03 ta' Diċembru 2006
Test ta’ l-AIDS għall-Immigranti?
Toni
Ftit tax-xhur ilu omm il-mara tiegħi riedet tmur iżżur lil bintha fl-Awstralja u toqgħod magħha għal ftit xhur. Biex setgħet tagħmel dan l-awtoritajiet Awstraljani nsistew li kellha tagħmel eżami mediku.
Jagħmlu hekk ma’ kulħadd u mhux għax inzertat il-kunjata tiegħi. Niftakar ċar qisu lbieraħ, ħbieb u membri tal-familja li fl-aħħar tas-Sittinijiet kienu nqabdu fil-mewġa ta’ immigrazzjoni lejn il-Kanada u l-Awstralja. Mhux kulħadd kien aċċettat, b’mod speċjali dawk li ma jgħaddux mill-eżami mediku. Jiġifieri l-pajjiż destinatarju ma jaċċettax b’għajnejh magħluqa lil kulmin irid jidħol għandu.
Il-każijiet li semmejt kollha jirrigwardaw immigrazzjoni legali. Sitwazzjoni fejn bil-kalma kollha l-pajjiż immigrant ikollu l-opportunità jeżamina persuna li trid iżżuru qabel ma jkun rifes l-art. Dan għaliex l-eżami mediku ma jsirx mal-wasla tiegħu iżda qabel ma jitlaq art twelidu. Fil-każ ta’ l-immigranti llegali, is-sitwazzjoni hija xort’oħra u differenti għal kollox.
L-immigrant illegali jidħol f’pajjiżek ħabta u sabta. Issibu ma’ wiċċek u wara l-bieb meta kapaċi lanqas għandek l-infrastruttura biex tospitah f’kundizzjonijiet umani, kif fil-fatt qiegħed jiġri f’Malta. Ikollok tilqgħu u tagħtih saqaf, f’sitwazzjonijiet xejn sanitarji. Per eżempju fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa hemm biss erba’ toilets għal ma nafx kemm-il immigrant. Għalhekk is-sitwazzjoni sanitarja tikkomplika ruħha minħabba żewġ aspetti. L-ewwel, li l-immigrant illegali jġib miegħu l-kundizzjoni medika li jkollu mingħajr ma kien hemm l-opportunità li jiġi eżaminat qabel ma jidħol f’pajjiżna, u t-tieni, minħabba n-nuqqas manifest ta’ tħejjija min-naħa tagħna fejn jidħlu kundizzjonijiet sanitarji.
Eżami mediku
Is-sors ta’ dan id-diżastru umanitarju li qiegħed prinċipalment jolqot lil xtutna huwa l-kontinent Afrikan. Kontinent imdewwed bi problemi soċjali kaġun tar-regħba tal-pajjiżi żviluppati, inklużi dawk li llum huma msieħba komunitarji magħna.
Fost il-problemi gravi li għandu il-kontinent, mhux il-mard, iżda l-varjetà ta’ mard. ‘Il-cocktail’ ta’ infezzjonijiet u mikrobi li jvarjaw mill-marda ta’ l-ebola sat-tixrid ta’ l-AIDS. Għalhekk ir-riskju li min jaħrab minn dan il-kontinent jiġi, f’sens mediku, b’ta’ fuqu senduqu, huwa ħafna aktar
mir-riskju ta’ immigranti li ġejjin minn pajjiżi relattivament avvanzati.
Jiena ma nara xejn ħażin li l-immigranti llegali jiġu eżaminati għal kull xorta ta’ marda. Għandi nifhem li dan qiegħed isir u hu ovvju li jrid isir. Dan għandu jsir mhux biss għax dawn huma immigranti llegali, iżda għaliex għandna liġijiet li ilhom jeżistu għal snin li jinsistu li dawn ix-xorta ta’ eżamijiet mediċi f’sitwazzjonijiet ħafna anqas straordinarji minn dawk li qegħdin joħolqu mewġa wara l-oħra ta’ immigranti llegali li kontinwament jiżbarkaw fuq xtutna.
Jiena ma nara xejn diskriminatorju fil-fatt li dawn l-immigranti jiġu anke iżolati għal xi żmien qabel ma jkun hemm riżultati mediċi pożittivi. L-iżolament huwa wkoll meqjus anke fil-każ ta’ ċittadini Maltin li jkollhom mard infettiv.
Il-problema ma tqumx biss meta niskopru li jkun hawn mard infettiv. Il-problema tqum kif isiru l-ispejjeż biex tikkurah, jekk wara kollox il-marda tkun kurabbli. Il-problema takkwista dimensjoni akbar, minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, fejn mard infettiv u anke xi epidemija tinfirex b’aktar ħeffa u l-mortalità tista’ tkun aktar serja meta wieħed jiftakar li pajjiżna huwa super popolat. Hawn fejn sħabna l-Ewropej għandhom jidħlu għalina – dawk li għandhom aktar wisa’, teknoloġija medika aktar minna u mezzi finanzjarji akbar.
Safejn il-mard huwa kurabbli dawn għandna nieħdu ħsiebhom aħna. Safejn il-mard mhux kurabbli u ovvjament mhux att umanitarju li tibgħat lill-persuna lura minn fejn ġiet, l-Unjoni Ewropea għandha taħseb għal sptarijiet ċentrali Ewropej għal trattament ta’ persuni li jeħtiegu kura fit-tul. Fejn ikunu dawn l-isptarijiet jaraw il-burokratiċi fi Brussell, imma żgur ma tistax iżżommhom f’Malta.
Fl-Ewropa, fejn hemm spazji kbar u anke iżolati, jistgħu jinbnew dawn l-isptarijiet f’diversi pajjiżi, speċjalment f’dawk il-pajjiżi li għad għandhom interessi kummerċjali kbar fl-Afrika.
Iżda dan mhux biżżejjed. Il-kura medika hija spiża qawwija. Diġà hi ta’ piż finanzjarju kbir fuq il-Maltin, bil-prezzijiet dejjem jogħlew, b’inflazzjoni li l-parti l-kbira tagħha hi importata mill-istess produtturi Ewropej.
Għalhekk l-Unjoni Ewropea, indipendentament minn kull għajnuna finanzjarja oħra li qiegħda tagħtina għall-immigrazzjoni illegali, għandha tipprovdi għal għotjiet finanzjarji straordinarji għal kura medika ta’ dawn in-nies. Ħalli ma toħroġx l-ispiża kollha, iżda tipprovdi għall-parti l-kbira tagħha.
Is-solidarjetà umanitarja għandha ssir mis-sinjur għal mal-fqar. Irridu nammettu li għalkemm aħna m’aħniex l-ifqar fost il-fqar, lanqas irridu nkunu pompużi u nagħmlu ta’ bir-ruħna li aħna sinjuri!
Peppi
Onestament ma nafx għala qed issir din il-mistoqsija li tikkonċentra biss fuq l-immigranti irregolari. Tisma’ ħafna nies jitkellmu dwar il-mard li jġibu magħhom l-immigranti.
Il-kummenti tagħhom ħafna drabi huma ispirati minn razziżmu li hemm jiġri fil-vini tagħna. “Allura jiġu hawn u jmarrduna? Daqt tfaqqa’ epidemija,” jgħidulek. Il-fatti huma li l-immigranti irregolari kollha li jaslu fi xtutna jsirulhom testijiet ta’ mard li jittieħed. Kollha. Iżda ma jsirux testijiet ta’ l-AIDS u HIV. U hekk għandu jibqa’ jiġri.
L-AIDS mhix marda li tittieħed għax il-virus jaqbeż minn fuq l-immigrant irregolari għal fuq il-Malti jew Maltija. L-AIDS ma titteħidx għax immiss lil xi ħadd bil-marda u nkun infettat. Dan l-aħħar għixt ma’ persuna li hi pożittiva għall-HIV u ma kien hemm xejn mhux normali fir-relazzjoni tagħna. Għixna prattikament fl-istess dar, qsamna l-istess ikel u missejna lil xulxin kif jagħmlu żewġ ħbieb. Ma kellna l-ebda relazzjoni sesswali. Allura ma kien hemm l-ebda periklu. Ta’ xejn.
M’hemmx periklu li l-AIDS jew l-HIV jinfirxu jekk ma jkunx hemm kuntatt sesswali jew tingiż b’labar infettat jew xi tip ta’ azzjoni oħra intima mixtieqa mill-persuna. F’dan il-kuntest huwa ġust li l-immigranti jkunu ittestjati għall-AIDS bil-periklu li jkunu stigmatizzati?
Għalfejn se nittestjawhom għall-AIDS? X’jiġri jekk insibu li huma pożittivi għall-HIV? Nibagħtuhom lura għat-tortura jew il-ġuħ f’pajjiżhom? Nagħmlulhom tpinġija fuq moħħhom li għandhom l-AIDS? Il-gwaj hu li qed nisma’ wisq nies jgħiduli ‘iva’. Allura għax ma nagħmlux l-istess mal-miljun turist li jiġu jżuruna?
Ħa nirrakkonta storja.
Tfajla Maltija ltaqgħet ma’ ġuvni minn Spanja. Hawn Malta. Kien Malta bħala turist. Iltaqgħu u kellhom relazzjoni sesswali. Għamlu għaxart ijiem jiġru u jorqdu flimkien sakemm ġie biex jitlaq. It-tfajla wasslitu l-ajruport. Qabel telaq newlilha ittra u talabha tiftagħha malli jitlaq. Fetħitha hekk kif tela’ t-taraġ tat-tluq. Nota qasira. ‘I am HIV positive’. Din it-tfalja ltqajt magħha u wrietni n-nota. Dan l-Ispanjol ma kienx emigrant irregolari. Ħadd m’ għamillu testijiet kif wasal Malta. Kienet l-irresponsabbiltà tiegħu li ma qalilha xejn bil-marda li kellu. Kienet l-irresponsabbiltà tagħha jekk ma ħaditx prekawzjoni.
L-immigranti irregolari huma persuni bħall-persuni kollha li jiġu f’pajjiżna. Iċ-ċirkostanza biss hi differenti li ġabithom f’pajjiżna. Xejn aktar. Din iċ-ċirkostanza m’għandha qatt isservi biex tiddiskrimina u tittimbra persuni. Anke l-mistoqsija biss tinsultani.