03 ta' Diċembru 2006 • Nr 5

Arkivji





 

 

 

 

03 ta' Diċembru 2006
Piż soċjali

Ħadd ma jista’ jiċħad li l-piż finanzjarju biex tixtri darek hu enormi. Il-prezz tal-proprjetà żdied b’mod inkredibbli f’dawn l-aħħar tliet snin. Biex koppja jew persuna waħedha tixtri appartament modest diffiċli ssib b’inqas minn Lm40,000, apparti l-eluf l-oħra li hemm bżonn biex tlesti l-post.
Iż-żidiet fir-rati ta’ interess li kellna matul din l-aħħar sena u nofs iktar komplew jitfgħu fil-limbu lil dawk li ssellfu. Mhix ċajta għal koppja li tkun qed tistinka biex twassal sa l-aħħar tax-xahar li l-pagament tas-self jogħla bi Lm15 ħabta u sabta.
Sfortunatament fis-suq tal-bini hemm wisq spekulazzjoni. Hu settur mibni fuq tpartit u ħlasijiet mhux dikjarati, sitwazzjoni li ma twassal qatt biex
il-prezzijiet jaqgħu.
F’dan il-kuntest l-awtoritajiet ma jistgħux jibqgħu b’għajnejhom magħluqa anke jekk hemm interessi kbar involuti.
Tibdil fil-Liġi tal-Kera u introduzzjoni ta’ taxxa fuq proprjetà li tinżamm vojta għal skopijiet ta’ spekulazzjoni jistgħu jwasslu biex jaqgħu l-prezzijiet u jiżdiedu l-postijiet għall-kiri.
Jeħtieġ ukoll li jkun hemm miżuri fiskali li jivvantaġġjaw persuni li jkunu se jixtru l-ewwel post tar-residenza tagħhom. L-ammont ta’ VAT li jieħdu lura dawk li jkunu xtraw darhom għandu jogħla minn kif inhu llum. Għandu wkoll jonqos il-boll fuq il-bejgħ u x-xiri f’każ ta’ residenza li tkun l-ewwel dar biex jonqos l-abbuż fejn sid ikun irid li l-post jiġi dikjarat bi prezz inqas fuq il-kuntratt b’detriment għall-koppja li tkun se tixtri.

L-edukazzjoni kontra l-AIDS
Nhar il-Ġimgħa kien ċelebrat il-Jum Dinji ta’ l-AIDS. Ta’ min ifaħħarha
l-inizjattiva li jieħdu l-istudenti tal-mediċina kull sena f’dan il-jum biex ikattru l-għarfien dwar din il-marda.
Iżda lil hinn mill-isforzi ġenwini ta’ l-istudenti tal-mediċina nemmnu li l-Istat għandu jkollu rwol iktar attiv fl-edukazzjoni u t-tkattir ta’ l-għarfien dwar din il-marda, iktar u iktar fil-kuntest tal-biża’ li għandhom xi wħud li jemmnu li l-immigranti illegali se jżidu l-problema ta’ l-AIDS f’pajjiżna.
Il-biża’ u l-istigma ħafna drabi huma frott ta’ l-injoranza. Min mhux infurmat biżżejjed jaf jasal għal konklużjonijiet żbaljati u għalhekk hemm bżonn ħafna iktar sforz biex in-nies jirċievu informazzjoni serja u ċara dwar l-HIV u l-AIDS.
Għalxejn nippruvaw nemmnu li pajjiżna huwa bozza maqtugħ mill-bqija tad-dinja. Mhumiex l-immigranti li se joħolqulna problema iżda l-istil ta’ ħajja permessiva li qed ngħixu fiż-żminijiet tal-lum.
Il-ġlieda tagħna m’għandhiex tkun kontra l-pazjent iżda kontra l-marda u f’dan il-kuntest l-edukazzjoni hi arma mill-iktar importanti. Arma li jeħtieġ li tkun ħielsa mill-ktajjen ta’ moraliżmi żejda. Huwa inaċċettabbli li fis-sena 2006 donnu li għadu tabù li d-Dipartiment tas-Saħħa jagħmel kampanja edukattiva li tinkludi referenza ċara u diretta għall-użu tal-kondoms.
Inutli nitfgħu rasna fir-ramel u nagħmlu ta’ bir-ruħna li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin mhux qed ikollhom rapporti sesswali riskjużi. Saħansitra studji xjentifiċi wrew li tfal fil-Form 1 u 2 ukoll qed ikollhom rapporti sesswali. Din hi Malta tal-lum.
Ikun ta’ xejn jekk l-Istat jippromwovi kampanja ta’ astinenza sesswali kif hemm min jixtieq. Fejn tħaddmu dawn it-tip ta’ kampanji fallew għas-sempliċi fatt li ż-żgħażagħ tal-lum xorta se jkollhom rapporti sesswali. F’dan il-kuntest ikun aħjar li l-informazzjoni fuq kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom tkun ċara.
Iżda l-edukazzjoni trid tiffoka wkoll fuq il-persuni morda bl-HIV jew l-AIDS. Dawn huma nies li jistgħu jibqgħu jiffunzjonaw b’mod normali fis-soċjetà sakemm tagħtihom saħhithom u m’hemm l-ebda raġuni għalfejn għandhom ikunu stigmatizzati.