John Rizzo, il-Kummissarju tal-Pulizija, stqarr li qatt ma kien sema’ li f’Malta hawn ħwienet bi żfin erotiku u ordna li jsiru r-rejds fuq il-ħwienet involuti eżatt malli sar jaf bihom.
John Rizzo f’intervista ma’ din il-gazzetta kkonferma li qabel ir-rejds li twettqu ġimagħtejn ilu f’għadd ta’ ħwienet f’pajjiżna, ħadd mill-ħaddiema ta’ taħtu ma nfurmah b’din l-attività. Rizzo ċaħad dak li skond hu ħasbu xi wħud li dan il-każ seta’ ħareġ fil-beraħ issa biex jiddevja l-attenzjoni mill-każ ta’ Mario Camilleri l-Imnieħru.
Id-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li ma kien qatt sema’ b’dan iż-żfin erotiku f’Malta hi pjuttost sorprendenti għax tasal wara numru ta’ dikjarazzjonijiet jaħarqu dwar l-attività tal-lap dancing. Din is-sena s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fil-Parlament kien qal li “Malta qed tieħu l-fama ta’ destinazzjoni sexy għall-btala.”
Il-fenomenu taż-żfin erotiku għal dawn l-aħħar snin kien ukoll reklamat fuq rivisti ewlenin Maltin fosthom dawk tat-titjiriet tal-linja ta’ l-ajru nazzjonali l-Airmalta.