03 ta' Diċembru 2006
Arċisqof ġdid: Min jistenna jithenna?
Fi żmien meta Malta kienet għadha kolonja u d-drittijiet politiċi tal-Maltin kienu pjuttost limitati, il-figura ta’ l-Arċisqof kienet tiddomina b’mod assolut fix-xena pubblika lokali. L-Isqof kien kunsidrat mill-Ingliżi bħala l-mexxej spiritwali u temporali mhux elett tal-Maltin.
L-Ingliżi kienu jimxu b’politika ta ‘ifred u saltan’ fir-rigward tal-partiti. Imma fejn kienet tidħol il-Knisja u l-Isqfijiet tagħha l-Ingliżi dejjem raw kif għamlu biex iżommu l-aqwa relazzjonijiet u dejjem imxew għal għajn l-awtoritajiet ekkleżjastiċi u dan minkejja li fil-parti l-kbira tagħhom l-Ingliżi kienu ta’ reliġjon protestanta. Anke bil-mod kif kien jinħatar l-Isqof fi żmienhom l-Ingliżi kellhom il-prerogattiva li japprovawh jew jimblukkawh qabel il-ħatra u b’hekk kienu jiżguraw li jinħatar xi ħadd simpatetiku għalihom.
Naturalment minn dak iż-żmien ’l hawn ir-rwol ta’ l-Arċisqof fis-soċjetà tagħna nbidlet radikalment pass pass ma’ l-iżvilupp demokratiku ta’ pajjiżna. Matul is-snin Malta inbiddlet minn Stat kważi teokratiku għal Stat li jiddikjara li hu lajk imma fl-istess hin huwa l-uniku stat mill-25 membru ta’ l-Unjoni Ewropea fejn għadu ma daħalx id-divorzju.
Meta l-Ingliżi ġew biex jintroduċu xi forma ta’ rappreżentanza demokratika fost il-Maltin, l-Isqfijiet ta’ dawk iż-żminijiet kienu jiżguraw li l-poteri temporali ma jaħarbux minn idejhom billi jaċċertaw irwieħhom li r-rappreżentanti eletti mill-Maltin ikunu leali b’mod assolut lejn l-awtorità tal-Knisja. U fejn ma setgħux jiżguraw dan, l-Isqfijiet kienu jfajru d-dnub il-mejjet u jfaqqgħu l-iskomuniki.
Mal-miġja ta’ l-Indipendenza politika ta’ pajjiżna fl-1964, meta l-proċess demokratiku, anki jekk gradwali sar wieħed irriversibbli, u iktar u iktar mal-miġja tar-Repubblika fl-1974 meta s-separazzjoni netta bejn Stat u Knisja tnaqqxet fil-liġi suprema tal-pajjiż, ir-rwol tal-Knisja f’soċjetà iktar miftuħa, pluralista u liberali bilfors kellu jinbidel sostanzjalment.
Bħala animatriċi ewlenija tal-valuri fis-soċjetà tagħna, il-Knisja kellha f’dan il-kuntest mibdul tirristruttura l-għodod u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħha. Mill-era ta’ l-impożizzjoni s-soċjetà Maltija għaddiet għall-era tal-persważjoni u mill-era tat-twerwir bin-nirien ta’ l-infern u l-persekuzzjoni bid-dnubiet il-mejta, bħal bqija tas-soċjetà, il-Knisja kellha tgħaddi għall-era tal-formazzjoni tal-kuxjenza, it-taqbida biex ikunu influwenzati l-imħuħ u jintmissu l-qlub tan-nies permezz tat-tagħlim tal-Vanġelu.
Fil-fehma tiegħi l-akbar sfida li għandha l-Knisja f’Malta llum hi l-qabża kbira fil-kwalità li baqgħet ma seħħitx ta’ kif tqanqal il-kuxjenza tan-nies mingħajr ebda sens ta’ biża’ għall-infern u lanqas xi sens ta’ favur xi art imwiegħda għal wara din id-dinja. Formazzjoni tal-kuxjenza jew tal-karattru, sejħilha li trid, ibbażata fuq il-biża’ jew il-favur hija waħda pjuttost dgħajfa u superfiċjali. Għax hekk kif tibda tmajna l-biża’ li kienet taħkmu, dak li jkun mhux lakemm minflok il-biża’ u l-impożizzjoni jibda juża r-raġuni.
Huma bosta s-sinjali li jixhdu kemm hi kbira l-kriżi fil-valuri li għaddej minnha pajjiżna: in-numru kbir ta’ żwiġijiet li qed jitkissru u jfallu, l-libertinaġġ u l-isfruttament taż-żgħażagħ li qed naraw f’l-hekk imsejħa xena tad-divertiment, il-konsumiżmu sfrenat li ħakem is-soċjetà tagħna, il-mod kif għandna l-ħabta li nkasbru l-ġid komuni tagħna, id-diffikultajiet u pressjonijiet ikbar li qed jiltaqgħu magħhom il-ġenituri fit-trobbija ta’ l-ulied.
L-ironija hi li s-soċjetajiet ferm aktar permissivi u liberali minn tagħna bħal per eżempju fil-pajjiżi Skandinavi, hemm sens ta’ valuri etiċi aktar raffinati u ta’ mġiba ċivika ferm aktar b’saħħitha milli nsibu f’Malta minkejja l-ħafna ftaħir vojt ta’ min kien isostni li Malta kellha sservi bħala l-aħħar bastjun tal-Kattoliċiżmu u tal-valuri insara fl-Unjoni Ewropea.
Ma naħsibx li b’kumbinazzjoni li l-etika u l-valuri reliġjużi huma ferm iktar sodi fil-pajjiżi tan-naħa ta’ fuq tal-kontinent fejn seħħet ir-riforma protestanta milli fin-naħa t’isfel ta’ l-Ewropa fejn storikament il-Knisja Kattolika kellha pożizzjoni privileġġata u kienet tindaħal ukoll fl-affarijiet ta’ l-Istat.
Wara episkopat ta’ terz ta’ seklu ta’ l-Arċisqof Gonzi, kellna kważi terz ta’ seklu ieħor ta’ episkopat ta’ l-Arċisqof Gużeppi Mercieca. Mill-istil awtoritarju u dogmatiku ta’ Gonzi, għaddejna għall-istil imgerrex u pjuttost riservat u low profile ta’ Mercieca. Stil ta’ tmexxija li bir-rispett kollu ftit li xejn illumina l-imħuħ u wisq inqas mess il-qlub tal-Maltin. Il-profil pubbliku baxx li żamm l-Arċisqof Mercieca ma kienx ifisser tmexxija iktar miftuħa u inqas ċentralizzata tal-Kurja.
Taħt it-tmexxija ta’ l-Arċisqof Mercieca s-sisien tal-Knisja f’Malta theżżu kemm-il darba bl-iskandli tal-pedofelija fost il-membri tal-kleru, bil-paganiżmu sfrenat li qed jintwera fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ ċerti festi esterni u anki b’ċerti dikjarazzjonijiet kontroversjali ta’ l-istess Arċisqof dwar, per eżempju, kif il-mara miżżewġa m’għandhiex toħroġ taħdem. Dikjarazzjonijiet anakronistiċi li komplew jagħmlu l-Knisja Maltija irrilevanti għaż-żminijiet diffiċli tal-lum fejn mhux lakemm tgħajjex familja b’paga waħda.
Il-qofol tat-tmexxija fjakka ta’ Monsinjur Mercieca, nieqsa mill-ispirazzjoni u mill-ħiliet bażiċi fil-komunikattiva, ntlaħqet proprju ma’ l-aħħar tokki tal-millennju li għadda matul iċ-ċelebrazzjonijiet li saru fix-Xagħra tal-Furjana meta l-Arċisqof beda jindirizza lill-Maltin li kienu qed isegwu anki permezz tat-televiżjoni f’dik l-arja ta’ festa qisu qed ikellem it-tfal jew xi salt imbeċilli.
Matul is-sena li għaddiet inħatar Monsinjur Mario Grech bħala Isqof ta’ Għawdex u jidher li l-ħatra tiegħu ħalliet impatt qawwi, ta’ tama f’bidu ġdid u jimla b’faraġ u kuraġġ lil min għandu bżonn il-wens spiritwali tal-Knisja. Għalkemm f’din l-ewwel sena tal-ħatra tiegħu kellu biċċa xogħol xejn faċli b’attakki frontali fuq membri tal-kleru Għawdxi mill-media mhux biss lokali imma anki dik internazzjonali, Mario Grech ħalla impatt medjatiku qawwi tant li mar ’l hinn mill-konfini tad-djoċesi Għawdxija.
F’temp ta’ ftit ġimgħat nibet il-fenomenu ġdid fejn gruppi ta’ parruċċani Maltin bdew iżuru lill-Isqof ġewwa Għawdex u l-Isqof Grech beda jdur diversi parroċċi ta’ Malta flimkien ma’ gruppi ta’ parruċċani Għawdxin. Apparti l-kariżma u l-abbiltà komunikattiva li għandu u l-għarfien ta’ kif juża’ l-media biex iwassal il-messaġġ tiegħu, bil-preparazzjoni akkademika li għandu anki l-kontenut tal-messaġġ tiegħu kien profond, speċjalment fid-diversi meditazzjonijiet li għamel minflok il-paniġierki ewforiċi li s-soltu jsiru fil-festi ta’ l-irħula.
Ftit kurżitajiet mill-istorja jistgħu jixħtu dawl dwar kif saret l-għażla ta’ l-isqof f’dawn l-aħħar 60 sena. Gonzi, li kien Malti u mhux Għawdxi, inħatar Arċisqof ta’ Malta wara li għamel perjodu twil bħala Isqof ta’ Għawdex. Mercieca, li kien Għawdxi u mhux Malti, inħatar Arċisqof ta’ Malta fiż-żmien li kien iservi ta’ imħallef il-Vatikan. L-Isqof Emanuel Gerada, li għadu mimli bil-għomor u li lejn l-aħħar tas-snin kien inħatar Isqof Koadjutur bid-dritt tas-suċċessjoni għall-Monsinjur Gonzi, kien imsejjaħ Malta mill-korp diplomatiku tal-Vatikan.
Jidher li l-koinċidenza komuni f’dan kollu kienet li s-Santa Sede għal raġunijiet varji ppreferiet kemm-il darba li taħtar lil xi ħadd ‘outsider’ li jkun miftum mill-intriċċi klerikali u kurjali lokali. Mill-banda l-oħra n-nomina ta’ xi ħadd li m’għandux esperjenza pastorali lokali tkun ta’ żvantaġġ u ta’ xkiel biex dak li jkun jifhem aħjar il-kuntest lokali, f’xenarju mhux daqshekk inkoraġġanti b’attendenzi dejjem jonqsu tal-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd u vokazzjonijiet ġodda li aktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed isiru rari.
Is-suċċessur ta’ Monsinjur Mercieca għandu jkun kemm jista’ jkun xi ħadd li għandu esperjenza sfieqa ta’ ħidma pastorali li mpenjatu spiritwalment u soċjalment, bi kmand tajjeb tal-komunikattiva u tal-media u li jillumina l-imħuħ u jispira l-qlub fil-mod kif iwassal it-tagħlim tal-Vanġelu għand in-nies.
L-ideali jkun li jiġi replikat xi ħadd bejn wieħed u ieħor bħal Mario Grech għal Malta. Ġaladarba dan ma jkunx possibbli l-għażla preferita tiegħi għall-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta hija aktar minn ovvja. Imma jien min jien fil-Knisja biex nagħti din il-preferenza?
wenzumintoff@yahoo.com
Kif jinħatar isqof
Fl-1889 ir-Renju Unit u s-Santa Sede kienu leħqu ftehim dwar diversi kwistjonijiet li kellhom x’jaqsmu mal-Knisja f’Malta, li kien iffirmat mis-Sur Simmons s-Segretarju għall-Kolonji ta’ l-Ingilterra u l-Kardinal Rampolla, is-Segretarju ta’ l-Istat tal-Vatikan. Skond is-Simmons Rampolla Agreement intleħaq ftehim li n-nominazzjonijiet mill-Vatikan ta’ Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, inklużi Amministraturi Appostoliċi u Koadjuturi bid-dritt għas-suċċessjoni ma jkunux effettivi qabel ma jkunu saru kommunikazzjonijiet kunfidenzjali bejn il-Vatikan u l-Gvern Ingliż. Fil-prattika l-Ingliżi kienu ngħataw d-dritt tal-veto biex jiżguraw li ma jinħatarx bħala isqof xi ħadd li jkun ostili għalihom.
Fl-1966 meta kien se jinħatar Monsinjur Gerada bħala Isqof Awżiljarju ta’ l-Arċisqof Gonzi, il-Prim Ministru George Borg Olivier kien konsultat mill-Vatikan qabel ma saret uffiċjalment din il-ħatra.
Uħud mill-istoriċi jsostnu li dan kien sempliċi ġest ta’ kortesija. Oħrajn isostnu li din il-konsultazzjoni kienet il-konsegwenza loġika tal-ftehim Simmons Rampolla, bil-Vatikan jikkonsulta l-Gvern ta’ Malta bħala s-suċċessur leġittimu ta’ l-amministrazzjoni kolonjali Ingliża.
Mhux magħruf jekk illum il-ġurnata jsirux konsultazzjonijiet mill-Vatikan mal-Gvern Malti qabel ma ssir uffiċċjalment il-ħatra ta’ xi isqof. Huwa n-Nunzju Appostoliku, ir-rappreżentant tal-Vatikan f’Malta, li jieħu ħsieb il-proċess tal-għażla ta’ isqof. Wara li jniedi il-konsultazzjonijiet li jidhirlu xierqa internament fil-Knisja, huwa jissottometti lista ta’ tliet ismijiet bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kongregazzjoni ta’ l-Isqfijiet fil-Vatikan għall-ħatra eventwali mill-Papa.
X’jaħsbu fuq l-isqof li għad irid jinħatar
Dun Anġ Seychell
1. Għandu jkun wieħed li jgħix l-esiġenzi kollha ta’ l-Evanġelju.
2. Soċjalment impenjat u qawwi fl-ispiritwalità. Isqof li jagħmel l-għażla preferenzjali tal-fqar; it-terz l-iżjed dgħajjef tas-soċjetà Maltija.
3. L-isqof għandu jilqa’ l-midinbin kollha b’id ħanina imma esiġenti skond il-Vanġelu.
4. Għandu jkun isqof li ma jkunx kundizzjonat mis-soċjetà konsumista u li bil-kliem u bl-għemil jgħin fil-ħolqien ta’ soċjetà fraterna - a sharing society.
Dun Nikol Aquilina
1. L-għażla ta’ l-isqof ġdid hu suġġett importanti ħafna fil-mixja tal-Knisja lokali. L-għażla saret urġenti u wieħed ma jistax joqgħod f’dan iż-żmien ta’ inċertezza u stennija perpetwa.
Dwar l-identikit ta’ l-Arċisqof nistgħu nieħdu l-gwida tad-Digriet dwar l-Uffiċċju Pastorali tal-Isqfijiet Christus Dominus tal-Konċilju Vatikan II: “Kull wiehed mill-isqfijiet li għandu f’idejh il-ħsieb ta’ Knisja partikolari taħt l-awtorità tal-Papa, għandu jirgħa f’isem il-Mulej bħala ragħaj il-ħrief tiegħu u għall-ġid tagħhom iħaddem l-uffiċċju ta’ tagħlim, ta’ tqaddis u ta’ tregija”.
Iżda mbagħad kull isqof irid iħaddem id-dehen u l-ħila tiegħu biex jaqdi dan id-dover. Għaldaqstant jeħtieg li qabel xejn ikun jaf sewwa t-tagħlim tal-Knisja bbażat fuq il-Vanġelu iżda jrid ikun ukoll komunikatur tajjeb biex jaqdi sewwa dan id-dover ta’ evanġelizzazzjoni.
Nifhem ukoll li l-isqof, filwaqt li jżomm ruħu indipendenti mill-politika, għandu jkun dejjem b’għajnejh miftuħa għall-problemi soċjali u jikkontribwixxi pożittivament għall-progress soċjali u ċivili.
2. Id-dmir ta’ l-isqof u tal-Knisja hu li jieħdu ħsieb il-bniedem sħiħ. Ma jeżistix il-bniedem spirtu biss u anqas il-bniedem materja biss. L-oġġett tal-ħidma tal-Knisja jħaddan il-bniedem kemm f’ruħu kif ukoll f’ġismu. Meta Kristu jordna lill-appostli biex iħobbu lil xulxin u saħansitra jaħslu saqajn xulxin fuq l-eżempju tiegħu kien qed jirreferi mhux biss għall-imħabba spiritwali imma għall-imħabba konkreta, umana. Dan l-impenn doppju l-Knisja fehmitu sa mill-ewwel żmenijiet.
3. Nemmen assolutament fil-ħtieġa ta’ open door policy, għax kif tista’ tkun taf u tiżen il-polz tas-soċjetà jekk tingħalaq bejn erba’ ħitan? Politika selettiva hi perikoluża għax tweġġa’ lil min jibqa’ barra.
L-isqof bħala missier għandu jisma’ lil kulħadd u kulħadd għandu jkollu aċċess dirett u personali għall-isqof tiegħu.
4. Wiehed irid jiftakar li llum il-ġurnata Malta m’għadhiex aktar gżira imma hi marbuta mal-bqija tad-dinja u dak li jiġri barra nħossuh hawn ukoll.
Insemmu biss il-kunċett tal-familja moderna li għaddejja minn taqlib mhux żgħir. Ma dan inżidu l-influwenza tal-mass media. Dak li kien sagrosant għalina l-Maltin sa ftit snin ilu, illum sar profan. Il-Knisja għandha biċċa xogħol iebsa biex iżżomm sħaħ il-valuri nsara.
Ma ninsewx ukoll il-problema tal-faqar kemm dak materjali kif ukoll dak modern bħall-iżolament, injoranza u sfruttament tal-persuni.
Għaldaqstant fil-fehma tiegħi il-programm ewlieni ta’ l-Arċisqof ġdid għandu jkun wieħed mibni fuq l-evanġelizzazzjoni msejsa fuq tagħlim u xhieda personali ta’ l-insara kemm reliġjużi kif ukoll insara lajċi konvinti.