Kif tarani pinġini. Hekk twelidt, hekk għext u hekk mit. Kelma ngħidha kif inħossha, anke jekk nispiċċa nimbagħad għal ilsieni. U mhux l-ewwel darba b’dan l-istess ilsien li qatt ma lagħaq lil ħadd, spiċċajt nilgħaq il-feriti ma’ ġismi. Darba minnhom, mhux wisq ’il bogħod minn fejn illum hemm il-knisja ta’ San Bastjan il-ġdida f’Ħal Qormi, qlajt xebgħa ġebel meta ġrew warajja ċorma fidili msaħħnin kontrija minn xi qassisin ta’ qalbhom tajba. Spiċċajt qlajt xebgħa papali, jew biex inkun eżatt arċiveskoVili għax it-tnassis ħafna drabi mill-kurja kien jitqabbad.
Fi żmieni, min la kien jaqlagħha u lanqas jiekolha kien stmat agħar mil-laqx ta’ l-art, sakemm ma kontx xi benestant u kellek kirjiet deħlin.
Kont tara tallaba jitkarrbu l-ħniena fl-irkejjen ta’ l-isqaqien taħt xi niċċa bil-musbieħ inemnem, trab itir u żibeġ tar-redus tal-mogħoż ma’ kullimkien u n-nies ħafjin jgħaffġu fuqu. Kienu jitħażżmu fi ħwejjeġ mormija, bid-drapp mherri u mimli rqajja’, għal bżonn u żgur mhux b’moda bħal tat-tfal tal-lum li jqattgħu qalziethom għal gost biex jidhru trendy. Taħt id-dell tal-kampnari l-kotra kienet isseddaq u tkattar lilha nnifisha fil-miżerja u fil-biża’ t’Alla u tar-rappreżentanti indenji tiegħu f’din id-dinja. F’dak l-għaks kollu u injoranza li tkexkex il-kotra la setgħet tqum fuq saqajha u wisq inqas tlissen leħinha, tant hu hekk li lanqas il-bdiewa, il-gabilotti u l-ħaddiema ta’ l-idejn ma kellhom vot.
Skond il-bxariet ħżiena u tajba li jasluli Lixandra minn Malta, minn dak iż-żmien li telquni sal-lum, m’għadekx tara redus tal-mogħoż barra t-triq għalkemm it-toroq għadhom mimlija trab u ħofor, lanqas għadek tara nies ħafjin u bl-irqajja. Naqsu sew ukoll il-qassisin ta’ moħħhom immuffat. U skond ma jibgħat jgħidli sieħbi Astarita tax-Xirka, il-ħaddiem Malti suppost li emanċipa ruħu għax għandu saqaf fuq rasu, għandu x’jonfoq u fejn jonfoq u kull tlieta jew ħames snin imur jivvota.
Però wisq nibża’ li fuq livell inqas materjali, l-istima tal-kotra mill-ħakkiema bejn wieħed u ieħor għada fejn kienet fi żmieni. Dak li qabel konna nsibuh bħala l-popolin għad hemm min jagħmillu l-bżieq fuq imnieħru u jgħaddih minn għajn il-labbra. Sa minn meta kont għadni niskonta s-sentenza l-ħabs, iktar u iktar wara li twaqqfet ix-Xirka ta’ l-Imdawwlin u ftaħt l-iskola tiegħi, dejjem sħaqt fuq it-tagħlim mhux taċ-ċertifikati u ta’ l-ittri wara ismek, imma t-tagħlim ta’ matul il-ħajja li jdawwal l-imħuħ u li jippreparak tajjeb għall-isfidi tal-ġejjieni biex ħadd ma jaljenak u jgħaddi ż-żmien bik.
F’Malta għad għandkom klassi politika dominanti li għandha stima baxxa ta’ l-intelliġenza tal-poplu, li għadha taħseb li bi ftit ċejċa u bi ftit xejxi lejlet xi elezzjoni kapaċi tillupjah u tnessih l-uġigħ tas-snin ta’ qabel.
Imma kif jgħid il-Malti, mhux kull ma jleqq deheb.
Nieħu bħala eżempju dak li kienu qalulkom tal-Partit Nazzjonali li r-riforma fil-portijiet kellha ġġib roħs fit-tariffi tal-port għall-vapuri li jsalpaw lejn u minn Malta u konsegwenza ta’ dan kellha titjieb il-kompetitività ta’ l-industrija u kellhom jorħsu l-prezzijiet għall-konsumaturi. Wasaltu f’għeluq is-sena, it-tariffi għoljin kienu u għoljin baqgħu. Mhux talli ma raħsux, talli għolew ftit ieħor. Bl-istess mod wara l-isplużjoni fil-prezzijiet tal-mediċini li ġarrabtu fis-snin li għaddew, il-gvern wiegħed li se jdaħħal sistema ġdida ta’ kif jinħadmu l-prezzijiet tal-mediċini li suppost kellha ġġib xi roħs, anke jekk marġinali. Gerrbu l-ġimgħat u anke x-xhur u l-prezzijiet fejn kienu baqgħu u dawk li ma jifilħux għal dawn il-prezzijiet esaġerati, kull ma tista’ tgħidilhom “Alla jgħinek” kif kienu jgħidu lit-tallaba ta’ żmieni.
Ħu l-parir tiegħi. Isma’ kollox u lil kulħadd, xtarr sew imma temminx kull ma tisma’. Iddubita f’kollox, iddeċiedi b’moħħok u tiblax kull ma jgħidulek. F’ħajti dejjem hekk imxejt u għalkemm tbenġilt u ngrift għal dak li emmint, ħadd u xejn ma jħammarli wiċċi.