03 ta' Diċembru 2006 • Nr 5

Arkivji





 

 

 

 

03 ta' Diċembru 2006
Jirriżenjaw. Mhux hekk tgħid!

Mhux għax hbieb tiegħi imma ammirajt lil Karmenu Vella u lil Manuel Zammit meta fl-eqqel tal-kriżi li għaddiet minnha l-GWU, dawn iddeċidew li jirriżenjaw minn uffiċjali ta’ l-istess union. Ma kinitx deċiżjoni ħafifa. Mhix kwistjoni li tagħmel ittra b’erba’ versi, tiffirmaha u titlaqa fl-uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali. Wara dawk l-erba’ versi hemm ħsieb profond. Il-ħsieb dwar il-futur, dwar il-karriera, dwar l-għixien tal-familja, dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjoni li tkun ħadt.
Hemm ukoll ir-raġuni vera għalfejn ħassew li għandhom jirriżenjaw. Qaluha fil-beraħ, ma felħux aktar bis-sitwazzjoni u ma setgħux jaqblu mal-linja tat-tmexxija ta’ l-organizzazzjoni. Ma kienx baqgħalhom triq oħra ħlief li jwarrbu, forsi wkoll kontra x-xewqa ta’ xi wħud li kienu jippreferu li jwarrbuhom u jumiljawhom huma minflok jitilqu weħedhom.
Dawn ma ddikjarawx li rriżenjaw għal “raġunijiet personali” – skuża finta li ħafna drabi nisimgħu meta xi ħadd ikun imġiegħel jirriżenja u jkun sar ftehim minn taħt biex ħadd ma jlissen kelma dwar x’ikun il-mottiv tar-riżenja. Irriżenjaw b’irġulija għax huma nies ta’ prinċipju. Żgur li taw tagħlima lil ħafna li jippretenduha ħafna! Ilna ngħidu li f’pajjiżna għadha ma daħlitx il-kultura tar-riżenji u jidher li mhu se naslu qatt. Għal dawk li jpoġġu fuq is-siġġu tal-poter il-kelma riżenja ma teżistix fil-vokabolarju tagħhom. Jitkellmu dwarha kemm trid imma ma jaslu qatt biex jekk l-unika triq onorabbli li jkun fadal tkun dik li jirriżenjaw fil-fatt jirriżenjaw.
Dan l-aħħar kuljum kellna lil xi ħadd li ssemma għax kellu x’jaqsam mar-riżenja. L-Awtorità tat-Turiżmu donnha ma tistax tiehu r-ruħ aħseb u ara kemm tista’ ġġib t-turisti. Irriżenja l-Kap, il-Bord tad-diretturi u issa rriżenja wkoll uffiċċjal ewlieni. Tneħħi l-aħħar każ, dawn ma tantx kienu każi ta’ nies li rriżenjaw fuq punt ta’ prinċipju. U allajbierek jaslu wkoll biex jinnegozjaw ir-riżenja tagħhom qabel ma jlebiltu mill-bieb ’il barra! Jirriżenjaw u jibqgħu jitħallsu l-eluf tal-liri daqs li kieku għadhom jaħdmu b’ilsienhom barra fl-Awtorità. U kemm intalbet ir-riżenja tal-Ministru Zammit Dimech?
Minn ġewwa u minn barra intqal li dan il-ministru għandu jassumi r-responsabiltà politika (din xi tkun?!) għad-diżastru fit-turiżmu iżda r-riżenja baqgħet fis-sħab. Dawk li riedu jsalvawlu wiċċu bdew jgħidu li t-turiżmu mhux kollox għax fil-qasam tal-Kultura l-Ministru għamel suċċess! Oħrajn bi lsien nisrani qalu li Zammit Dimech għandu għax jilgħaq għarqub Gonzi talli ħallih hemm. U kien hemm min qal ukoll li Gonzi ma ċaqalqux għax kien ikollu jċaqlaq lil ħaddiehor u magħhom seta’ jiżgiċċa mill-ventilatur John Dalli.
Il-Ministru George Pullicino wkoll saritlu pressjoni biex iwarrab. Għabbewh bil-piż tad-deċiżjoni biex ikunu estiżi l-konfini ta’ l-iżvilupp tal-bini u kien akkużat li daħaq bil-kaċċaturi u n-nassaba fuq id-direttivi tal-Unjoni Ewropea. Dawn għadhom ma qatgħux qalbhom li Pullicino mhux se jirriżenja u ddeċidew li jibdew joħorġu fit-toroq jipprotestaw.
L-istess ġralu s-Segretarju Parlamentari Tony Abela u qalulu li kiser il-kodiċi ta’ etika tal-membri tal-gvern meta intervjena ma’ dipartiment tal-gvern biex jgħin lil klijent jew kostitwent. Talbuh jitlaq għax ħallat ix-xogħol politiku max-xogħol professjonali.
Imbagħad ħareġ fil-beraħ lil min ingħata l-kuntratt tat-tindif tal-Qorti u ta’ l-uffiċċju tas-segretarjat parlamentari u dlonk intalbet ir-riżenja ta’ Carm Mifsud Bonnici. U għax dan jaqa’ taħt il-Ministru Tonio Borg allura laqqgħatha l-ministru wkoll. Imma kulħadd kien infurmat li kollox jista’ jsir, jinbidlu l-proċeduri, jinbidlu r-regolamenti imma riżenji m’hemmx għalfejn.
Issa anke s-sajjieda ħarġu qatta’ bla ħabel kontra l-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea inkarigat mis-sajd Joe Borg u qed jgħidulu jwarrab għax is-sajjieda Maltin qatt ma basru li kellu jkun Malti bħalhom li jdaħħalhom fix-xibka u jċaħħadhom milli jaqilgħu biċċa ħobż bil-kwiet minn fuq is-sajd għat-ton!
Jekk nibqgħu sejrin b’dan ir-ritmu – mhux bir-riżenji fantażma - għad nispiċċaw bla kabinett tal-ministri imbagħad żgur il-prim ministru ma jkunx jista’ jagħmel ir-reshuffle… jew inkella jkun jista’ jagħmel waħda sew!
U għadni niftakar qisu l-bieraħ l-aħbar meta kellu jirriżenja Charles Mangion minn Ministru tal-Ġustizzja fiż-żmien l-aħħar gvern Laburista fuq ħmerija ta’ qattus li kienet tikkonċerna xi amnestij jew maħfra lil priġunier, iżda li kellu jġorr ir-responsabiltà politika kollha fuq spallejh.
Niftakar ukoll fir-riżenja ta’ Tony Zarb li mbagħad irtiraha f’ħakka t’għajn meta lanqas biss kienet għadha nixfet il-linka minn fuq il-karta tar-riżenja. U l-irtirar tar-riżenja kien rabatha ma’ numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li jinħatar xi ħadd biex jieħu postu fi żmien sentejn! U bħalu kien għamel Alfred Sant li ħass li għandu jirriżenja minn mexxej tal-Partit u wara ftit żmien jirrifletti fl-istorbju ta’ folla quddiemu tgħajjat “irriduh, irriduh” reġa bdielu u ddikjara li kien lest li jibqa’ jżomm postu. Riżenji tal-konvenjenza ngħidilhom jien!
Hemm iktar riżenji x’nistgħu nsemmu imma l-lista ma tispiċċa qatt. Ta’ l-Arċisqof hija oħra. Ara kemm ilu li rriżenja, għax hekk kien obbligat jagħmel minħabba l-età, iżda r-riżenja tiegħu għadha qed tiġi studjata. U skond il-Vatikan riżenja tkun effettiva meta tingħata l-barka ta’ aċċettazzjoni mill-Papa.
Hawn min jaħseb li hija esaġerazzjoni li “għal kull ħaġa ta’ xejn” qed nitolbu r-riżenji. Imma l-esaġerazzjonijiet qed jagħmilhom min hu maħkum bil-kultura tas-siġġijiet. Is-Siġġu tal-poter, li ma jħallikx bi kwietek u li meta tiġi għas-si u n-no kif tisma’ l-kelma riżenja, t-tweġiba tkun waħda ċara:
“Nirriżenja? Mhux hekk tgħid!”