03 ta' Diċembru 2006 • Nr 5

Arkivji





 

 

 

 

03 ta' Diċembru 2006
Il-ħolma tiegħi li nara lil William Chetcuti jirbaħ midalja f’Beijing – Pippo Psaila

Profil

Twieled f’Ta’ Sliema fit-2 ta’ Ġunju 1957

Miżżewweġ lil Janie u għandu żewġt itfal, Neil u Simon

Sar kowċ tat-tim nazzjonali f’Novembru ta’ l-1993 fl-età ta’ 33 sena.

Jemmen li William Chetcuti l-aqwa atleta li qatt ħareġ minn Malta.

Jawgura lil Dusan Fitzel jikser ir-rekord tiegħu ta’ punti għall-ġid tal-futbol Malti

Ir-rekord ta’ Pippo Psaila bħala kowċ tat-tim nazzjonali lura fl-1993 għadu jgħodd sal-lum. Taħt it-tmexxija tiegħu t-tim Malti kien ġab tliet punti, nkluż rebħa barra minn daru.
Iżda Pippo Psaila jawgura lil Fitzel, il-kowċ attwali, li jikser ir-rekord tiegħu stess.
M’hemmx dubju li Pippo Psaila huwa bniedem impenjat iżda mill-ewwel aċċetta li jkun intervistat meta ċempiltlu. Tkellimna mhux biss fuq il-futbol iżda fuq bosta affarijiet oħra.
“Nibda filgħodu kmieni għall-ħabta tas-6am u nibqa’ hawn sa l-4pm. Wara nibqa’ sejjer l-uffiċini tal-KOM sa l-10pm. Għal bniedem li jkollu ħafna fejn imur, l-aktar ħaġa importanti huwa t-time managment. Eżempju jien tgħallimt li t-telefonati li nirċievi nżommhom l-inqas possibbli. Indunajt li t-telefon hu l-aktar ħaġa li jtellifni waqt ix-xogħol. Min iċempilli jħalli risposta u nċempillu jien aktar tard.”
Pippo Psaila huwa Slimiż imwieled nhar it-2 ta’ Ġunju 1957. Miżżewweġ lil Janie u għandu żewġt itfal, Neil u Simon. Huwa l-iżgħar kowċ li qatt mexxa lit-tim nazzjonali tagħna tal-futbol. Ta’ 33 sena kellu din ir-responsabbiltà ta’ nazzjon sħiħ u l-missjoni tiegħu spiċċaha bl-aħjar mod possibbli b’rebħa u draw fl-istess grupp kontra l-Estonja. S’issa f’din il-pożizzjoni ħadd ma rnexxilu jasal daqsu. Hekk kif kien irriżenja minn din il-kariga sab post fil-Kumitat Olimpiku Malti bħala Direttur Tekniku f’Novembru 1993.
“Sibtha diffiċli biex nitlaq mill-futbol, imma d-deċiżjoni wasalt għaliha wara sitwazzjonijiet li sibt ruħi fihom. Meta ġejt offrut dan il-post l-MFA rabtuni bi klawsola li rrid inġib tant punti u li ma niġix l-aħħar fil-grupp. Rajtha ftit offensiva u ambigwa għax qatt ma kienet saret xi ħaga bħal din qabel. Kont konvint li se nasal. Min ipprova jdaħħak u jagħmilhieli diffiċli ma rnexxilux. Niftakar li hekk kif spiċċat l-aħħar partita tiegħi f’Talinn, l-Estonja tajt ir-riżenja tiegħi mill-ewwel lil Dr. Mifsud.”
Id-diskors bejn it-tnejn jerġa’ jdur fuq il-KOM. Jgħidli li x-xogħol tiegħu huwa l-programm tekniku tas-47 għaqda nazzjonali li jilqa’ fi ħdanu dan il-kumitat. Jipprova jagħti aktar attenzjoni lil dawk l-għaqdiet li m’humiex daqshekk popolari f’pajjiżna. Imma finanzjarjament, dan il-kumitat jinsab komdu?
“Komdi fil-finanzi qatt ma nistgħu nkunu. Finanzjament pubbliku nieħdu għotja ta’ bejn Lm100,000 u Lm130,000 fis-sena. Biex tmexxi b’mod serju f’kull settur il-finanzi huma meħtieġa. Din is-somma nippruvaw nirduppjawha minn sponsorships u inizjattivi li nagħmlu. B’xi mod jew ieħor qed nilħqu l-miri tagħna li nkunu proġettajna. U jekk wieħed iħares lejn l-attivitajiet li ħadna sehem fihom dan l-aħħar, dejjem tlajna tarġa aktar minn ta’ qabel. Ninsabu fit-triq it-tajba.”
Minnufih inkompli miegħu u nawguralu li jibgħu sejrin f’din it-triq. Imma Pippo jemmen sinċerament li nistgħu nikkompetu mal-pajjiżi l-kbar?
“Nemmen li kieku kellna r-riżorsi nistgħu naslu ħafna u ħafna aktar. Eżempju l-pajjiżi l-kbar qed iħarsu diġà lejn il-problema ta’ l-obeżità.”
F’pajjiżna hawn bħal donnu tabù, misteru, ta’ kif atleti ta’ pajjiżi oħra jilħqu livelli mondjali u tagħna jibqgħu biss kompetittivi lokalment.
“Pajjiżi oħra jinvestu miljuni kbar fi tfal li jkunu twieldu. Għandhom apparat li minn ċkunithom il-ġisem tal-bniedem jimmarka fejn jista’ jasal 12-il sena oħra. Aħna dan m’għandniex. Minbarra hekk fil-finanzi għadna lura. Jekk nieħdu eżempju, dak li aħna nagħtu lil William Chetcuti f’sena, pajjiżi oħra jagħtuhulhom f’xahar. Issa sejrin Monaco. Għandna spiża enormi. Kull lejl se jiswina 130euro għal kull atleta. Ma nistax ngħid li ma nsibux għajnuna mill-Gvern. Irrid nistqarr li kemm ili fil-kumitat Olimpiku jien, dejjem sibna għajnuna miż-żewġ gvernijiet. Imma l-Gvern irid jifhem li l-miljun lira annwali li jinvesti fl-isport huma ftit wisq. Jekk tieħu dawn ras għal ras, jiġu Lm2.50 għal kull persuna. Anqas film iċ-ċinema ma tmur tara! L-impressjoni li hawn fuqna hija ferm differenti mir-realtà. Nixtieq nirringrazzja lil dawk l-isponsors li juru fiducja fina.”
Imma fil-verità Malta għandha xi atleta ta’ livell Olimpiku?
“Ċert minn dan jien. William Chetcuti huwa wieħed minnhom. U f’din id-dixxiplina, bħal William għandna aktar. William irid joqgħod attent għax hemm min tiela’ tajjeb daqsu jekk mhux aħjar minnu. F’dan il-pajjiż irridu noħorġu mill-kunċett li m’għandniex talent. Fl-atletika għandna atleti li kieku jsibu appoġġ daqs ta’ barra kapaċi jagħmlu affarijiet kbar. Charlene Attard, Martina Xuereb, Francesca Xuereb u Diane Borg huma eżempju klassiku. Biex twelled champion Olimpiku, trid 12-il sena. Dan huwa fatt studjat. “Jekk aħna lesti nisfruttaw mir-riżorsi tagħna, kapaċi naslu. Imma anqas biss għandna fejn nistudjaw ċerti elementi fl-atletika. Pajjiżi avvanzati diġà jafu min huma l-atleti tagħhom għall-erba’ Olimpjadi li ġejjin. Il-flus tagħhom b’hekk ma jinħlewx. Għandhom mezzi xjentifiċi li juruhom fejn jista’ jasal atleta.”
Wasalli għal widnejja li d-dixxiplini tal-basketball u volleyball mhux se jieħdu sehem fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li jmiss.
“Veru. Iż-żewg federazzjonijiet għaddejjien minn ristrutturar sħiħ. Tkellimna magħhom b’mod apert u wrejna l-ħsibijiet tagħna li aħna rridu nieħdu atleti ta’ livell. Atleta rridu niħduh b’ċans tajjeb li jirbaħ midalja. Din mhux xi ġita turistika u allura la ċansijiet ma jkunx hemm, inutli jitilgħu mal-kontinġent. Il-KOM ma kienx tal-fehma li saret preparazzjoni serja. M’għandhomx livell biżżejjed u huma aċċettawha, tant li ftehimna li se jagħmlu tibdil radikali minn fuq s’isfel biex sa Ċipru 2009 nibdew naraw xaqq dawl u jerġgħu lura mal-kontinġent.”
Il-mument tal-verità u tas-serjetà. Nistaqsih il-għala l-isport ta’ l-isparar jagħmel parti mill-logħob olimpiku filwaqt li l-isnooker u l-billiard le.
“Il-logħob tal-billiard u snooker hija milgħuba fi ftit pajjizi li ħafna minnhom huma eks kolonji Ingliżi. M’hemmx aktar minn 42 pajjiż. Mhux bħall-isparar għax milgħub f’126 pajjiż differenti madwar id-dinja. Mill-Kuwajt san-Niġer u saċ-Ċili. Fl-intervista li kellu miegħek, Alex Borg qal ħafna ħmerijiet u ineżattezzi. Waħda mill-affarijiet li nesa jgħid Alex hi li meta dawn il-plejers imorru u jagħmlu ġieh lil Malta ma jkunux ma’ l-aqwa plejers tad-dinja li huma professjonali, taqta’ s-snin li kellu Tony Drago. Alex imissu qallek x’qatt għamel mal-plejers professjonali tal-isnooker mhux ma’ l-amaeturs. William Chetcuti huwa world ranking number 4 mal-plejers professjonali. Alex ma jistax jagħmel paraguni u jħallat il-minestra mal-għaġin. William rebaħ World Cup u għandu r-rekord mondjali tal-juniors tad-dinja. Faċli tisma qanpiena waħda biss u faċli biex Alex Borg jgħawweġ il-fatti għall-konvenjenza tiegħu.”
Inkomplilu fuq dak li kien qalli Alex fl-istess intervista. Insaqsih jekk hux veru l-KOM qatt ma wera rikonoxximent għas-suċċessi li ġabu lejn pajjiżna dawn l-ambaxxaturi ta’ l-isport.
“Mhux veru li aħna qatt ma wrejna rikonoxximent, tant li s-sena l-oħra hu u sħabu kellhom jiġu għall-premju li rebħu u rrifjutaw li jiġu. L-ebda diriġent tal-KOM qatt xi darba tela’ l-ajruport jilqa’ xi atleta. Aħna bħala KOM m’għandniex rapport dirett ma’ l-atleta. Ir-rapport huwa mal-federazzjoni ta’ l-atleta ta’ kull dixxiplina u mhux direttament ma’ l-atleta. Għalhekk ma tagħmilx sens li mmorru nilqgħu xi atleta l-ajruport.”
Waħda mill-kritika tal-plejers Maltin tal-billiard u l-isnooker hija dik li l-federazzjoni tagħhom ma tantx tirċievi flus mill-KOM. Tkellimt ma’ Pippo, anke fuq dan kollu.
“Lill-federazzjoni tal-billiard u l-isnooker qed nagħtuhom flus aktar milli suppost. Kważi Lm2,000 fis-sena. Hemm nofs il-federazzjonijiet li jieħdu Lm400 biss fis-sena. Jiġifieri huma qed jieħdu ħames darbiet aktar.”
Ninterrompih fin-nofs u nsaqsih jekk fil-każ ta’ l-isparar u William Chetcuti jagħtux l-istess ammont.
“Nofs il-flus li aħna ninvestu f’Chetcuti jiġu mill-International Olimypic Comittee. William għandu scholarship ta’ Lm1,300 fix-xahar li jiġu mix-xejn. Il-billiard u s-snooker mhux logħob Olimpiku allura jien minn fejn tridni nsiblu l-fondi? Bl-istess raġuni, x’għandna x’nagħmlu għal dik id-dgħajsa li ġiet fit-tieni post mat-top boats fil-Middle Sea Race? Hawn ħafna sportivi li għamlu ħafna aktar minn Alex Borg. Qlugħ ta’ dgħajsa jiswa Lm10,000 lira. William Chetcuti jonfoq Lm200 fil-ġimgħa skrataċ. Ma nafx kif Alex ma staħax jgħidlek li joħroġ il-flus mill-but. Il-KOM qagħad biżżejjed bi kwietu jisma’ l-ineżattezzi ta’ ċertu nies. Il-KOM hija istituzzjoni demokratika u huma n-nies li jeleġġu lill-kumitat. Meta jaraw li ż-żmien tagħna għadda, jistgħu faċilment ineħħuna.”
Bqajt ma nafx għaliex din il-kontroversja bejn iż-żewġ naħat qamet. Minnufih ikompli.
“Il-billiard u s-snooker qatt ma dehru f’xi major games. Trid tkun taf għalfejn Alex Borg qed jagħmel hekk? Alex kif sar jaf li ħarget l-outstanding athlete scheme ċempel lill-KOM biex jimbotta ruħu waħdu. Jien qed nagħmel il-paraguni ma’ Chetcuti għax kien Alex stess li pprova jipparaguna ruħu miegħu. William Chetcuti huwa l-akbar sportsman li qatt ħareġ minn Malta.”
Ninġibed lura, inħokk rasi u nsaqsih jekk iqisux saħansitra akbar minn Tony Drago.
“Iva, ikbar minn Tony Drago aħseb u ara minn Alex Borg. Jien m’jienix ngħid li mhux naprezza x’għamlu dawn il-plejers għal Malta, imma m’huwiex argument li Alex jagħmel paraguni ma’ ħaddieħor u jgħid l-ineżattezzi. Hemm ħafna atleti li għandhom livell mondjali aħjar minn ta’ Alex u sakemm jilħaq dak il-livell ma jistax jitqies fl-istess klassi.”
Kont smajt biżżejjed fuq dan is-suġġett. Kien għad fadal xi affarijiet li xtaqt niddiskuti miegħu, fosthom il-għala fl-atletika m’hemm l-ebda sportiv nominat għall-unuri tas-sena.
“Ma jidhrilniex li f’din is-sena kompetittiva fl-atletika kien hemm xi livell jew saru xi affarijiet speċjali biex ikun hemm in-nominati.”
Kont smajt l-aħħar diċerija fuqu. Għal darb’oħra fuq il-futbol u l-MFA. Possibbli li Pippo jikkontesta għall-kariga ta’ Viċi President ta’ l-MFA f’Ġunju li ġej?
“Il-ħolma tiegħi hi li nara lil William Chetcuti jirbaħ midalja f’Beijing. Mhux se nitlaq qabel dan żgur. Irrid inkun parti minn dik ir-rebħa għax fil-każ ta’ William, ili naħdem ħafna. U ma narax għalfejn għandi nidħol għal kariga bħal dik. Il-Viċi Presidenti ta’ l-MFA qed jagħmlu xogħol siewi ħafna għall-futbol Malti. Ma narax il-għala għandhom jinbidlu. Minn naħa tiegħi qiegħed niċħad kategorikament li nista’ nagħmel dan. L-opinjoni tiegħi fuq it-tmexxija ta’ l-MFA hija tiegħi u nippreferi nżommha għalija.”
Staqsejtu jekk nistgħux xi darba nerġgħu narawh jikkowċja fil-futbol.
“Biex immur ma’ klabb naraha diffiċli. Biex immur mat-tim nazzjonali fiċ-ċirkostanzi preżenti anqas biss naħsibha. Il-kundizzjonijiet m’humiex favorevoli għat-tip ta’ xogħol li rrid nagħmel jien. Jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu u ma nibqax impenjat kif jien bħalissa, nitħajjar nerġa’ nsir kowċ tat-tim nazzjonali.”
Inħares lejn l-arloġġ. Kważi siegħa bil-qiegħda quddiemu. Mistoqsija fuq oħra u rrisponda għal kull waħda li għamiltlu mingħajr biża’ u tlaqliq. Persważ li l-KOM issib l-għajnuna ta’ ħafna nies.
“Min jgħinna fil-ħidma nirringrazzjah minn qalbi għax huma nies voluntiera. Kulmin hu fil-KOM jaħdem minn qalbu. Lil dawk li jagħmlulna l-bsaten fir-roti ngħidilhom grazzi wkoll għax bis-saħħa tagħhom inrabbu kuraġġ kbir. Nibqa’ nemmen li f’Malta hawn talent kbir. Inkluż fil-futbol. It-tim nazzjonali jinsab fit-triq it-tajba u qed inġibu riżultati tajbin. Nixtiqhom jiksruli r-rekord tiegħi wara 14-il sena. Għalfejn le, jekk hu għal ġid tal-futbol, jalla li Fitzel jiksiruli fil-logħba li ġejja.”