10 ta' Diċembru 2006 • Nr 6

Arkivji




 

10 ta' Diċembru 2006
Bil-Varloppa – Poeta li jinċana ħsiebu

Ġabra ta’ poeżiji li fi kliem Peter Serracino Inglott huma “l-iprem poeżija ta’ l-epoka bikrija Ewro-Maltija”.
Louis Briffa kiteb dawn il-poeżiji bejn l-1985 u l-2005, li b’mod mill-iktar sottili, jittratta temi jaħarqu bħall-erotiżmu, l-ambjent, l-ilsien Malti u l-politka. “Varloppa” tfisser ċana tal-maqbad li tintuża biex tinċana jew tillixxa l-injam. Għal Briffa però, it-titlu hu metafora li jispjega s-sengħa tal-kitba kif ukoll metafora ta’ kontroll. Dan il-ktieb tfaħħar minn bosta poeti u kritiċi letterarji fosthom Achille Mizzi, Paul Buhagiar, Oliver Friggieri, Philip Sciberras u Charles Briffa. L-illistruzzjonijiet fil-ktieb huma xogħol Joe Genovese u l-qoxra hi ddisinjata minn Pierre Portelli.
Louis Briffa hu rebbieħ ta’ bosta Konkorsi Letterarji fosthom Ġieħ Ġużè Aquilina (1998) u l-Premju Letterarju Patri Marjanu Vella (2000). Uħud mill-poeżiji tiegħu dehru f’bosta gazzetti lokali u nqalbu għall-Ingliż, it-Taljan u Esperanto. Bħalissa hu l-uffiċjal inkarigat mill-Medical Materials Management Unit ta’ l-Isptar San Luqa.

JAF MITFI
L-ĦARS

Jaf mitfi l-ħars ta’ min fittex fid-dalma
għal par idejn u qalb tħabbat bħal tiegħu.
Jaf ma jiżinx il-moħħ ’mma xorta jagħraf
u jifhem it-tbixkil ta’ min irieġi.
Jaf ma jinżlux mal-mewġ sa l-għawma ’l ġewwa
biex xorta jegħrqu f’art l-indifferenza.
Jaf dmugħ il-lejl jaħsbuh irxiexa fuqhom
u jaf ma joħolmux b’nawfraġju ieħor.

Dan qlugħ li ma jifdix l-erwieħ imjassra
t’art oħra li ma tridx taf wisq b’uliedha.
Dan vjaġġ li ma jwassalx il-ferħ u s-sabar
u ’l moħħ b’raġġ ta’ ħelsien ifalli jolqot.
Din art li ma tiflaħx għall-klandestini
għax ġidha tonfqu fil-murtali mlewna.
Dan lejl qattiel. Aħjar jekk jaslu mejta.
Bla dmugħ jibkuhom xorta wlied il-gżira.

Bla poża fil-ġurnali rħas ta’ l-għada.
F’wiċċ l-ilma minfuħin. Maħruqa. Mqaxxra.
Imtertqa b’xemx daqsiex fuq folla mbellha
b’ritwal li drat u donnu sar jogħġobha.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt