26 ta' Novembru 2006 - Toni u Peppi
Ġustizzja soċjali: flus jew servizzi
Toni
Qegħdin ngħixu f’dinja li qed tinbidel bis-sekondi. Iżda f’dinja fejn il-politiċi għandhom il-ħin kollu biex jaħsbuha, iċ-ċittadin irid jiddeċiedi malajr.
Għalhekk meta l-politiċi joħorġu bi “studji” li l-istat soċjali huwa ta’ piż fuq min qiegħed iħallas it-taxxa, il-poplu jibda jemmen li jridu jinstabu modi ġodda ta’ solidarjetà soċjali – dak li llum jissejjaħ welfare society, li huwa differenti mill-welfare state.
Dak li ma jintebaħx bih iċ-ċittadin hu li l-istess taxxa se jibqa’ jħallasha, iżda s-servizz soċjali ma jibqax hemm, jekk mhux ukoll jibda jħallas għalih lill-privat taħt xi forma ta’ assigurazzjoni privata.
Huma bosta r-raġunijiet jew skużi li joħorġu bihom dawk li huma kontra l-welfare state. L-aktar waħda popolari hija dik li din hija spiża kbira pubblika. Sakemm l-ekonomija hija b’saħħitha u vijabbli ma jingħad xejn. Anzi s-sistema ta’ servizzi soċjali minn jaf kemm intużat għall-patrunaġġ politiku. Per eżempju llum l-ogħla rata ta’ persuni boarded out huma minn Għawdex, u evidenti għaliex! Iżda meta d-dejn pubbliku jkun wieħed astronomiku, bħalma hu llum, Lm1.4 biljun, b’Lm70 miljun imgħaxijiet fis-sena, ir-raġuni u l-iskuża x’aktarx tkun li hawn ħafna abbużi. Għalija l-akbar abbuż ikun ta’ min ħalla jakkumula dan id-dejn.
Neo-liberaliżmu
Raġuni jew skuża oħra popolari ħafna hija dik frott ta’ l-ideoloġija neo-liberali li tferrxet mad-dinja bħan-nar fit-tiben. L-ekonomisti liberali, li l-alla tagħhom Milton Freedman għadu kemm miet, jinsistu li l-ekonomija tikber jekk il-gvern jagħmilha ta’ regolatur u mhux kontrollur. Jiġifieri l-gvern jintervjeni mill-inqas fil-forzi tas-suq ħieles u allura jħalli kollox f’idejn il-privat. Jidħol biss biex jirregola l-fairplay meta jkun hemm bżonn biss.
Din it-teorija qdiet ħafna lill-politiċi peress li farfru ħafna minn fuq spallithom. Is-servizzi soċjali, li sa ftit ilu kienu jingħataw mill-gvernijiet ġew żarmati biex minflok jagħtuhom lill-privat. L-argument prinċipali huwa li dan inaqqas mill-ispiża pubblika, jiġġenera aktar impjieg u tinħoloq kompetizzjoni anke fil-qasam soċjali. Din it-teorija tassumi li fil-ħajja kulħadd jitlaq mill-istess linja ta’ tluq.
Fil-verità din toħloq ħafna perikoli. Qabel xejn, fejn jidħol il-privat, m’hemmx il-garanziji fit-tul li jista’ jagħti l-Istat. Fl-Ingilterra rajna skemi ta’ pensjonijiet privati jfallu, b’ħafna jispiċċaw iħallsu flus għalxejn u bil-periklu li jispiċċaw mingħajr pensjoni. Apparti dan, lanqas huwa minnu li l-Istat kien jagħti xi servizz b’xejn, għax persuna tkun ħallset it-taxxi u l-bolla għal tul ħajjitha, biex proprju jkollha dak is-servizz b’xejn. Iżda minkejja dan it-tfarfir kollu, iċ-ċittadin jibqa’ jħallas l-istess ammont ta’ taxxi, jekk mhux ukoll jiżdiedu maż-żmien, kif proprju ġara f’pajjiżna.
F’pajjiżna
F’pajjiżna dawn it-teoriji bdew jaqbdu l-għeruq fl-għalqa politika. Kemm-il darba nisimgħu li hemm ħafna jabbużaw mis-servizzi soċjali, bl-akbar spiża fil-qasam tas-saħħa. Dejjem nisimgħu li s-sitwazzjoni mhix aktar ekonomikament sostenibbli, imma mingħajr ma l-politiċi jammettu li l-parti l-kbira tat-tort hija tagħhom.
Tagħhom għax ħolqu dejn nazzjonali li ma kellux ikun. Tagħhom għax issa qegħdin jirrealizzaw kemm is-servizzi soċjali ħafna drabi intużaw għal patrunaġġ tal-kostitwenti. Allura f’xenarju bħal dan jinħolqu diskrepanzi soċjali u finanzjarji.
L-aktar li jispikkaw id-diskrepanzi huwa fil-kamp ta’ l-anzjani. Dawk li jmorru San Vinċenz De Paule tinqatgħalhom il-pensjoni bi 80 fil-mija. Minkejja li għadhom fuq saqajhom, jibqgħalhom miżerja minn dik il-pensjoni li ħadmu għaliha tul ħajjithom kollha u dan minħabba li jinsab f’dar ta’ l-anzjani tal-Gvern. Apparti li fil-fehma tiegħi d-dritt għal pensjoni sħiħa huwa dritt patrimonjali, id-dritt li jinsabu f’dar tal-Gvern ma jkunux ħallsu għalih bit-taxxi tul ħajjithom?
Fil-qasam tal-mediċini s-sitwazzjoni hi diżastruża b’direttivi li wara l-għeluq il-75 sena ċerti mediċini jieqfu u dan minkejja r-rakkomandazzjoni ta’ l-Ombudsman li dan mhux sewwa. Mediċini li suppost qegħdin stokkjati fl-ispiżeriji tal-Gvern ikollhom jinxtraw minn min huwa ntitolat għalihom b’xejn għax out of stock.
Dawn huma miżuri li jindikaw direzzjoni waħda: il-Gvern irid jiffranka.
Hekk ukoll fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, dak li sa ftit ilu kien jingħata b’xejn, bħal ma huma pitazzi u kotba skolastiċi, illum iridu jinxtraw. Familja b’żewgt itfal bil-missier jaqla’ paga medja trid twarrab mill-inqas xahar mid-dħul annwali tagħha għal spejjeż edukattivi li sa ftit żmien ilu ma kont tħallas xejn għalihom.
Is-sinjali taż-żminijiet li qiegħed nara ma huma jogħġbuni xejn! Wisq nibża’ li hemm aġenda politika moħbija li bl-iskuża tal-kunċett modern tal-welfare society ikunu żarmati s-servizzi soċjali tal-welfare state. Huwa minnu li l-bnedmin ilkoll jitwieldu l-istess. Però mhux kollha jitwieldu bl-istess kont bankarju, u l-politiċi, li l-parti l-kbira minnhom huma professjonisti, għandhom it-tendenza li jkejlu l-bżonnijiet soċjali b’xibirhom!
Peppi
Wara kull Istrina xi ġurnalist kien jistaqsi x’nixtieq mill-Istrina tas-sena ta’ wara. Ir-risposta tiegħi dejjem kienet li nixtieq li s-sena ta’ wara l-Istrina ma jkollhiex bżonn issir. Stramba imma veru.
Nistqarr li kont inħossni qed numilja lin-nies meta f’isimhom jew anke magħhom noħorġu nittallbu fuq it-televixin biex tifel marid serjament ikun jista’ jtella’ ’l ommu u lil missieru miegħu l-Ingilterra. Niftakar stejjer fl-isptarijiet ta’ Londra li jwaħħxuk. Koppja li tiekol pizza bejn tnejn f’ġurnata sħiħa għax bla ikel. Mara wiċċha ’l fuq, waħedha għal kważi sena, ma tafx tgħid kelma bl-Ingliż. Aħwa ta’ sentejn fl-ITU għax wieħed qed jagħti biċċa minn ġismu ħalli l-ieħor jgħix. Il-missier li telaq mix-xogħol u kien ilu tmien xhur l-Ingilterra.
Familja ta’ tifel li damet tliet snin tgħix l-Ingliterra tistenna kilwa, dejjem stand by biex x’ħin iċemplu mill-isptar jaslu hemm f’anqas minn siegħa. Jekk hemm bżonn ta’ servizzi soċjali personalizzati dawn huma il-każijiet.
Raġel ta’ 27 sena li kien ilu marid sentejn iċempilli, qed imut inkwetat għax martu m’għandhiex biex tagħmillu funeral. Kellhom tarbija ġejja fid-dinja. Miet ftit sigħat wara. Il-Community Chest Fund ħallsitlu funeral sempliċi iżda dinjituż. Quddiem din ir-realtà jinbtu għadd ta’ punti li jġegħluk tirrifletti.
L-ewwel: Kemm hu serq goff ta’ dawk li jieħdu s-servizzi soċjali billi jfottu, u allura jisirqu b’mod sfaċċat, lil dawn in-nies li huma veru fil-bżonn.
It-tieni: X’ġustizzja soċjali hi din li miljunarju f’Malta għandu s-servizz tas-saħħa b’xejn waqt li m’għandniex flus biżżejjed biex żewġ ġenituri jitilgħu ma’ binhom qed imut, għall-kura fl-Ingilterra?
It-tielet: Kemm hu serq sfaċċat ta’ dawk li jevadu t-taxxa meta dawn huma dawk li jaqilgħu l-iżjed, u dawk li meta jkollhom bżonn, jinqdew bis-servizzi b’xejn li jħallsu għalihom il-kumplament li finanzjarjament jaqilgħu ħafna anqas minnhom.
Huwa veru li f’Malta għandna qafas ta’ wens soċjali tajjeb ħafna. Huwa veru li jintefqu miljuni ta’ liri fuq pazjenti li jmorru barra l-pajjiż u miljuni oħra fuq is-servizz tas-saħħa eċċellenti li għandna b’xejn. Iżda huwa veru wkoll li hawn persuni li jinsabu fil-qiegħ tal-qiegħ, jgħixu bil-karità, jekk mhux mit-triq, minn fuq xi radju jew televixin.
Iżda huwa veru wkoll li l-pajjiż għandu l-limiti tiegħu. Is-somma li jkollu l-Gvern irid jara kif se jqassamha bl-aħjar mod. Hija għażla diffiċli iżda għażla li f’isem il-ġustizzja soċjali għandha ssir favur dawk l-aktar fil-bżonn.
Nisma’ argumenti ta’ nies li jkexkxuk. ‘Dawk tort tagħhom.’ X’tort għandu t-tifel tal-missier li spiċċa l-ħabs?
X’tort għandha t-tifla ta’ omm li għax għandha prioritajiet ħżiena uliedha jispiċċaw bil-ġuħ u bla ħwejjeġ u bla kotba? Iżda dawn in-nies għajnuna finanzjarja biss għandhom bżonn?
Jekk l-omm qed tonfoqhom tombla u Super 5, il-flus li tista’ tieħu bħala servizzi soċjali mhux hemm jafu jispiċċaw ukoll?
Allura hawn fejn tidħol id-differenza radikali li rridu nagħmlu. Li diġà bdejna nagħmlu.
Qabel kellna l-welfare state fejn il-gvern kien iqassam il-flus f’servizzi soċjali. Illum fhimna li n-nies mhux bilfors flus għandhom bżonn. Għandhom bżonn servizzi.
Għal dik il-familja li fiha l-missier alkoħoliku r-rijabilitazzjoni tiegħu mhix flus iżda tiswa investiment ħafna ikbar mill-pensjoni.
L-anzjan waħdu li ma jmur jarah ħadd mhux bilfors żieda fil-pensjoni għandu bżonn. Dan l-anzjan għandu bżonn persuni mħarrġa biex jagħtuh il-wens. It-tifel autistic għandu bżonn l-Eden Foundation waqt li l-omm drogata għandha bżonn lill-Caritas jew lis-Sedqa.
Il-Gvern jinvesti, kif għandu l-obbligu li jagħmel, f’dawn is-servizzi soċjali li bil-mod qed isiru personalizzati. Din hija t-triq tal-welfare society.
Il-karità għandha tibqa’ mhux bħala bżonn, kultant ta’ ħajja u mewt, iżda bħala bżonn għalina li qegħdin tajjeb biex insibu sfog fejn inserrħu il-kuxjenza biex ngħinu lil ħaddieħor.
Il-bżonn ta’ dawk fil-bżonn għandu jkun dritt kontinwu u mhux jiddependi mill-burdata karitattiva tan-nies komdi.