26 ta' Novembru 2006
Negozjanti għal ambjent aħjar
Qed nistinka kemm niflaħ biex indaħħal mentalità fost in-nies tan-negozju li l-ambjent hu importanti għan-negozju u għalhekk importanti li kull negozjant iġorr ir-responsabbiltà tiegħu. Mhux faċli din għax għad hawn ħafna li jidħlu fil-kummerċ bl-għan li jaħtfu bil-kbir sa ma jagħmlu ftit flus imbagħad ituha għall-proprjetà.
Sfortunatament, is-sistema burokratika lil dawn il-cowboys tgħinhom. In-nies tat-Tax Compliance Unit, tal-VAT, tal-MEPA u l-allat kollha l-oħra li jeżistu, dejjem għand in-negozjant reġistrat, is-sitting duck, imorru. Rari jdejjqu lil dawk li bla kuxjenza xejn jiksru kull liġi li jfettlilhom. Il-maġġoranza tan-nies li nirrappreżenta bi ftit persważjoni u b’ħafna u ħafna paċenzja u xogħol, laqgħat u preparazzjoni, twassalhom biex flimkien jieħdu azzjoni għall-ġid ta’ kulħadd.
Bħalissa qed naħdmu sewwa u b’ħafna sagrifiċċji fuq tliet eżerċizzji. L-ewwel każ hu dak tal-ġbir u r-riċiklaġġ ta’ skart tal-fliexken u containers oħra tax-xorb, birer, minerali u ilma kif ukoll skart ieħor fil-fliexken tal-plastik u ’l quddiem ukoll tal-landa.
Il-każ l-ieħor hu dwar materjal ta’ ippakkjar bħal kartun u karta. It-tielet każ hu dak ta’ l-iskart ta’ prodotti elettroniċi u elettriċi. Qed nistennew li nimxu fuq dawn mal-Gvern basta jkun hemm ir-rieda tajba u ma jkunx hemm min ikkommetta ruħu minn taħt.
Inkorru meta min-naħa tal-Gvern jaqbdu u jaqdfu waħedhom u agħar, meta minn wara dahar kulħadd, jaqbdu u jiftiehmu ma’ xi ftit negozjanti kbar u wara jippretendu li ħaddieħor jimxi warajhom qisu xi poodle.
Il-Gvern ta’ Gonzi jkorri jekk lil dawn il-burokratiċi ma jwiddibhomx li spiċċa ż-żmien fejn l-affarijiet isiru minn taħt.
Nixba’ nismagħha. Żommha kwieta. Tifrixhiex. Qisha s-sigriet ta’ Fatima. Din żgur mhix il-mużika tiegħi. Lanqas jekk irrid, ma nistax. Għax jew nirrappreżenta lill-kotra tan-negozjanti jew lill-ftit. U l-ministri jagħmlu żball kbir jekk jaħsbu li se jsolvu l-problemi ta’ l-ambjent għax jiftiehmu, jew aħjar, jistgħanaw lill-ftit.
Fil-każ tal-Magħtab, wara li għaqqadt flimkien lis-sidien tal-barrieri tal-qawwi kollha biex kull wieħed minnhom jieħu biċċa u ma jkunx hemm wieħed kbir li jgħaffiġhom, il-Gvern l-ewwel qal iva, imbagħad għamel li fettillu.
L-ambjent, aktar minn kull suġġett ieħor, hu kwistjoni ta’ impenn. Żmien ilu meta kont l-ewwel kap ta’ l-ambjent taħt l-eks ministru Daniel Micallef, ambjentalista verament ġenwin u li kien l-ewwel ministru responsabbli għall-ambjent, tgħallimt li n-nies ma tridx timponilhom.
Trid tipperswadihom. Jista’ jkollok mitt MEPA u mitt elf regolament. Jekk lin-nies ma tikkonvinċihomx, ma tasalx. Illum nieħu pjaċir nara s-suċċess ta’ l-isforzi edukattivi li qed isiru. Kollega tiegħi qaltli li d-dar lanqas tista’ ma tisseparax l-iskart. ‘Mela le,’ qaltli, ‘it-tifla ta’ tmien snin tikolni jekk tarana nitfgħu l-fliexken ma’ l-iskart tal-kċina.’
Għax hekk għallmuha l-iskola. Oħra qaltli li ħuha ta’ disa’ snin ma jirkibx fil-karozza ma’ missieru jekk il-karozza tkun iddaħħan: ‘papà, l-ambjent ħammġu waħdek. Lili ddaħħalnix.’
Din hi ġenerazzjoni ġdida li tiela’. Prosit lill-għalliema u lill-iskejjel li din il-kwistjoni qed ituha din l-importanza kollha.
Man-negozjanti m’għandniex daqshekk suċċess, iżda qed naslu wkoll. Dwar il-fliexken tal-birra, tal-minerali u ta’ l-ilma, lill-Gvern ippreżentajnilu pjan fuq ħames snin li jekk iħaddmu jpoġġi lil Malta fuq ta’ quddiem fil-ġbir ta’ dan l-iskart. Mhux sistemi ta’ depożiti li jsallbu lill-konsumaturi u lil tal-ħwienet u jpaxxu biss
lill-ftit negozjanti kbar għandna bżonn.
Meta l-Gvern jimponi skemi li jdejjaq bihom lin-nies, ifalli politikament hu u jagħmel ħsara lill-ambjent. Għax l-ambjent jew tersaq lejh b’konvinzjoni u entużjażmu jew tħares lejh bħala kastig u tibqa’ ma tniżżlux. Din hi l-esperjenza tiegħi man-negozjanti. Bil-paċenzja tikkomettihom u wara jirsistu aktar minnek.
L-iskema tal-GRTU twassal biex insaħħu s-sistema tal-ġbir ta’ l-iskart bieb bieb. Kuljum jinġabar iż-żibel imħallat fil-borża u kull jumejn jinġabar l-iskart separat; darba l-plastik, darba l-ħġieġ u darba l-metall, kollha fil-borża kulurita tagħhom.
Il-boroż jistgħu jinġabru mis-supermarkets u mill-ħwienet u l-ewwel jintużaw għax-xirja u wara għall-iskart. Il-proġett tal-GRTU isaħħaħ is-sistema ta’ ġbir ta’ skart bieb bieb li għandna llum u teħles lil tal-ħwienet mill-iżgombru u ħmieġ ta’ skema ta’ depożiti ta’ fliexken u mbarazz ieħor.
Ħdimna wkoll fuq il-karta u fuq il-kartun. Fit-tieni fażi niġbru wkoll il-karti u l-kartun. Minn wara bieb in-nies, triq triq, u minn wara l-bibien tal-ħwienet. B’effiċjenza u mingħajr żgombru fit-toroq u bla impożizzjoni ta’ akkumulazzjoni ta’ skart fid-djar tan-nies u mingħajr skumdità li trid toqgħod tiġri bil-boroż taż-żibel għand tal-ħanut.
Għaliex bla depożiti?
Din tad-depożiti ħmerija kbira. Issallab lil kulħadd u ma jridha ħadd. Hi sistema wkoll li tpinġi l-ambjent bħala kastig u mhux esperjenza pożittiva.
Lestejna wkoll proġetti dwar l-iskart bħal washing machines, fridges, frejjeż, dish washers, kompjuters, air-conditioners, giżers u apparat ieħor elettroniku u ta’ l-elettriku.
Huma ħafna n-negozjanti, importaturi, sidien tal-ħwienet, kumpaniji tal-ġbir ta’ l-iskart, il-koperattiva tal-ġbir ta’ l-iskart u investituri li jridu jinvestu fl-impjanti tar-riċiklaġġ u oħrajn li b’xi mod jidħlu f’dawn is-sistemi. Jiena ċert li l-GRTU ltaqgħet u semgħet aktar milli ltaqgħu u semgħu l-istituzzjonijiet pubbliċi.
L-ambjent irridu naqbżu għalih. Mhux għax hemm id-Direttivi Ewropej. Mhux għax hemm il-Liġi. Imma għax l-ambjent hu tagħna lkoll. Imma rridu lkoll inkunu impenjati. Kulħadd fil-qasam tiegħu. Irridu lkoll immiddu jdejna. Bil-paroli biss fejn aħna se nibqgħu.