10 ta' Diċembru 2006 • Nr 6

Arkivji




 

10 ta' Diċembru 2006
Xamma ta’ telfa għall-PN

Kollox jista’ jsir suf għan-Nazzjonalisti jekk minn issa ma jaħdmux bl-intelliġenza u l-finezza li huma magħrufin għaliha.
Sal-lum il-partitarji Nazzjonalisti huma diżillużi. Uħud minnhom diġà ddeċidew x’se jagħmlu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Mhux se jivvutaw lil PN u għadhom itellgħu u jniżżlu jekk jivvutawx lill-ħaddieħor. Ħafna minnhom ma jaslux li jivvutaw għall-partit ta’ Alfred Sant għax għadhom jemmnu li jekk jagħmlu hekk se jaqbżu minn ġot-taġen għal ġon-nar. Iżda bosta huma dawk in-Nazzjonalisti li qed jaspiraw li sa l-elezzjoni li ġejja jkunu f’qagħda li l-vot tagħhom ma jintilifx u jagħtuh lil min ikun qed jipproġetta l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Bħal vulkan li jbaqbaq minn ġewwa iżda li għadu ma żbruffax, il-PN għandu bżonn idur dawra sew internament u jsolvi l-problemi kbar li għandu. L-istrateġija li qed jaddotta bħalissa mhix tinżel tajjeb mal-partitarji nfushom, aħseb u ara kemm qed tilħaq lil dawk li mhumiex fanatiċi jew midħla tal-partit.
L-istrateġija Nazzjonalista hija bbażata fuq tliet binarji: is-suċċessi tal-Gvern; it-tiġdid tal-partit u l-ġlied fil-Partit Laburista. Din l-istrateġija jista’ jkun li taħdem għal xi żmien imma żgur mhux se twassal biex in-Nazzjonalisti jerġgħu jikkonvinċu lill-elettorat jagħżel lilhom fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Għalkemm il-Gvern għandu fejn u għaliex jiftaħar b’ċerti kisbiet li għamel, dan kollu huwa mtappan minn miżuri drastiċi li kellu jieħu matul it-tliet snin li għaddew u li laqtu lill-partitarji u l-poplu fil-laħam il-ħaj.
Il-gvern ma jirnexxilux jikkonvinċi meta jgħid li ċerti liġijiet u regolamenti “ta’ sikkatura” jew “kontrolli” huma riżultat tas-sħubija fl-UE. Ħafna jirraġunaw li wara sentejn minn mindu dħalna żgur li ma sibniex l-UE li kien ipingi l-PN qabel l-aħħar elezzjoni.
Il-fatt li pajjiżna se jiggwadanja minn 850 miljun Ewro itaffi ftit mid-diżappunti imma mhux se jkun biżżejjed biex iġib il-kuntentizza qabel il-poplu ma jibdiex jara b’għajnejh u jmiss b’idejh il-frott ta’ dan il-finanzjament. Żgur li nkunu qed noħolmu jekk naħsbu li sa l-elezzjoni li ġejja se jkunu lesti l-proġetti kollha li jridu jitħallsu minn dawn il-miljuni ta’ Ewro.
Il-gvern stess huwa konxju minn dan u għalhekk għamel baġit għas-sena d-dieħla bit-tir li l-poplu f’idejh ikollu x’jonfoq.
Il-PN jafu sew li meta quddiem l-elettorat ipoġġu ż-żmien ta’ 20 sena fil-Gvern fil-konfront tal-“kisbiet” li għamel Gonzi fl-aħħar tliet snin, il-miżien se jxaqleb lejn il-ħtieġa tal-bidla u mhux lejn il-kontinwazzjoni tal-Gvern preżenti. Anke jekk Gonzi sa ċertu punt ipprova jagħti l-impressjoni fil-bidu tal-ħatra tiegħu li hu kien se jkompli jibni fuq dak li wettaq Fenech Adami, biż-żmien dan beda jinfatam mill-istil politiku preċedenti u ta t-timbru tiegħu f’dak kollu li jagħmel il-Gvern. B’hekk Gonzi, kontra dak previst mill-konsulenti tiegħu, spiċċa jaqlagħha miż-żewg naħat: attakk minn ġewwa, min-Nazzjonalisti nfushom u attakk minn barra, mil-Laburisti u oħrajn b’rashom fuq għonqhom.
Ta’ ġewwa bdew ixerrduha li l-PN m’għadux Nazzjonalista u resaq wisq lejn iċ-Ċentru jekk ma xaqlibx ukoll lejn ix-Xellug. Il-Laburisti mexxewha li Gonzi jista’ jkun agħar minn dak ta’ qablu u din l-idea ma waqgħetx fuq widnejn torox! Oħrajn bdew ifittxu x’inhuma d-differenzi fit-tħaddim tal-politika bejn iż-żewg partiti ewlenin. Ideoloġikament, fi kliem il-mexxejja politiċi, għadha tinħass id-differenza imma fit-twettieq tal-programmi politiċi tagħhom din id-differenza ma tinħassx għajr għal xi dettalji - kważi kważi biex ħadd ma jkun jista’ jgħid li l-partiti saru xorta f’kollox. Għalhekk l-idea ta’ partit imġedded ma ħadmitx. U issa ma baqax żmien biex il-Partit Nazzjonalista jipproġetta ruħu bħala l-partit tal-futur.
Fl-imgħoddi rnexxielu jirkupra meta wassal il-messaġġ li hu l-Partit tal-Bidla, jew il-Partit li se jdaħħalna fl-Ewropa. Imma issa l-munizzjon spiċċalu u għalxejn jipprova jipproġetta dehra ta’ partit li għad baqagħlu x’joffri fil-Gvern billi jiffesteġġja l-ftuħ tal-bini ġdid u modern tad-Dar Ċentrali. Il-poplu llum m’għadux jagħti kas il-qoxra. Is-sustanza tgħodd.
L-attakki kontra l-Partit Laburista qed jiżdiedu mill-mezzi tal-media tal-PN. F’dan ir-rigward il-PN hu rfinut għall-aħħar kif jibni storja li tibqa’ tkun ripetuta sakemm tibda titwemmen. Alfred Sant jibqa’ l-mira ewlenija. Se jpinġuh bħala politiku anzjan f’kuntest li issa m’għadux jissimbolizza t-tmexxija ġdida u moderna tal-MLP.
Se jkomplu jgħaffsu fuq kif għamel diversi u-turns kemm ilu fil-kariga u kif ma rnexxilux jgħaqqad il-partit. Nibqgħu nisimgħu d-diska, issa mġenġla, tad-disfatta ta’ 22 xahar li għamel fil-Gvern. Iżda filwaqt li din it-tip ta’ doża tista’ tinżel tajjeb mal-partitarju fanatiku tal-PN, mhix daqstant effettiva ma’ l-elettorat in ġenerali.
L-enfasi tal-PN qed tinbena fuq ’l hekk imsejħa firda interna tal-Partit Laburista: fuq naħa Michael Falzon u fuq in-naħa l-oħra Alfred Sant. Żgur li tattikament din l-istorja (li ma tispiċċa qatt) hija ta’ vantaġġ għall-PN anke quddiem il-floating voter. Imma issa r-rankatura li qabdet din l-istrateġija kellha tieqaf ħesrem, anzi saret boomerang, bil-kontro strateġija li ħareġ biha John Dalli issa wara li l-Qorti ddikjarat ħati lil min għamel rapport falz u li fih kien implikat Dalli.
Il-PN issa qed jiffaċċja sitwazzjoni ta’ dak li tixtieq lil ġarek jiġi f’darek! Il-każ Dalli żgur li se jkollu riperkussjonijiet irreparabbli fi ħdan il-PN daqskemm ġarrab Dalli stess meta kien kostrett jirriżenja minn ministru. Minkejja l-kontrolli fuq l-amministrazzjoni u l-media tal-PN li Gonzi u n-nies leali tiegħu għandhom, se jsibu għadma iebsa fil-konfront ta’ John Dalli li kien kapaċi jistenna l-mument opportun biex mhux jivvendika ruħu imma, kif qal hu stess, jassigura li miegħu ssir ġustizzja. Issir ġustizzja meta jsir jaf min kien il-moħħ jew l-id moħbija wara dak ir-rapport.
Dalli se jinfed mill-grass roots u se jibqa’ jagħfas ’il fuq sa l-elezzjoni ġenerali biex jerġa’ jitla’ fil-wiċċ. Żgur li għamel il-kalkoli tiegħu, għax minkejja li jista’ jieħu xi forma ta’ raġun se jkun qed jirriskja li jibla’ l-ħtija kollha tat-telfa elettorali għall-PN jekk ikun il-każ. U jerġa’ jkollna replika ta’ dak li ġara fl-MLP b’Mintoff fix-xena fit-telfa elettorali ta’ l-1998.
Iżda l-ikbar daqqa li jistgħu jieħdu l-PN, u tkun disfatta kbira għal Joe Saliba u t-tim ta’ strateġisti tal-partit, hija jekk bosta eks-Nazzjonalisti demokristjani, Nazzjonalisti tradizzjonalisti, Nazzjonalisti konservattivi u oħrajn magħhom, jiddeċiedu li jabbandunaw lill-PN u jappoġġjaw lil partit ġdid li bħalissa qed jifforma ruħu u li mistenni joħroġ fil-beraħ fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Mhumiex waħdiet li qed jgħidu li Josie Muscat digà rnexxielu jiġbor appoġġ qawwi minn diversi kwartieri biex għall-elezzjoni li ġejja joħorġu partit “li jrid jassigura rappreżentanza fil-Parlament.” Jidher li dan il-partit ġdid se jkollu l-appoġġ ta’ għaqdiet meqjusin Lemini fl-ideoloġija tagħhom, bħalma hi l-Alleanza Nazzjonali Repubblikana, iżda l-bibien tagħhom se jkunu miftuħin għal kulħadd. L-istrateġija tagħhom se tkun maħsuba biex tattira firxa wiesa’ ta’ l-elettorat b’appoġġ għall-kwistjonijiet nazzjonali li kienu traskurati mill-partiti ewlenin bħalma hi l-immigrazzjoni illegali, jew aħjar il-kampanja kontra l-klandestini f’pajjiżna.
Partit bħal dan se jtellef l-iktar lill-PN għaliex issa l-voti ta’ protesta tan-Nazzjonalisti se jsibu l-kaxxa tal-voti li takkomodahom mill-koxxa. Naturalment, meta qed ikun imbassar li fil-leġislatura li jmiss id-distakk bejn l-Gvern u l-Oppożizzjoni jista’ jkun ta’ siġġu wieħed, allura l-impatt fuq ir-riżultat elettorali li jista’ jħalli dan il-partit ġdid huwa wieħed qawwi. Żgur li se jtellef ukoll lil Partit Laburista u lill-Alternattiva Demokratika.
Għall-PN it-triq quddiemu minn issa sa l-elezzjoni ġenerali hija waħda għat-telgħa, twila u mħarrbta. Se jirnexxilu jaqleb il-folja ta’ taħt fuq meta għandu xamma ta’ telfa elettorali? Nistennew u naraw!

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt