
Kemm tixbhu lil ħuk? Bħala fattizzi għandna ta’ xulxin però hu bjond u jien ismar. Imbagħad jien aktar kalm minnu. Naqblu f’ħafna affarijiet.
Meta kontu żgħar kif kontu bejnietkom? Kien ikollna ġlied ta’ tfal li konna imma minn dejjem konna ninħabbu ħafna. Meta kbirna konna noħorġu flimkien fil-weekends. Għadna naqblu sal-lum.
X’tip hu Carlos? Jiġi dejjem tard, qatt ma jkun fil-ħin. Għandu karattru pjaċevoli ħafna. Meta ma jkunx hemm tħossu n-nuqqas tiegħu.
Kif inhu Carlos bħala ziju? Jinżel ħafna għal-livell tat-tfal. Iħobb jilgħab magħhom. Iħobbuh ħafna. Hu l-uniku ziju minn naħa tiegħi. Anki meta jarawh fuq it-televixin, jieħdu gost, ‘Ara z-ziju Carlos!’
Hemm xi karattru li kont ixxebbhu miegħu mal-partijiet li għamel s’issa? Il-figura ta’ Ġesù naraha tixraqlu, bħala estetika, bħala minn ġewwa fadallu x’jaqdef.
Carlos jagħti l-impressjoni li hu kalm. Hemm xi ħaġa li tirrabjah? Meta ommna tinkwieta żżejjed fuqu, bħal meta ssaqsieh hux dieħel għall-ikel, jew biex isuq bil-mod. Inkwiet normali ta’ l-ommijiet.
X’tip ta’ tfajliet jogħġbuh? Simpatiċi, m’għandux xi preferenza partikulari bejn bjondi jew somor. Iħares lejn il-valuri u l-karattru aktar minn kollox.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt