03 ta' Diċembru 2006 • Nr 5

Arkivji





 

 

 

 

03 ta' Diċembru 2006
Iben l-Imnieħru jitkellem magħna

Julia Farrugia

Pierre Camilleri, iben Mario Camilleri l-‘Imnieħru’, isaqsi jekk hu, ħutu u ommu għandhomx id-dritt li jaħdmu bħala ċittadini normali.
F’intervista esklussiva mal-gazzetta Illum Pierre Camilleri jgħid li wara li ħareġ fil-beraħ il-każ tal-għoti ta’ kuntratt ta’ tindif fil-Qorti lill-kumpanija tal-familja tiegħu Special Cleaners, il-kumpanija tilfet il-maġġoranza assoluta tax-xogħol li kienet qed tagħmel.

Argumenta li: “Jekk nibqgħu nitilfu x-xogħol u jkollna nagħlqu l-kumpanija min ser imantnina? M’għandniex dritt naħdmu aħna?”
Il-ġuvni jgħid li missieru Mario Camilleri ammetta li kiser il-Liġi u dan qed ipatti ta’ għemilu fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin. Madankollu n-nies trid tifhem li hu u ommu għadhom taħt att ta’ akkuża u għadhom m’għaddewx ġuri u għaldaqstant għadhom ma ppruvawx l-innoċenza tagħhom dwar il-każijiet pendenti li għandhom.
“Aħna, minn wara dan il-każ, mitna bil-ġuħ. Tlifna ħafna xogħol ieħor li konna qed nagħmlu. Lukandi ma jgħidulekx qed inwaqqfuk minħabba dan il-każ imma tinduna li affetwat din il-kampanja li saret kontrina.”
B’mod ħieles jgħidli li “Emanuela mhix il-mami tiegħi. Insejjħilha Ma għax meta ħadet lil missieri ħadet lili wkoll u rabbietni hi.” Pierre Camilleri jerġa jsaqsi: “Għandi 4 ħuti oħra u ommi. M’għandniex dritt li naħdmu aħna? M’għandniex dritt li nieklu?”
Camilleri jgħid li t-twaqqif tal-kumpanija Special Cleaners sar biex “ikun hemm paġna ġdida għall-familja tiegħi. Paġna ġdida għalija. Anke biex nibni familja. Il-kumpanija twaqqfet bl-għajnuna ta’ membru tal-familja. Ma nixtieqx insemmi ismu imma kien hu li iggwidana kif nistgħu nwaqqfuha. Naf li sallabnieh.”
Jistqarr li l-ewwel pass li għamlu kien li applikaw mad-Dipartiment tal-Liċenzji u li ħarġilhom il-licenzja biex joperaw bħala cleaners. Wara rreġistraw il-kumpanija fi ħdan l-Awtorità Maltija dwar is-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA.
Imma xi jwieġeb Pierre Camilleri għat-tħassib tan-nies u ta’ l-Awtoritajiet li Special Cleaners fil-Qorti kienet “ta’ periklu” ?
“Min mill-fattigi ħaddiema ta’ Special Cleaners se joħroġ għonqu u jisraq files għall-familja tiegħi meta dawn kont nagħtihom Lm1.40-is siegħa?” isaqsi Camilleri.
Infakkru li n-nies forsi tista’ targumenta li jekk hemm allegat ta’ tixħim lill-Imħallfin, għaġeb għax jixxaħħmu mpjegati fattigi?
Għal Pierre Camilleri dan ma setax jiġri għax “waqt li l-cleaners ikunu jnaddfu s-Sigrieta tal-Maġistrati u l-Imħallfin dawn ikunu mgħassa minn marixxal u l-cleaners ikunu waħedhom biss waqt li jmorru jnaddfu t-toilets u l-kuruturi.”
Nikkonfrontah u ngħidlu jekk jikkonfermax li fost il-fattigi li ħadmu fil-Qorti f’isem il-kumpanija tal-familja tiegħu hemmx oħtu, jiġifieri t-tifla ta’ Mario Camilleri. “Iva. Imma din xi tliet darbiet erbgħa ħadmet. Ħarġet bis-sick. Ma tantx kienet tieħu gost taħdem hemm.”
Pierre Camilleri jinsisti li: “la jien u lanqas ommi ma dħalna l-Qorti niċċekkjaw il-ħaddiema.”
Iżda quddiem din l-istorja Camilleri jagħmel numru ta’ mistoqsijiet “lill-Awtoritajiet u lill-media Laburista li għamlulna l-ħsara” fosthom: “Jien u Emanuela Camilleri se jkollna smigħ xieraq fil-każijiet pendenti tagħna wara l-mod kif tmexxew l-affarijiet
f’din il-kampanja?”
Jgħidli li “għamlu show bina. Ġabuna f’sitwazzjoni tal-mistħija. Xandru l-fedina penali tiegħi meta ma nafux kif din spiċċat f’idejn il-media Laburista. Kulħadd iħares lejna. Anke jekk immur nixtri flokk minn Strada Rjali nara lil kulħadd iħares lejja. Ommi qabditha depression kbira u l-ftit li toħroġ biex tmur tara lil missieri l-ħabs ikollha tieħu l-pilloli.”
Jisħaq li f’din il-kwistjoni kollha tifhem li jkun hemm argumenti politiċi imma qatt ma kellu jissemma isem il-kumpanija “għax b’hekk tlifna xogħol ieħor.”
Fl-istess ħin Pierre Camilleri jinsisti li tweġġa’ wkoll mill-Gvern bil-mod kif aġixxa fil-konfront tal-kumpanija. “Nibqa’ ngħidha sakemm immut, anke l-Gvern weġġagħna meta waqqfilna l-kuntratt.”
Pierre Camilleri jikkonferma li wara li nqala’ dan il-każ illikwida ruħu mill-kumpanija Special Cleaners u m’għadux involut fl-operat tagħha.
Imma hemm argumenti oħra li ħarġu minn każ bħal dan. Meta Pierre Camilleri u Emanuela Camilleri kellhom assi tagħhom iffriżati kif allura bank ħarġilhom garanzija bankarja?
Pierre jgħidli li ommu ma kellhiex flus iffriżati l-bank u hu qatt ma kellu xejn x’jinqabad fis-sekwestru.
Imma l-bank kif ħareġ il-garanzija bankarja biex tagħmel tajjeb għall-Lm500 garanzija mitluba mill-Awtoritajiet biex intrebħet din it-tender? Jgħidli li ma jafx.
Iż-żgħażugħ item jgħid hekk: “Aħna ma nobogħdu lil ħadd. Ineħħuha minn moħħhom li ħa npattuha lil xi ħadd. Fl-istess ħin se nħallu l-libell li ftaħna kontra min ħammeġ l-isem tal-kumpanija tagħna.”