Julia Farrugia tintervista lill-Kummissarju John Rizzo
Bi statwa ta’ Madonna mdaqqsa eżatt wara spallejh għal mument tistħajlek qiegħed f’xi kappella. Il-ħarsa f’għajnejn l-istatwa bħal donnha tgħidlek “dnubietek maħfura” imma żgur li fl-uffiċċju tal-Kummissarju John Rizzo din is-sentenza qatt ma tista’ tismagħha mingħajr ma tara li l-passi jittieħdu. Il-Kummissarju hu dak il-bniedem rett li bħal kull investigatur ieħor huwa fl-obbligu li jara li l-każijiet ma jmutux fuq ruħ ommhom mingħajr ma ssir ġustizzja fuqhom. Din ix-xena ta’ l-istatwa tispirani nsaqsieh mistoqsija diretta fuq il-każ tad-39 persuna li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ żfin erotiku. Imma dan hu każ ta’ djuq żejjed jew tidħol il-moralità u affarijiet oħra? John Rizzo jinsisti: “Kien hemm min qal li għamilna dawn ir-rejds għax ridna niddevjaw mill-każ ta’ Mario Camilleri l-Imnieħru. Jien lanqas biss tgħaddili minn rasi. Hu x-xogħol normali tal-Pulizija. Tgħidli għax illum u mhux qabel? Għax illum smajt bihom. Sfortunatament minix dak it-tip ta’ bniedem li niġri wisq ’l hemm jew ’l hawn.”
Din li qatt ma sema’ biha nsibha ftit diffiċli nifhimha għax fil-mezzi tax-xandir tul dawn l-aħħar snin kien hemm numru ta’ referenzi għal dawn il-ħwienet. Sakemm qed naħseb, il-Kummissarju jkompli: “Sfortunatament ħadd ma kien ġibidli l-attenzjoni qabel. Ġbidt l-attenzjoni tas-sub-alterni tiegħi għax ma ġibdulix l-attenzjoni dwarhom qabel jekk kienu jafu bihom. Iddeċidejna li nieħdu passi għax nemmnu li dan kien qed isir bi ksur tal-liġijiet tal-pajjiż.”
U lura għall-argument tad-djuq żejjed, John Rizzo jgħidli li dment li l-Liġi hi li hi, hu bħala Pulizija eżekuttiva qiegħed hemm biex jobdi biss il-liġijiet tal-pajjiż. “Jekk il-pajjiż, il-Gvern, l-Oppożizzjoni, huma min huma, iħossu li dawn il-Liġijiet huma djuq żejjed u m’għadhomx japplikaw, tinbidel il-Liġi. Però jekk issaqsini mil-lat mhux biss ta’ Kummissarju imma mil-lat ta’ bniedem normali, jien smajt ħafna affarijiet li xejn ma jagħmlulna ġieħ. Smajt li anke jkun hemm kuntatt sesswali f’numru ta’ każijiet bħal dawn.”
Jekk f’dan il-każ, ir-rapporti li dehru fil-media ma nġabux għall-attenzjoni tal-Kummissarju qabel, żgur li ma jistax jingħad l-istess għall-każ Magrin splodut fil-media din il-ġimgħa u li n-nar tiegħu kompla jaqbad fil-Parlament b’argumenti mressqa mill-Oppożizzjoni.
Lil Rizzo nsaqsieh meta u f’liema punt il-Pulizija ndunat li għamlet żball fil-ħruġ taċ-ċitazzjoni lil Nicholas Magrin, uffiċjal fl-Awtorità tat-Trasport. Magrin kien akkużat li taħt effett ta’ xorb tajjar lill-missier id-Deputat Laburista Joe Cuschieri u l-ex President tal-Partit Laburista Emanuel Cuschieri imma spiċċa nħeles għax fiċ-ċitazzjoni l-Pulizija qalet li l-inċident seħh filgħodu meta l-każ seħħ filgħaxija.
Jikkonfermali “Jien mill-media ndunajt li ġara xi ħaġa ħażina. Jiddispjaċini li sar hekk u jien bħala Kummissarju jiddispjaċini aktar minn kulħadd. Sfortunatament jien qiegħed hawn u nidher jien. Il-każ ta’ Magrin tajnieh żewġ tipi ta’ attenzjoni. Attenzjoni fil-bidunett biex nara li l-affarijiet jimxu kif ghandhom jimxu u tajtu l-attenzjoni billi pprosegwejna. Meta jien irriferejt to prosecute jien ma ffolowjajtx. Ikolli eluf ta’ każijiet ta’ traffiku.”
“Imma meta ndunajtu?” nerġa’ nistaqsi. “Kien hemm artiklu fil-MaltaToday, wara smajt ukoll lil Gavin Gulia fil-Parlament jitkellem. Din lili tiġbidli l-alarm bħala Kummissarju. Allaħares ma nagħtix kas. Ovvjament meta jien tlabt il-file ilbieraħ it-Tlieta jew it-Tnejn irrealizzajt li kien ġara li ġara. Ħarġu ċ-charge u l-pulizija t-tajpista, sfortunatament flok pm għamlet am. Jidher li kien każ ġenwin. Tittajpja eluf ta’ charges din. Ma naħsibx jew ma jirriżultax li din taf lil dan Magrin jew li kien relatat mal-każ ta’ Manuel Cuschieri.”
John Rizzo jagħmel enfasi li wara pariri legali li ħadet il-Pulizija reġgħet ressqet preżentazzjoni ġdida. “Ħa nressquh il-Qorti lil Magrin. Illum (l-Erbgħa) kellna nippreżentaw iċ-ċitazzjoni biex il-każ jinstema’ fl-4 ta’ Diċembru.”
Dan imma ma kienx l-uniku każ li trewwaħ fl-aħbarijiet tul din l-aħħar ġimgħa u li b’xi mod implika lill-Korp tal-Pulizija. Issemma l-każ ta’ Manuel Cuschieri, ex President tal-Partit Laburista li tressaq il-Qorti mixli li xhur ilu għamel telefonati lil mara partikolari. Il-Kummissarju jgħid, li dan il-każ u x’ħareġ fil-media, weġġgħu ħafna għaliex il-verità hi oħra.
“Jien ma nistax nitkellem fuq il-fatti tal-każ għax dawk joħorġu fil-Qorti. Aħna bħala Pulizija mexxejna wara li kellna complaint. Il-vittma wara li għidnilha li kellna ngħidulha, riedet tipproċedi l-Qorti anke wara li saret taf min kienet il-persuna li kienet qed iċċemplilha. Dan il-każ hu ex ufficio li jfisser li l-Pulizija m’għandhiex bżonn il-kunsens tal-vittma biex tipproċedi fil-Qorti. Ladarba jidħol l-ilment, il-Pulizija trid tmexxi no matter what għax inkunu qed niksru l-Liġi. Propju qabel il-kawża, il-vittma nfurmat lill-Pulizija li ma tixtieqx tkompli bil-proċeduri kriminali fil-konfront tas-Sur Cuschieri. Il-vittma ġiet infurmata li dan ma setax isir peress li l-każ hu ta’ natura ex ufficio u li jekk xtaqet tagħmel dan setgħet tagħmlu quddiem il-qorti. Fl-istess żmien tal-kawża, ġejt avviċinat minn Cuschieri, li xtaq ikellem lill-Kummissarju u t-talba kienet sabiex il-Kummissarju jirtira l-każ fil-konfront tiegħu peress li l-vittma llum qed taħfirlu u tixtieq tirtira l-każ.”
Insaqsi lill-Kummissarju: “Ċempillek Manuel Cuschieri?” Rizzo jagħmel enfasi li mhux talli kien Cuschieri li ċempillu bosta drabi imma talli l-istess Cuschieri mar ukoll fl-uffiċċju tiegħu.
“Mhux ċempilli. Ġie jkellimni hawn. U mhux darba ċempilli imma minn ta’ l-inqas xi sitt darbiet fis-sens biex il-Pulizija tirtira l-każ. Żewġ telefonati għamilhom qabel ma nstema’ l-aħħar smigħ. Dejjem spjegajtlu lis-Sur Cuschieri li la l-każ tiegħu ġie ffajljat il-Qorti ma nistax jien nirtira l-każ għax dan każ ta’ ex ufficio u kien diġà ffajljat il-Qorti. Kliemi dejjem kien: li jekk il-vittma taħfirlek tagħmel hekk quddiem il-Qorti. Dan dejjem kien il-parir tiegħi.”
“Mhux se niċħad. Kont jien li tajt ordni biex inkomplu bil-prosekuzzjoni tal-każ.”
Dwar it-telefonati John Rizzo jerġa’ jinsisti li “Naħseb li kien hemm xi tmien telefonati. U f’dawk id-drabi qatt ma kont jien li ċempilt. Dejjem ċempel Cuschieri. Jew through is-Segretarju tiegħi jew ġieli qabadni b’mod dirett. Jiġifieri kien hemm dan il-concern il-ħin kollu. Il-ħin kollu niġi avviċinat minn Cuschieri. On the day tas-smigħ infurmani l-Prosekutur għax fuq il-file kien hemm nota li ma stajniex inwaqqgħu l-każ ta’ Mr Cuschieri aħna għax ex ufficio case u nfurmani b’dawn l-iżviluppi. Kien hawn li b’sens ta’ kortesija ċempilt lis-Sur Cuschieri jien u veru staqsejtu kif inhu u jekk hux kollox alright.”
“Jien minni hekk, magħmul hekk, la kellimni dawk id-drabi kollha, ċempiltlu out of courtesy biex nara jekk kienx ok. Kollox sew? Kif mort? Qisni mort fuq pazjent l-isptar u staqsejtu kif inti, ok? Din kienet kontinwazzjoni tat-telefonati u l-mawra li kelli fl-uffiċċju”
Insaqsieh dwar każijiet differenti fosthom ta’ pulizija li tressqu l-Qorti għax kisru l-Liġi huma stess minkejja li kienu f’pożizzjoni li jaraw li tali reat ma jsirx. Il-każijiet li ssemmew fl-aħħar xhur kienu diversi minn tixħim sa serq.
“Tweġġagħni ħafna għax nippruvaw nagħmlu minn kollox biex intejbu l-Korp u nkunu ta’ l-aħjar servizz lill-poplu. Tweġġagħni and it hurts a lot. Qed titkellem ma’ uffiċjal li jaħdem aktar minn 12-il siegħa kuljum imbagħad issib min iħottlok dak li tkun ilek tibni f’żewġ minuti.” Jieqaf ftit u jkompli: “Jien għandi erbat itfal. Kultant anke hawn ikollok xi wieħed li ma jagħmilx dak kollu li tixtieq int. Kulmeta kelli dawn it-tip ta’ każi, huma min huma, ħadt azzjoni.”
Inniggżu dwar kemm hu minnu li bħala Kummissarju qed juża tattika li biha pulizija li jkunu kisru l-Liġi jkunu ‘imħeġġa’ minnu stess biex jirriżenjaw biex meta jitressqu l-Qorti ma jidhrux bħala pulizija. Rizzo jikkonferma: “Nippreferiha, iva. Nippreferi hekk milli nara bniedem b’uniformi dieħel il-Qorti. Daħħaltha jien. Ma nesiġix imma hija option biex pulizija li nqabad jisraq, jieħu d-droga, inkun aktar kuntent jekk jirriżenja qabel jitla’ l-Qorti.”
X’inhi l-fehma tiegħu dwar ir-raġuni vera għax xi pulizija jispiċċaw jixxaħħmu? Kwistjoni ta’ pagi baxxi jew oltre minn hekk? “Naħseb aktar kwistjoni ta’ prinċipju u valuri. Sfortunatament jaf ikun hemm xi vizzji wkoll li lanqas Lm1,000 ma sservieh. Il-vizzji jwassluk għal affarijiet tal-ġenn bħal dawn li qed insemmu. Veru ħasra. Xbajt nara fil-karriera tiegħi każijiet ta’ pulizija li jiċċappsu ma’ xi tip ta’ korruzzjoni u crime. Nista’ ngħidlek li din dejjem tkun l-aktar ġurnata ta’ dieqa tiegħi.”
Infakkru li hemm min jargumenta li każijiet ta’ dixxiplina għandhom ikunu applikati bl-istess qies ma’ kulħadd. X’jiġri f’każ bħal dak tal-ġimgħa li għaddiet fejn Manwel Cassar, illum Assistant Kummissarju, instab ħati mill-Qorti li meta kien Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kiser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem? John Rizzo jgħidli: “Dan hu każ li ġie appellat il-Qorti u f’dan l-istadju wieħed ma jistax jitkellem dwaru. Wieħed irid jevalwa l-affarijiet kollha. Hemm l-Avukat Ġenerali fih.”
F’moħħi jiġu wkoll numru ta’ każijiet fejn Uffiċjali tal-Pulizija nstabu ħatja ta’ akkużi, ingħataw promozzjoni taħt Gvern Nazzjonalista u Gvern Laburista neħħihom mill-kariga. Il-Kummissarju jiddejjaq b’din il-logħba politika?
“Dak kien mod kif dehrlu li kellu jiddilja bihom il-Kumissarju ta’ dak iż-żmien. Issa jekk kellux indħil politiku, jien żgur li ma nafx. Illum jien nista’ ngħidlek li jien ma naċċettax indħil politiku u nista’ ngħidlek li anke fi promotions u każi ta’ dixxiplina, ma naċċettax indħil politiku. Daqs kemm nafuhom aħna n-nies ma jafhomx il-Ministru. Nikkonfermalek li qatt ma kelli ndħil politiku f’dan ir-rigward.”
Naħseb li John Rizzo meta ħa t-tmun ta’ Kummissarju b’1,740 taħtu kien konxju li bħal f’kull post ieħor fejn għandek ammont kbir ta’ ħaddiema jista’ jkollok tgergir minn ta’ taħtek. Kien hu l-moħħ wara l-kunċett ta’ premju għal dawk il-pulizija li jkunu ta’ eżempju f’xogħolhom. Minn meta daħlet din is-sistema kien hemm mall-100 pulizija li ngħataw ċertifikat kif ukoll jumejn frank talli wettqu xogħol impekkabbli.
Fuq nota ta’ sodisfazzjon kbir għalih hemm l-Iskwadra ta’ l-Omiċidji. “L-akbar sodisfazzjon forsi għax ġejt mis-CID. Il-homicide squad naħseb li qed tħalli ċerti riżultati. Jekk tħares lejn it-tliet snin li ilha teżisti solviet sitt każijiet antiki. Għidt ħa nagħmel persuna fuq dawn id-delitti antiki biex tagħmel review tagħhom, tevalwa l-evidenza li għandna u tibda minn hemm. Anke jekk kien hemm xi ħaġa li jien bħala investigatur ma stajtx naraha.”
Nhar it-Tlieta Raymond Caruana jagħlaq 20 sena minn mindu nqatel u fit-28 ta’ dan ix-xahar ukoll Karen Grech tagħlaq 29 sena maqtula. John Rizzo jgħid li “It would be my day jekk insolvi Karen Grech jew xi Raymond Caruana. U nista’ ngħidlek li għamilna xogħol kbir fit-tnejn li huma. U meta ngħidlek xogħol kbir, xogħol kbir . Ħinijiet twal ta’ investigazzjonijiet. Anke jien involvejt ruħi personali. Qabel spiċċajt mis-CID investigajt il-każ ta’ Raymond Caruana b’mod intensiv u ppruvajt nagħmel ħilti kollha bħalma ppruvajt nagħmel ħilti kollha f’ta’ Karen Grech, meta ġibna investigaturi minbarra minn Malta.”
Jikkonferma li jżomm kuntatt sa llum mal-każijiet. “Mhux se nikxef sigrieti. Kemm jista’ jkun nipprova nżomm kuntatti magħhom. Anke fuq livell personali. Ftit ġimgħat ilu tkellimt mal-Professur Edwin Grech.”
F’ħarset l-investigaturi, f’kull każ pendenti hemm taħlita ta’ elementi: “Nerġgħu naraw ix-xhieda kollha. Illum għandna mezzi forensiċi li dak iż-żmien ma kellniex. Id-DNA jagħmel mirakli. Illum sempliċiment bolla fuq envelop toħroġ id-DNA minnha u jekk għandek suspettat int tista’ tqabbel il-kampjuni ma’ tiegħu.”
Insaqsieh jekk il-każ tad-DNA qiegħedx ikun ikkunsidrat fil-każijiet ta’ Karen u Raymond. Jevita li jikkonferma.
Il-każijiet mhux solvuti huma diversi fosthom anke s-sensiela ta’ ħruq ta’ bibien u proprjetà li kien hemm din is-sena u s-sena li għaddiet. Jistqarr hekk: “Għadna nemmnu li dik l-informazzjoni tista’ tgħinna biex insolvu l-każijiet ta’ ħruq ta’ bibien.” Referenza diretta għat-telefonati kollha li saru bil-mobile fil-ħin ta’ l-inċidenti, kwistjoni li spiċċat quddiem il-Qorti tistenna l-ġudizzju biex tagħti l-permess jew le lill-Pulizija taċċessa dan it-tagħrif mill-kumpaniji rispettivi tat-telefonija ċellulari.
Fil-Korp tal-Pulizija l-ħidma tibqa’ għaddejja f’taqsimiet differenti anke jekk hemm ferm inqas pulizija milli suppost. “Għandna bżonn il-pulizija. Qegħdin xi 200 pulizija minn taħt.” Bħalissa hemm 135 rekluta li qed jieħdu taħrig fl-Akkademja tal-Pulizija u jkunu lesti lejn nofs Frar wara li l-Kummissarju jagħtihom “xahar trial run fid-distretti”.
Jinsisti li ż-żmien li pulizija jaħdem f’Distrett huwa l-aktar żmien sabiħ għax tmiss b’idejk ir-realtà. “Tara każi li jaqsmulek qalbek, bħal meta xjuħ fid-dar ikunu attakkati għal ftit flus. Tara l-effett tad-droga kemm hi kerha, ġenituri bl-effett tad-droga li jittraskuraw lil uliedhom, xi żewġt itrabi, tiftaħ il-fridge u ssibha vojta. Ma nistħix ngħid. Sensittiv ħafna għalihom dawn l-affarijiet u kultant litteralment jaqsmuli qalbi.”
Fl-10 ta’ Mejju John Rizzo għalaq 50 sena u ta’ età żgħira jokkupa l-ogħla kariga fil-Korp. Kif jgħid il-Malti spiċċa f’dan il-mistier b’ċikka għax Rizzo qatt ma ħolom jew kellu f’moħħu li jidħol pulizija.
Kien quddiem il-mewt diversi drabi, fosthom fi sparatura waqt serqa f’fabbrika meta kien għadu Spettur. Iżda l-aktar li jbeżżgħu mhux ħwejjeġ materjali. Huwa l-gideb, jistqarr miegħi. “Min għax għandu din l-aġenda u min għax għandu aġenda oħra.” Bejni u bejn ruħi naħseb kif dan hu każ klassiku ta’ persuna li għandha fobija li tiġġilidha kuljum, waqt li bħala investigatur xogħlu hu li apparti l-provi u traċċi, jaqbad lill-akkużat jgħid xi gidba.
U l-Kummissarju jsib bilanċ għal mal-familja? “Ħa nkellmek ċar u b’ċerta kunfidenza. Għalija fil-ħajja jeżisti biss xogħol u familja. Emminni. Qatt ma kont bniedem ngħid ħa mmur nieħu drink. Lanqas naf x’jiġifieri ħanut. Jekk immur naħseb jidħku bijja għax inħossni persuna f’dinja differenti għax qatt m’għamilthom dawn l-affarijiet. Minn mindu dħalt fil-Pulizija qbadt rutina. Familja u xogħol. L-uniku ħin li nitlef fil-familja, f’sens li ninsiha veru l-familja, hu l-ħin twil li nagħmel ix-xogħol. U mhux illum għax Kummissarju minn dejjem hekk kont.”
U skond ma jgħidli l-Kummissarju lanqas il-frank tiegħu mhu qed jieħu. “Jien il-leave tiegħi kemm ili Kummissarju naqbdu u nagħtih lil min għandu bżonnu. Jien ma noħdux il-leave. Insib lil xi ħadd imdejjaq, għandu xi mard fil-familja u jkun ħa l-leave kollu. Ma jkunx jaf li tajtulu jien għax inżommu anonimu.”