26 ta' Novembru 2006
Qraba ta’ l-Imnieħru jiżgiċċaw mil-Liġi dwar il-ħasil tal-flus
Julia Farrugia
Il-kumpanija tal-qraba ta’ l-Imnieħru, Special Cleaners Limited, laħqet ħadet Lm2,683 mill-Gvern Malti għal żewġ kuntratti differenti li ngħatat.
Dokument li għandha f’idejha din il-gazzetta jikkonferma li l-kumpanija Special Cleaners tħallset Lm1,452 ta’ xogħol li l-kumpanija għamlet fis-Segretarjat ta’ Carmelo Mifsud Bonnici.
Mill-uffiċju tas-Segretarju Parlamentari ngħatajna konferma li l-kumpanija Special Cleaners għamlet xogħol ta’ tindif f’dawn l-uffiċini bejn il-5 ta’ Jannar ta’ din is-sena u s-16 ta’Ottubru li għadda. Dan ix-xogħol twaqqaf meta kien żvelat l-iskandlu wara l-għoti tal-kuntratt ta’ tindif fil-Qrati lil din l-istess kumpanija.
Kollox jindika li għax-xogħol ta’ tindif fis-Segretarjat ta’ Mifsud Bonnici ma ħarġet l-ebda sejħa għall-offerti. Għada fil-Parlament mistennija tingħata spjegazzjoni ta’ min seta’ rrefera lil din il-kumpanija biex tagħmel dan ix-xogħol hi minflok xi kumpanija oħra.
Iż-żewġ każijiet flimkien qanqlu tħassib għaliex fil-kumpanija Special Cleaners hemm involuti persuni b’rekord kriminali. Fost il-persuni li għandhom ishma f’din il-kumpanija hemm Pierre Camilleri, iben Mario Camilleri magħruf bħala l-Imnieħru. L-Imnieħru qed jiskonta sentenza ta’ ħabs wara każ ta’ traffikar ta’ droga. Ibnu Pierre u nanntu għandhom proċeduri kriminali kontra tagħhom minħabba każ ta’ tixħim u ħasil ta’ flus.
Dawn il-każijiet kixfu wkoll kemm fl-istituzzjonijiet Maltin hemm laxkezza kbira anke fil-Liġi tal-ħasil ta’ flus. Dan il-qafas, li jaf il-bidu tiegħu fis-Snin Disgħin, qiegħed hemm biex jara li flus li jkunu ġejjin minn attività kriminali ma jkunux investiti jew użati f’attivitajiet oħra.
Esponenti ewlenin fil-qasam finanzjarju għokrithom għajnejhom wara dan il-każ. Il-gravità hija akbar hekk kif jirriżulta li l-kumpanija Special Cleaners ġiet uffiċjalment reġistrata fis-27 ta’ Mejju 2005, kważi sentejn wara li Pierre u nanntu tressqu l-Qorti fuq każ ta’ ħasil ta’ flus.
Esperti fis-suġġett isostnu li l-awtoritajiet kienu fid-dmir li jsegwu l-passi kummerċjali li jagħmlu individwi b’tali rekord jew suspetti ta’ ħasil ta’ flus.
Din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ John A. Zammit, konsulent fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Zammit ilu mill-1992 jaħdem fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus. Okkupa fost l-oħrajn karigi fil-bank Mid-Med u aktar tard fil-bank HSBC, dejjem fil-prevenzjoni ta’ ħasil ta’ flus. Zammit serva wkoll fuq il-kumitat konġunt tal-Malta Bankers’ Association kif ukoll fuq il-kumitat konġunt tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
John A Zammit jgħid li “dan huwa każ serju ħafna li għandu għalxiex jinkwieta lill-poplu kollu. Dan huwa każ ta’ tħassib ukoll għad-dinja tan-negozju għaliex kumpanija b’involviment ta’ nies b’rekord kriminali qed topera f’dan il-qasam. “Turi laxkezza kbira mill-awtoritajiet.”
Zammit huwa tal-fehma li “flus il-poplu spiċċaw fil-bwiet ta’ persuni li diġà ġew mixlija b’reat ta’ ħasil ta’ flus u dan huwa każ serju ħafna.”
Qatt ma ntalbet il-fedina penali
Hemm mistoqsijiet oħra f’dan il-każ fosthom x’sistema uża l-Gvern fil-ħruġ ta’ l-offerti u xi kriterji qed jintużaw biex tintagħzel l-aħjar offerta. Li kieku f’każijiet bħal dawn il-Gvern jitlob għall-fedina penali ta’ l-individwi kollha nvoluti f’kumpanija partikolari, fuq ir-rekords jinqabdu r-reati kollha li persuna setgħet għamlet tul ħajjitha kollha.
Minn naħa l-oħra jekk f’każijiet bħal dawn tkun mitluba biss il-kondotta, din mhux dejjem tirrifletti r-realtà għaliex hemm ċirkustanzi li meta jgħaddi perjodu partikolari, l-akkuża ma tinqabadx fuq ir-rekord.
Għall-mistoqsijiet li għamilna lis-Segretarju Parlamentari Carmelo Mifsud Bonnici, kien konfermat li “ir-regolamenti tad-Dipartiment tal-Kuntatti ma jitolbux li tintalab il-kondotta imma f’dan il-każ biss intalbet il-kondotta ta’ dawk il-ħaddiema li kellhom jagħmlu xogħol ta’ tindif fil-Qrati.”
Mhux fuq il-blacklist
Is-Segretarjat ta’ Carmelo Mifsud Bonnici sostna ma’ din il-gazzetta li “it-Teżor qatt ma kellu l-isem ta’ Special Cleaners fuq il-blacklist.”
B’hekk meta ħarġet l-offerta għat-tindif fil-Qrati qatt ma setgħu jindunaw li l-kumpanija ma kinietx tikkwalifika biex tagħmel dan ix-xogħol. Ħafna jsostnu li wara dan il-każ il-Gvern għandu jirrevedi l-kriterji eżistenti u jkunu emendati b’tali mod li ma jkunx hemm lok fejn isir dan it-tip ta’ taħwid.