“X’esaġerazzjoni!” Meta nisma’ dan ir-riklam li vvintaw ta’ l-MTA ngħid il-vera laqtuh tajjeb il-karattru Malti. X’fissazzjoni għandna li naħsbu li d-dinja kollha qed tiggustana. Id-dinja kollha qed tħabbtilna l-bieb!
Imma kif jista’ jkun li Francis Zammit Dimech jittollera dawn
il-pulċinellati?
Kulmin ħadem biex iġib ix-xogħol lejn Malta - Prim Ministri, Ministri, Malta Enterprise, l-MTA stess, Ambaxxaturi u Konsli u kull salesman li ħadem barra - jaf li m’hemm ħadd iħabbtilna l-bieb. Ix-xogħol aħna rridu nfittxuh.
L-għażżien biss jirraġuna li x-xogħol qiegħed hemm u kulma trid tagħmel hu li tiftaħlu l-bieb. Imma agħar minn hekk b’dan ir-riklam jimmira lejn ir-ras kbira li għandhom ċerti Maltin.
Għandna ħafna x’noffru f’Malta u lkoll kburin b’pajjiżna imma f’ġieħ is-sema, ejjew naqtgħuha din li naħsbu li aħna xi ħaġa speċjali. Li d-dinja kollha ma tgħaddix mingħajrna.
L-ewwel kien Mintoff li bellagħhielna li aħna xi “super power next door” u issa għandna ruxxmata nies li kulfejn tarahom ħallihom jiddandnu u jużaw is-superlattivi kollha immaġinabbli biex jimpressjonaw lill-ħmir. U jaħasra hemm barra m’hemmx ħmir. Għalhekk it-turiżmu nieżel. U għalhekk l-esportazzjoni nieżla. Għalhekk illum pajjiżna, f’termini reali, jaqla’ inqas milli kien jaqla’ 10 snin ilu.
Għax ilna 10 snin żaqqna mimlija li d-dinja kollha qed tħabbtilna l-bieb! U aħna sempliċiment kemm niftħulha. U l-miljuni ta’ turisti u magħhom l-investituri barranin jidħlu jimlewna. U biex ngħaxxquha aktar, ħarġu l-bravi tal-carrying capacity biex iwiddbuna li meta jħabbtulna ma ndaħħluhomx kollha għax ninfaqgħu.
Tad-daħk kieku mhux qed jilagħbu bl-impjieg u l-qligħ ta’ tant nies li ħajjithom tiddependi mit-turiżmu. Din tal-carrying capacity li ffissaw fuqha xi wħud ma tagħmilx sens illum. Kieku jiġu xi tliet miljun turist u nibdew nimlew ukoll id-djar vojta u d-djar kbar tagħna bil-lodgers nifhimha. Imma meta żoni sħaħ ta’ Malta qatt ma jaraw turist u
l-lukandi qed jagħlqu, din mhix għajr naħqa ta’ ħmar.
Imma din mhux biss kwistjoni ta’ turiżmu. Anki l-Prim Ministru Gonzi qed jieħu l-vizzju li jitkellem bis-superlattiv. Aħna
l-aqwa fid-dinja fis-saħħa, l-aqwa fl-investiment barrani, l-aqwa fl-Ewropa għall-assistenza mill-UE. Insomma, dħalna fl-UE lbieraħ u diġà sirna
ċ-champions ta’ l-Ewropa.
Meta se nitgħallmu? Meta se nsiru ftit umli u naċċettaw ir-realtà? Aħna pajjiż ċkejken, bi ftit riżorsi u bis-saħħa ta’ port splendidu fiċ-ċentru tal-Mediterran, meta dan il-baħar kien iċ-ċentru tad-dinja antika ġbidna lejna nies u poteri li għenuna nsiru nies. Kollha għallmuna u żviluppawna: il-Feniċi, ir-Rumani, l-Għarab, l-Ispanjoli, il-Franċiżi, l-Ingliżi, imma l-aktar, il-Kavallieri.
Infatti ftit li xejn għandna x’nuru lit-turisti li jżuruna ħlief il-wirt fantastiku li ħallielna l-barrani. Il-Malti tas-Seklu 20 ftit li xejn ħalla warajh. Tbati meta jkollok il-barranin xi ddawwar ma’ Malta biex turihom xi ħaġa spettakolari xogħol il-Malti taż-żmienna. Dejjem naqgħu għall-Kavallieri.
Ma rridx nesaġera għax it-toroq fl-irħula tagħna li għadna li ma kissirniex huma kollha x-xogħol tal-Maltin, l-istess il-knejjes u djar antiki tagħna. Għad għandna ħafna ġawar arkitettoniċi frott il-lavur Malti li jagħmlulna ġieħ. Imma l-monumentali, l-ispettakolari, ftit li xejn. Żgur mhux ta’ l-aħħar 60 sena!
Is-sabiħ ta’ pajjiżna hu li fiċ-ċokon tagħna għandna ħafna. Dan is-sabiħ joħroġ aktar meta nkunu ftit aktar umli u nħallu l-barrani jinnota s-sabiħ tagħna u mhux irridu bilfors ngħidu li tagħna hu isbaħ, aqwa u ikbar. Is-superlattivi jirredikolawna.
Din qed nużawha f’kollox. Anke meta nitkellmu fuq l-ekonomija. Il-ħin kollu jfajrulna s-superlattivi. Il-verità iżda hi li mhux biss fit-turiżmu, imma fl-ekonomija kollha għandna problemi. M’hemmx problemi li mhux kapaċi nsolvuhom b’rieda tajba u b’politika intelliġenti mmirati biex jiġġeneraw l-espansjoni fejn hemm il-potenzjal. Is-sabiħ tas-sitwazzjoni tal-lum hu li m’għandniex inġorru fuq daharna l-piż ta’ żbilanċ strutturali li jipparalizzana. Illum nistgħu nsuqu u mmexxu politika li tagħti l-frott. Imma rridu nkunu umli. Ma nistgħux minn banda nbellgħuha lin-nies li qed immissu s-sema b’idejna mbagħad ngħidu li għandna problemi serji li jekk ma nsolvuhomx jistgħu jgħerrquna.
Għax pajjiż li qed ibati biex jaqla’ biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall-ħtiġijiet kollha tiegħu mhux pajjiż li għandu wisq biex jiftaħar. Pajjiż li għaż-żidiet li jagħti lill-ħaddiema mhux qed jieħu minnhom tkattir ta’ ġid aktar milli qed jagħtihom mhux qed jimla’ l-ixkora tal-ġid nazzjonali. Pajjiż fejn l-investitur mhux qed jibqagħlu profitti biżżejjed biex jaħdem, biex jinvesti aktar, jimmodernizza u jibni l-ġdid, mhux eżattament sejjer tajjeb.
Dan kollu u aktar issa nafuh għax l-istudji saru. Imma għadna nużaw is-superlattivi, għadna naħsbu li mhux sempliċiment dorna l-kantuniera imma li wasalna fl-art imwiegħda. Le, jaħasra, baqgħalna ħafna x’nagħmlu. M’hemm ħadd wara l-bieb iħabbat biex jidħol. Kulmin ġie, kemm jekk investituri fl-industrija jew fit-turiżmu, it-turisti, tas-Smart City, tal-Lufthansa Technique, kollha ġew għax konna kapaċi nfittxuhom u ngibuhom hawn b’sagrifiċċju u b’ħila ta’ dawk li bil-kwiet u bi professjonalità jaħdmu biex iġibu x-xogħol lejn Malta.
Ħafna drabi dawn in-nies isibu aktar tfixkil milli għajnuna. Għax problema oħra li għandna hi li m’aħniex kapaċi nelenkaw il-prijoritajiet tagħna sew u nikkonċentraw bis-serjetà fuq dak li hemm bżonn li nagħmlu. Mingħalina li l-opportunitajiet qegħdin wara l-bieb u kemm inneħħu jdejna minn fuq żaqqna u niftħulhom.