Kemm aħjar konna ulied il-kerrejja milli ulied sid il-kera. Il-ġenituri tagħna bejniethom wirtu erba’ proprjetajiet bil-kera antika. Kemm il-ġenituri tagħna kif ukoll aħna kellna nidħlu fi djun biex nixtru darna.
Mill-banda l-oħra ulied il-kerrejja qatt ma kellhom iħabblu sufhom biex jixtru darhom għax bil-Liġi arkajka tal-Kera baqgħu jirtu dak li mhux tagħhom. Filwaqt li aħna naħdmu b’ilsienna barra biex inħallsu ’l fuq minn Lm320 fix-xahar “loan” tal-bank, ulied il-kerrejja qegħdin joqogħdu fil-proprjetà tagħna bil-lira fix-xahar jew aħjar b’xejn (għax aħna ma rridux naċċettaw din il-lira bħala protesta għall-inġustizzja).
Issa feġġ raġġ ta’ tama peress li l-Ministru Dolores Cristina poġġiet white paper fil-Parlament. Dan sar sforz it-tgergir ta’ sfurtunati bħalna u l-imbuttar mill-Alternattiva Demokratika. Aħna nixtiequ ħafna li s-sistema ta’ wirt tal-kera inġusta tieqaf eżatt mal-mewt tal-konjugi anzjani kerrejja attwali, u dan mingħajr eċċezzjonijiet li jagħtu lok għall-loop holes. Però aħna realistiċi, u nafu li l-Gvern, la jrid jitlef voti u lanqas għandu akkomodazzjoni għal ulied il-kerrejja.
Bil-prezzijiet tal-lum, min kien dejjem komdu “jiret” dar b’ċuċata ta’ kera fix-xahar, diffiċli jitħajjar jieħu kirja moderna (tibda minn Lm80 fix-xahar għal toqba) jew jidħol fi djun bħalna. Probabbli jibqa’ kollox kif inhu u aħna nibqgħu “sponsors” involontarji ta’ nies li qegħdin wisq iktar komdi minna.
Ftit għandna għażla. Nistgħu nidħlu il-Qorti u naħlu ħina u flusna f’kawżi ma jispiċċaw qatt. Jew inkella l-aħjar nagħlqu għajnejna biex ma narawx ulied il-kerrej jgħixu fi djarna bla stress ta’ xejn, jinvestu flushom f’karozzi tal-lussu, btajjel eżotiċi u “villeġġjaturi” bil-fireplace.
Vanessa Miceli u
Ivan Cassar
Mosta
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt