10 ta' Diċembru 2006 • Nr 6

Arkivji




 

10 ta' Diċembru 2006
Stampa ideali wisq fuq l-għadds

Bqajt sorpriż mhux ftit bir-riklam li qiegħed jidher fil-gazzetti lokali li l-għan tiegħu hu li jpinġi lil Malta bħala post ideali għall-għaddasa. Naħseb li dan ir-riklam qiegħed jagħti stampa wisq imżejna u idealistika.
Hu minnu li pajjiżna joffri bosta siti ta’ interess għal min iħobb dan it-tip ta’ passatemp. Barra minn hekk il-klima ta’ pajjiżna toffri l-possibbiltà li dan il-passatemp ikun prattikat tul is-sena kollha.
Veru li f’Għawdex għadhom kif għarrqu żewġ vapuri bl-għan li joffru sit alternativ għall-għaddasa. Hu veru wkoll li fiċ-Ċirkewwa sar poġgaman biex jgħin lill-għaddasa huma u niżlin il-baħar. Però dan biss mhux biżżejjed.
Nibda biex insemmi li fiċ-Ċirkewwa u ż-Żurrieq, postijiet magħrufa ma’ l-għaddasa Maltin u barranin, wieħed lanqas biss isib xi tip ta’ lqugħ fejn ikun jista’ jistkenn mill-elementi sakemm jilbes u jinża’.
Barra minn hekk, fiċ-Ċirkewwa wieħed lanqas latrini ma jsib u l-għaddas ikun iffortunat jekk jitla’ minn xi għaddsa u jsib il-karozza tiegħu sħiħa għax b’mod frekwenti ħallelin jagħżlu l-karozzi ta’ l-għaddasa bħala l-mira tagħhom. Naħseb li jagħmel sens ukoll li f’dawn is-siti li semmejt ikun hemm ukoll telefon, imqar bin-numri ta’ l-emerġenza.
Naħseb qabel ma nirreklamaw lil Malta bħala post ideali għall-għaddasa għandna nagħmlu ftit riflessjoni dwar x’qegħdin noffru u kif nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni.
Nicholas Agius
Siggiewi

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt