10 ta' Diċembru 2006 • Nr 6

Arkivji




 

10 ta' Diċembru 2006 - Editorjal
Il-każ Joe Zahra

Ir-raġuni li ta l-Prim Ministru din il-ġimgħa għalfejn kien aċċetta r-riżenja ta’ John Dalli fl-2004 ftit titwemmen. Lawrence Gonzi qal li r-riżenja kellha x’taqsam ma’ ’l hekk imsejjaħ skandlu tal-biljetti ta’ l-ajru li nxtraw mill-Ministeru ta’ Dalli mingħand kumpanija tal-qraba tiegħu.
Iżda jekk illum Gonzi qed jipponta subgħajh b’mod ċar u dirett lejn dan l-iskandlu bħala r-raġuni għar-riżenja, mhux ta’ l-istess fehma kien iktar minn sentejn ilu. Dak iż-żmien, fl-ittra tiegħu fejn aċċetta r-riżenja ta’ Dalli, il-Prim Ministru kien sostna li se jirreferi l-każ tal-biljetti ta’ l-ajru lill-Awditur Ġenerali. Dan kien il-parir li tah Dalli stess fl-ittra tar-riżenja.
Iżda anki jekk Gonzi qed jgħid li Dalli rriżenja minħabba l-iskandlu tal-biljetti ta’ l-ajru donnu li mhux ta l-istess fehma s-Segretarju Ġenerali tal-PN Joe Saliba. Fuq il-programm Viċi Versa ta’ nhar l-Erbgħa Saliba kien tal-fehma li anki fuq il-każ tal-biljetti ta’ l-ajru Dalli kien se joħroġ nadif.
Fiċ-ċirkostanzi kif żviluppaw, u fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni ċara tal-fatti kif ġraw, it-teżi tal-Prim Ministru dwar ir-riżenja ta’ Dalli llum ftit titwemmen.
John Dalli ilu jsostni li dak iż-żmien tar-riżenja l-Prim Ministru seta’ kien ikkundizzjonat minn affarijiet oħra. Jidher li r-rapport falz ta’ l-investigatur privat Joe Zahra dwar tixħim fl-għoti tal-kuntratt għall-apparat mediku fl-isptar Mater Dei kellu ħafna piż fuq l-aġir ta’ Lawrence Gonzi.
Hu diġà serju li l-Prim Ministru seta’ kien kundizzjonat minn rapport falz magħmul minn persuna li mhux kredibbli u li għandu storja pjuttost kulurita f’dak li għandu x’jaqsam ma’ rapporti dubjużi.
Iżda huwa iktar serju l-fatt li Gonzi ma ffaċċjax lil John Dalli bl-akkużi fir-rapport.
Għalfejn il-Prim Ministru żamm għalih ir-rapport ta’ Joe Zahra? Għalfejn ħalla mdendel lill-ministru tiegħu?
Jeħtieġ li dawn il-mistoqsijiet jitwieġbu.
Il-familja

Id-dokument dwar il-familja tal-MLP jitkellem dwar għarfien legali għad-drittijiet u l-obbligi ta’ individwi li qed jikkoabitaw, inkluż persuni omosesswali.
Huwa pożittiv li l-Partit Laburista qed jaħseb fuq dawn il-linji progressivi u jagħraf li l-kunċett ta’ familja llum hu ferm differenti minn kif kien 20 sena ilu.
Iżda nħossu li bħala partit progressiv l-MLP seta’ kien aktar avventuruż. Il-kelliem tal-partit għamlitha ċara ma’ din il-gazzetta li l-partit mhux se jkun qed jilleġittimizza familji mhux tradizzjonali.
Inħossu li l-għarfien ta’ l-Istat għandu jmur lil hinn minn sempliċi għarfien tad-drittijiet ċivili tal-persuni fuq bażi individwali.
Jeħtieġ li f’dan il-pajjiż ikun hawn rivoluzzjoni stil Zapatero li fi Spanja għadda liġi li tirrikonoxxi żwiġijiet bejn persuni ta’ l-istess sess.
Anki koppji li jikkoabitaw għandu jkollhom għarfien legali għar-relazzjoni tagħhom.
Minbarra dan id-dokument ma jitkellem xejn dwar id-divorzju. F’soċjetà fejn ħafna nies qed ifittxu d-divorzju stil Malti billi jmorru għall-annullament ċivili u jivvintaw l-iskużi biex iwasslu lill-Qorti temmen li ż-żwieġ qatt m’eżista, d-dħul tad-divorzju jista’ jġib ċerta stabbiltà fil-ġungla legali li teżisti f’ħafna relazzjonijiet.
Illum, ħafna iktar mill-1997 meta Alfred Sant kien waqqaf kummissjoni biex tistudja d-dħul tad-divorzju, jeżisti ċertu kunsens fost ħafna politiċi u Membri Parlamentari taż-żewġ naħat tal-Kamra fuq l-inevitabbiltà li jidħol id-divorzju f’Malta.
Minflok inħallu d-destin jiddeċiedi għalina, il-politiċi Maltin imisshom jiddibattu d-divorzju fil-Parlament u jdaħħlu l-liġi b’ċerta salvagwardji.
Iż-żmien tal-bidla f’dan is-sens ilu jħabbat mal-bieb.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt