26 ta' Novembru 2006
Staġun miftuħ għall-kaċċa tal-voti
Huma bosta s-sinjali li juru li l-istaġun għall-kaċċa tal-voti jinsab miftuħ. Jista’ jkun staġun twil, jista’ jkun staġun ferm iqsar milli qed naħsbu. Il-loġika tgħidlek li l-elezzjoni x’aktarx issir x’imkien bejn April u Diċembru tas-sena d-dieħla. Biex jirkupraw u jirrimontaw mil-livell baxx ta’ appoġġ li niżlu fih fis-sentejn li għaddew, in-Nazzjonalisti jridu ż-żmien u għad fadlilhom x’jaqdfu. Il-PN taħt it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi kiseb riżultati elettorali diżastrużi li tefgħuh viċin il-livelli minimi storiċi tas-Snin 50 meta l-PN kellu appoġġ taħt l-40 fil-mija ta’ l-elettorat u minħabba f’hekk kellu jifforma gvernijiet ta’ minoranza jew ta’ koalizzjoni ma’ partiti oħrajn. Għalkemm l-elezzjonijiet lokali u tal-Parlament Ewropew għandhom is-sinjifikat politiku tagħhom u jħallu għal mument ċerti vibrazzjonijiet fuq ix-xena politika, elezzjoni ġenerali taf tkun storja għal kollox differenti. Fl-elezzjonijiet lokali u anki fl-ewropej, il-votanti għandhom ħabta li jesperimentaw u javventuraw bil-vot tagħhom ferm iktar mis-soltu. Mhumiex ftit dawk il-votanti li jekk ikollhom xi ħaġa aħjar x’jagħmlu mhux se jiddejqu wisq jekk ma jmorrux jivvutaw. F’dawn l-elezzjonijiet min jivvota jkollu t-tendenza wkoll li jibgħat messaġġ, jagħti risposti u jinki xi ftit iktar mis-soltu bil-vot tiegħu. Elezzjonijiet lokali huma sondaġġ tajjeb ta’ kif qed tħossha l-opinjoni pubblika f’dak il-mument partikolari bejn elezzjoni ġenerali u oħra. U proprju mhux biss ir-riżultati ta’ l-elezzjonijiet lokali juru li l-PN ħa daqqa ’l isfel fil-popolarità imma anki d-diversi sondaġġi ta’ l-opinjoni pubblika li ta’ spiss isiru, jikkonfermaw din it-tendenza.
Tiżbiġ bid-dati L-ewwel appuntament elettorali importanti fl-2007, li 99 fil-mija se tkun is-sena ta’ l-elezzjoni ġenerali li jmiss, huwa dak ta’ Marzu meta terz ta’ Malta u Għawdex jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali f’ibliet importanti bħall-Mosta, Ħal Qormi, Ħamrun u Raħal Ġdid.
Hekk kif intemm is-sajf li għadda l-PN deher li se jibda jsaħħan minn issa il-magna tiegħu għall-elezzjoni ġenerali. Tħabbret b’mod uffiċjali l-lista tal-kandidati bil-fanfarri kollha fi tmiem il-festi ta’ l-indipendenza. Joe Saliba s-segretarju-ġenerali tal-PN żebbeġ kemm felaħ b’dati differenti ta’ meta tista’ ssir elezzjoni. Ta wkoll x’jifhem li
l-elezzjoni ġenerali tista’ ssir fl-istess ġurnata tal-kunsilli lokali. Li hu żgur, tal-PN qed isaħħnu l-magna tal-kampanja elettorali minn daqstant kmieni għax ma jifilħux għal disfatta elettorali oħra f’Marzu li ġej. Iridu jdaħħlu lin-nies tagħhom f’ l-hekk imsejħa election mode mhux neċessarjament għax l-elezzjoni ġenerali tinsab daqshekk fil-qrib. Iridu jqabdu d-deni ta’ l-elezzjoni fin-nies tagħhom minn issa bit-tir li l-votanti tradizzjonali Nazzjonalisti li fl-aħħar snin għal xi raġuni jew oħra setgħu tmeżimżu mill-partit tagħhom, dawn joħorġu jivvutaw f’Marzu li ġej.
Wieħed ma jridx jinsa li l-kunsilli lokali ta’ l-2004 kienu saru fl-istess ġurnata ma’ l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Hawn min isostni li fl-elezzjonijiet ta’ l-2004 l-MLP kien ferm iktar iffukat u mobiliżżat mill-PN u f’Marzu li ġej ftit li xejn jista’ jmur aħjar minn kif mar dakinhar.
Jekk il-PN jinġabar f’Marzu li ġej u juri sinjali ċari li qed jirpilja, Dr Gonzi hemmhekk ikollu jdejh aktar ħielsa ta’ meta jista’ jsejjaħ l-elezzjoni ġenerali. Jekk f’Marzu li ġej il-PN ikollu riżultat negattiv ieħor, Dr. Gonzi jkollu jilgħab għal iktar żmien bit-tama li jirkupra xi ftit iktar minn dak li tilef. Jekk xorta jibqa’ taħt l-ilma f’dik li hija popolarità, jaf imur għall-elezzjoni f’Novembru inkella jista’ jmur għal Frar, Marzu tas-sena ta’ wara, minkejja r-riskji kollha li wara l-1 ta’ Jannar 2008, mad-dħul ta’ l-Ewro, il-ħajja se tkompli togħla sostanzjalment.
Proġetti F’Mejju li ġej il-Kummissjoni Ewropea mistennija tħabbar jekk Malta għaddietx mill-għarbiel tal-kriterji ta’ Maastricht biex tkun tista’ ssir it-taqliba għall- Ewro. Oqgħod żgur li n-Nazzjonalisti se jagħmlu ħilithom biex jirkbu kemm jifilħu fuq din it-tħabbira u se jużawha bħala konferma li l-ekonomija tal-pajjiż tinsab fit-triq it-tajba, il-finanzi pubbliċi jinsabu fis-sod u li Malta għaddiet fejn pajjiżi oħra setgħu weħlu mill-istess eżami. Bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien ikunu waslu biex jitlestew bil-ħniena t’Alla u jiġu inawgurati proġetti kapitali kbar bħall-mollijiet ta’ l-Imġarr u taċ-Ċirkewwa, l-Isptar Mater Dei, proġetti li tant ilhom ifekirnu għal snin twal. Il-ftaħir dwar dawn il-proġetti jaf jimpressjona l-imħuħ sempliċi, però fl-istess ħin jaf ikun kontroproduċenti fl-imħuħ ftit inqas ħfief li jiftakru fid-dettal dwar il-kontroversji kollha u t-tberbiq bla brejkijiet li kkaratterizzaw dawn il-proġetti.
Manuvri
Il-maniġġi u l-manuvri biex in-Nazzjonalisti jirkupraw mill-voti li tilfu mill-bażi tradizzjonali tagħhom jinsabu għaddejjin in full swing. Mhux qed jonqsu lanqas il-u-turns avolja skond il-propagandisti nazzjonalisti din suppost hija specjalità tal-Laburisti.
Ħu mill-każ tal-famużi pilloli tal-kolesterol. Filli jiġi kkwotat rapport ta’ xi espert mill-WHO li jsostni li dawn ma jaħdmux fuq minn għandu aktar minn 75 sena, u filli jigi kkwotat xi rapport ieħor li jgħid li dal-pilloli jaħdmu tkun xi tkun l-età. Louis Deguara għadu kif ħabbar fil-Parlament li 36,000 persuna li ma baqgħux intitolati għal dawn il-pilloli minħabba r-rapport ta’ dan l-espert fażull issa se jerġgħu jkunu intitolati.
S’intendi dal-logħob bil-bżallu kollu m’għandu x’jaqsam xejn mal-fatt li qed toqrob l-elezzjoni. Bl-istess mod sistemi bħal tal-wardens li ilhom jonsbu, u jigdmu lil povru Ċikku l-poplu għal das-snin kollha, ftit tal-ġimgħat ilu joħroġ għan-nofs Joe Saliba jattakka l-abbużi u l-inġustizzji li qed toħloq din is-sistema. Bħal dak li qallu mhux il-partit tiegħu kien li ħoloq dis-sistema perverta u kattiva li tiffoxxna u żżoqq lilha nnifisha minn fuq dahar il-poplu. Saħansitra waslu għall-assurdità li Peppi l-kunduttur jagħmel speci ta’ riklam fl-edizzjoni ta’ Xarabank fuq is-sess fejn ta l-indirizz tal-Bord tal-Petizzjonijiet u ħeġġeġ lin-nies biex imorru quddiem il-Bord li laqgħa madwar 80 fil-mija tat-talbiet li saru lilu. Biex hemm daqshekk ċitazzjonijiet li qegħdin jinħafru, bilfors li s-sistema tal-wardens hija mherrija minn ġewwa.
Maħfriet presidenzjali
Konferma oħra ta’ kemm qed tintuża kull tip ta’ lixka fis-sajda miftuħa għall-voti hija l-aħbar li fix-xhur li għaddew ingħataw maħfriet presidenzjali b’kemm jiswew Lm552,000 multi u 15-il sentenza ta’ ħabs relatati ma’ offiżi tal-VAT. M’aħniex qed nitħaddtu fuq cookers u fridges tal-Community Chest Fund. Bħala stat ta’ fatt għandna sistema li qed tippremja li min jirriskja u jevadi, jieħu ċans imbagħad naraw. Min jevadi l-VAT l-ewwel jieħu ċans li ma jinqabadx, jekk jinqabad jieħu ċans li jiġi liberat quddiem il-qorti jew fl-appell, imbagħad lejlet xi elezzjoni dejjem hemm iċ-ċans ta’ xi maħfra presidenzjali.
Moral re-armament
Miżura oħra pjuttost kurjuża u stramba imma vera li tikkonferma li l-elezzjoni tinsab kantuniera ’l bogħod kienet l-offensiva tal-Pulizija li ressqet il-qorti 38 tfajla barranija l-ġmiel tagħhom li ġew mixlija li ħadu sehem f’burdell. Qegħdin ngħixu f’pajjiż burdell, ħaġa kbira li jkollok dawn it-tfajliet barranin li jieħdu sehem fih? Tgħidli x’għandha x’taqsam l-offensiva fuq il-briedel mad-data ta’ l-elezzjoni? Għax trid tkun mintix qed tgħix f’dinja biex wara das-snin kollha ta’ prostituzzjoni fl-apert u f’wiċċ kulħadd, briedel kwazi-uffiċjali u mhux uffiċċjali, klabbs ta’ l-adults only li saħansitra jkunu reklamati fuq l-Inflight Magazine ta’ l-Air Malta, u fid-daqqa u l-ħin qisu xi ħadd jagħfas buttuna, u jsir blitz biex titħares il-morali pubblika ta’ dal-pajjiż li ilha snin twal li marret il-baħar. Saret din il-messa in scena kollha biex jiġu pplakati dawk l-erwieħ tajba li huma mħassbin bis-serjetà dwar kif therrew il-valuri morali ta’ dal-pajjiż. Imma jien ninsab ċert li wara li impressjonaw lil min setgħu jimpressjonaw bi blitz bħal dan, l-għada qisu qatt ma kien xejn u fi ftit żmien nerġgħu lura għalli konna.