10 ta' Diċembru 2006 - Intervista Kull qalb trid oħra
Karl Stagno-Navarra jintervista lill-konsulent Alex Manché
Il-qawl Malti jgħid li kull qalb trid oħra. Fil-każ tal-kirurgu u kardjologu Alex Manchè, dan l-istess qawl jieħu l-ħajja f’kull sens.
Il-mard tal-qalb qed jiżdied f’pajjiżna, u għaldaqstant, huma mijiet dawk fostna li b’xi mod jew ieħor kellhom kuntatt
mad-Dipartiment tal-Kirurġija tal-Qalb fl-Isptar San Luqa.
Iħares lejk b’għajnejn ċari ħafna, b’xahar abjad li jagħti fil-fidda u b’frenża li tgħatti l-parti ta’ fuq ta’ moħħu. Alex Manchè hu
l-Konsulent li jilqgħek, jisimgħek u li jmexxi l-kura li wieħed jeħtieġ.
F’Malta mill-bidu tas-Snin 90, wara snin jaħdem fl-Ingilterra u fl-Istati Uniti, Alex Manchè irritorna lejn art twelidu b’bagalja mimlija esperjenza fis-settur delikat tal-kardjoloġija.
Manchè għandu personalità interessanti, għaliex jekk toqgħod tosservah tinduna l-ewwelnett li hu raġel mistħi sal-punt li ma jimbuttax lilu nnifsu għall-fama li kapaċi jgawdi għall-intellġenza u l-kapaċitajiet tiegħu.
B’aktar minn 37 pubblikazzjoni u 53 preżentazzjoni xjentifika dwar
il-kardjoloġija, Alex Manchè jibqa’ persuna riservata li ma jfittix ebda glorja personali kif ta’ spiss tista’ tkun it-tentazzjoni.
Mingħajr ma nnaqqas mill-merti jew mir-responsabbiltajiet ta’ tobba u speċjalisti f’oqsma oħrajn, Alex Manchè jaffaxxinani għall-fatt li hu jintervjeni direttament fuq dak li hu l-qofol tal-ħajja tagħna: il-qalb.
“Il-qalb hi l-ħajja u l-mard marbut miegħu m’għandux età,” jispjega, waqt li jżid kif fis-sala operatorja wieħed jaħdem b’konċentrazzjoni biex jirranġa l-ħsara li magħha tkun marbuta l-ħajja jew il-mewt ta’ persuna.
“Imma għidli din”, nistaqsih, “qabel ma tidħol biex topera fuq qalb pażjent, ma tinkwetax li ħajtu f’idejk?”
“Ma ngħidx li nkun inkwetat, iżda pjuttost inkun mimli b’ansjetà għaliex meta topera ma tkunx taf x’se ssib. Mill-istudji xjentifiċi u bijoloġiċi li jsiru qabel operazzjoni joħorġu ċerti riżultati, iżda ma tkunx taf b’ċertezza kemm il-ħsara tkun akbar jew anqas”.
F’sena waħda fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija qed isiru medja ta’ 450 operazzjoni u 500 angioplasty, ċifra meqjusa bħala għolja ħafna f’sens ta’ effiċjenza. Madankollu hi wkoll indikatur ta’ allarm għall-istil ta’ ħajja li qed jgħixu l-Maltin u li minħabba fiha qed ibatu konsegwenzi li jirreflettu f’saħħithom.
“Li jinkwetani hu li l-mard tal-qalb sar fost l-aktar komuni f’Malta u dan hu fattur allarmanti għas-soċjetà tagħna”.
“Illum żagħżugħ ta’ 32 sena kien jinħtieġ angioplasty u għal darb’ oħra, dan hu eżempju ta’ l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu. Kollox jgħodd minn dak li nieklu, li nixorbu u nagħmlu”.
Alex Manchè isostni li t-tipjip hu l-agħar għadu tal-qalb (minbarra tal-pulmun) u f’dan il-kuntest staqsejtu biex jispjega ftit x’inhi l-aktar ħaġa li jinnota fin-nies li jkunu għaddejjin għall-affari tagħhom fit-triq.
“Meta nara ż-żgħażagħ jiġbdu nifs qawwi ’l ġewwa minn sigarett, tant li narahom anki jagħlqu għajnejhom waqt li qed jiġbdu d-duħħan ’il ġewwa b’tant passjoni, ngħid mill-ewwel li fi ftit żmien ieħor se jkunu jeħtieġu l-kura kardijaka.”
Problema oħra hi dik relatata mad-dieta li nsegwu.
Platti abbundanti, b’ħafna ħobż, għaġin, żjut u affarijiet oħra li maż-żmien iħaxxnu d-demm u jkollhom implikazzjonijiet serji fuq il-funzjoni tal-qalb .
“Ma neħodhiex kontra min għandu 50 jew 60 sena li jiġi għandi bi problemi kardijaċi minħabba tipjip jew dieta. Neħodha kontra dawk li huma iżgħar għaliex bil-kontra ta’ dawk ta’ qabilhom li fir-realtà tagħhom ma’ kinux esposti għall-kampanji edukattivi, iż-żgħażagħ illum huma mgħarrqa f’kampanji edukattivi u b’informazzjoni,” jistqarr.
“Iż-żewġ kategoriji ta’ etajiet huma dipendenti fuq il-vizzju tat-tipjip, ix-xorb u l-ikel żejjed, iżda ma nistax niġġustifika l-ħsara li ssir minn min għandu tant informazzjoni dwar il-perikli li qed joħloq għalih innifsu.”
Alex Manchè jitkellem bl-aktar mod miftuħ u jippreferi jiżgiċċa minn mistoqsijiet li jikkonċernaw lilu direttament.
Hu bniedem umli, tant li hekk kif
il-fotografu tagħna daħal fil-kamra biex jiġbidlu ritratt għall-intervista għamel li seta’ biex tellfu milli jiffoka fuqu.
Għal Alex Manchè xi tfisser spiritwalità?
“Ifisser ħafna, għaliex jagħti s-sens ta’ direzzjoni f’dak kollu li nagħmel. Il-fidi hi sabiħa għaliex timlik bħala persuna. Tagħtik l-għaqal u l-għerf. L-ispiritwalità twittilek it-triq lejn il-kuntentizza interna.”
Hu t-tip ta’ karattru li ma jaċċettax li jkun membru fl-ebda union rappreżentattiva
tal-kategorija medika.
“Nippreferi noqgħod ’il bogħod minnhom,” isostni.
B’isem li sar magruf l-aktar hekk kif fl-1999 kien hu l-konsulent u l-kardjologu li opera fuq il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami li kien jinħtieġ by-pass multiplu, Alex Manchè jistqarr li anke jekk kien ħaddieħor, kien jagħtih l-istess attenzjoni.
Dan jikkonfermawh mijiet ta’ pazjenti li għaddew minn taħt idejh għall-fatt li Alex Manchè jżomm relazzjoni eċċellenti mal-pazjenti kollha tiegħu, irrispettivament mill-età, status soċjali jew mod ieħor.
“Quddiemi kulħadd hu ndaqs,” jinsisti.
X’jirrakkonta dwar l-esperjenza u r-responsabbiltà li opera fuq il-Prim Ministru?
“Nitlob lil kulħadd isegwi l-eżempju tiegħu li jobdi kull rakkomandazzjoni li għamiltlu u li baqa’ jsegwi sal-lum biex iħares saħħtu minn kull lat.”
Nitkellmu dwar l-etika fil-mediċina u fil-professjonijiet marbuta magħha, tema li Alex Manchè jitkellem dwarha b’mod mill-aktar raġunat.
“Qatt m’għandek tkun imħallef fuq xejn. Sib ir-raġuni f’dak kollu li tagħmel u għamlu bil-qalb. L-etika hi prudenza u xejn aktar u aktar ma nkunu prudenti magħna nfusna u ma’ ħaddieħor, is-soċjetà tagħna tkun waħda ferm aħjar milli hi, f’kollox.”
Il-prudenza u l-għaqal f’Alex Manchè huma riflessi fil-mod ta’ kif jimminimizza r-rwol tiegħu fil-ħidma bħala konsulent.
“Tikkonċentrax kollox fuqi,” jinsisti, filwaqt li jispjega li flimkien miegħu hemm il-Professur Albert Fenech, id-Direttur tas-Servizzi Kardijaċi, u t-tim ta’ paramediċi u nfermiera li jaħdmu b’ħila u b’dedikazzjoni kbira fi ħdan id-dipartiment kollu.
“Jien rota waħda f’makna akbar, li din is-sena, bil-ħila kbira ta’ kulħadd, ma tlifna l-ebda pazjent u dan għall-grazzja ta’ Alla.”
Ftit tal-jiem ilu, Alex Manchè ngħata l-Premju ‘Frank Salt’ għall-Għarfien Nazzjonali, premju ta’ Lm1,000 li permezz tagħhom se joħloq fond għar-riċerka tal-kardjoloġija.
Ippremjat mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi, Manchè staħa jitla’ fuq il-palk biex iwieġeb għat-tifħir li kiseb fid-diskorsi li sarulu qabel.
U għal għada x’qed jantiċipa Alex Manchè?
“Irrid nagħti aktar ħin lil marti Mary, u jekk kemm-il darba nirtira kmieni, nintefa’ ndoqq il-pjanu, u flimkien ma’ sħabi, min jaf… forsi wkoll noħorġu album.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt