10 ta' Diċembru 2006 • Nr 6

Arkivji




 

10 ta' Diċembru 2006 Il-Punt - Albert Tabone
Pensjonijiet: X’riforma?

Meta f’Lulju li għadda flejt Abbozz Nr. 76 bl-emendi proposti għall-iskema ta’ pensjoni kontributorja ħsibt li dak li kien propost ma kienx qed jindirizza l-problemi kollha u żgur kienu qed ikunu njorati l-interessi ta’ eluf ta’ pensjonanti ta’ llum u ta’ eluf oħra li għad iridu jirtiraw
Għaddew erba’ xhur, smajt id-dibattitu, l-abbozz kważi sar liġi u ma bdiltx fehmti. Li jolqtok hu kif il-maġġoranza tal-proposti jibda jkollhom effett mhux issa imma snin twal oħra.
Kulħadd donnu nesa li fejn għandhom x’jaqsmu pensjonijiet pajjiżna hu speċjali. Hu fost il-ftit pajjiżi fl-Ewropa li m’għandux ħafna skemi ta’ pensjoni ta’ servizz (occupational pensions).
Iċ-ċokon tal-maġġoranza kbira ta’ intrapriżi, flimkien ma’ problemi ta’ kompetittività, jagħmlu diffiċli l-ħolqien ta’ skemi ta’ din ix-xorta għall-kotra l-kbira tal-ħaddiema. Dan il-fatt joħloq ħtieġa għal pensjoni kontributorja statali tassew adegwata kemm meta persuna tieqaf mix-xogħol u tul il-kumplament ta’ ħajjitha.
L-effetti ta’ kull riforma jinħassu tul is-snin. Għalhekk tiddaħħal bi gradwalità bħalma pprova jagħmel il-Gvern f’dan il-każ. Biss, b’riforma wieħed jistenna li dak kollu, jew kważi li jkun hemm ħażin, jirranġa ruħu. F’dan il-każ l-anomaliji fil-Liġi tas-Sigurtà Soċjali hemm kienu u hemm baqgħu. Ħadd minn naħa tal-Gvern ma jista’ jgħid li ma jafx li jeżistu. Kważi erba’ snin ilu l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti kienet issottomettiet memorandum dettaljat. Kien biss wara li l-kwistjoni reġgħet tqajmet f’laqgħa f’Ġunju li għadda li beda jsir xi ħaġa. Imma fl-abbozz ma deher xejn. Baħħ!
Fil-każ ta’ l-Ogħla Dħul Pensjonabbli (jiġifieri l-massimu tad-dħul li ma jistax jinqabeż biex tiġi ffissatha l-ogħla pensjoni) sar agħar minn hekk. Intesa li bejn l-1981 u Diċembru 2004 din baqgħet l-istess figura ta’ Lm6,750, qisha kienet fil-friża. Mill-2005 bdiet tiżdied bl-ammont ta’ żieda fissa maħduma fuq l-inflazzjoni fuq il-paga soċjali (jiġifieri l-paga minima +) u fl-2006 laħqet Lm6,958. X’tgħid il-Liġi li approva l-kumitat tal-Parlament?
Għal dawk li twieldu sa l-aħħar ta’ Diċembru 1951 is-somma ta’ Lm6,958 tibqa’ tiżdied kull sena biż-żieda fissa għall-Għoli tal-Ħajja (COLA) sakemm tilħaq Lm7,500 madwar is-sena 2012.
Għal dawk li twieldu bejn l-1 ta’ Jannar 1952 u l-31 ta’ Diċembru 1961, tiżdied bl-istess rata sakemm tilħaq Lm9,000 (imma dan mistenni jkun madwar l-2029, jew 23 sena oħra)
Dawk li twieldu fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara huma l-aktar fortunati. Għal dawn is-Lm6,958 issir Lm9,000 fl-1 ta’ Jannar 2013. Sena wara, fl-2014, id-Lm9,000 tiżdied kull sena b’somma li tikkorrispondi għal 70% taż-żieda perċentwali fil-paga medja u għal 30% tar-rata ta’ inflazzjoni.
Dawk li twieldu fl-1 ta’ Jannar 1962 u wara se tispiċċalhom ir-rabta bejn pensjoni u paga, waqt li dawk li twieldu qabel din se tibqgħalhom.
Sakemm pensjoni tibqa’ tinbidel ma’ kull bidla fil-paga kurrenti tal-post li fuqu nħadmet il-pensjoni, il-pensjonant ikampa. Ir-rabta bejn pensjoni u salarju jibbenefika minnha biss min hu kopert bi ftehim kollettiv - sakemm is-salarju tal-post ma jaqbiżx il-massimu tad-dħul li fuqu tista’ titħallas pensjoni.
Persuni mhux koperti bi ftehim kollettiv u dawk li s-salarju tal-post li kienu jokkupaw ikun qabeż il-massimu li fuqu tinħadem il-pensjoni, jieħdu biss iż-żieda taż-żewġ terzi tal-COLA. B’dan l-arranġament, malli jibdew jogħlew ftit sew il-pagi, eluf sejrin isibu li se tispiċċalhom ir-rabta bejn paga u pensjoni u jibdew jieħdu biss żewġ terzi taż-żieda fissa għall-Għoli tal-Hajja. Jista’ jiġri wkoll li jispiċċaw b’pensjoni ta’ anqas minn żewġ terzi tal-paga. F’dan ir-rigward il-proposti approvati jimxu fuq l-istess triq żbaljata li ilu jimxi l-Gvern tul l-aħħar 19-il sena. Altru minn pensjoni adegwata!
Kemm bil-fomm u kemm f’dokument uffiċjali (dak ta’ qabel il-Budget 2007), il-Gvern effettivament jammetti li l-adegwatezza tal-pensjonijiet tkun assigurata biss b’pensjoni tat-Tieni Pilastru, iġifieri pensjoni addizzjonali li jħallsu għaliha min jaħdem u min iħaddem. Għalhekk wieħed kien jistenna li din tiddaħħal mill-ewwel. Issa nafu li rridu nistennew sa l-2010 u mbagħad naraw.

L-aqwa li daħħlu artiklu “enabling” fil-Liġi, donnu biex nikkonvinċu lilna nfusna li żgur se ndaħħlu din l-imbierka Pensjoni tat-Tieni Pilastru. Injoraw il-fatt li, meta l-premiums ikunu pjuttost baxxi, persuna li ma tkunx ħallset għal snin twal, tispiċċa tieħu ċekċik. Dawk li llum għandhom 35 sena jew aktar, jaqblilhom joqogħdu ftit attenti.
L-istess politika ta’ posponiment narawha fil-każ tal-Pensjoni Minima Nazzjonali Garantita (PMNG). Kien biss wara li l-Gvern ġie konvint li l-PMNG m’għandhiex tkun anqas minn 60% tal-qligħ medju li daħħal din il-proposta. Biss, għall-maġġoranza l-kbira ta’ pensjonanti, din tibda tapplika fl-2027. Jekk hemm riskju ta’ faqar dan għandna neliminawh issa u mhux nistennew 20 sena oħra.
Meta wieħed jara affarijiet bħal dawn bil-fors jibda jiddubita jekk Malta tassew tiffurmax parti mill-Unjoni Ewropea. Waqt li fl-Ewropa żieda fil-pensjonijiet b’perċentagġ li jikkorrispondi għar-rata ta’ l-inflazzjoni hi meqjusa insuffiċjenti, min jiggverna Malta jaħsibha mod ieħor.
Ministri Maltin iqisu żieda fissa bbażata fuq inflazzjoni fil-livell tal-paga soċjali (biex ma ngħidx minima) bħal waħda adegwata.
Kienu jitwemmnu aktar kieku applikaw l-istess arranġamenti (li jgħidu li huma tajbin għaċ-ċittadin komuni) għall-pensjonijiet tagħhom.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt