26 ta' Novembru 2006
Sant isaħħaħ idejh Nathalie Attard tgħid li mhux hi ‘s-serp’
Kienu tliet laqgħat diffiċli bejn il-mexxejja tal-Partit Laburista li wasslu għall-kompromess bejn Alfred Sant u Michael Falzon fuq il-futur ta’ Nathalie Attard, membru ta’ l-eżekuttiv u assistenta personali ta’ Falzon, li kienet indikata bħala l-persuna li allegatament infurmat lill-Partit Nazzjonalista dwar laqgħa ta’ kuntratturi fil-kwartieri tal-MLP. Jidher li d-Deputat Mexxej Charles Mangion kien kruċjali biex jintlaħaq il-kompromess. Dan wassal biex Nathalie Attard tikteb lill-eżekuttiv tal-Partit u tinforma lill-membri li kienet se tissospendi lilha nnifisha mill-eżekuttiv sa Jannar li ġej.
Dan wassal biex Alfred Sant kiteb lil Stefan Zrinzo Azzopardi, il-President tal-Partit, biex ineħħi d-diskussjoni dwar ’l hekk imsejjaħ ‘serp’ minn fuq l-aġenda tal-laqgħa ta’ l-eżekuttiv li saret nhar il-Ġimgħa.
Wara l-laqgħa tant mistennija ta’ l-eżekuttiv, li iżda kellha attendenza baxxa, ħarget li Nathalie Attard mhux se tattendi aktar l-eżekuttiv, mhux se tikkontesta l-eżekuttiv f’Jannar li ġej meta terġa’ ssir elezzjoni u mhux se jkun possibbli għaliha li tersaq lejn l-uffiċċju elettorali tal-Partit Laburista jew il-kamra ta’ l-aħbarijiet li jinsabu fil-kwartieri fil-Ħamrun.
Iżda frott il-kompromess Attard se titħalla tkompli topera bħala l-assistenta ta’ Michael Falzon, id-Deputat Mexxej ta’ l-affarijiet tal-partit.
Nathalie Attard ma kenitx preżenti waqt il-laqgħa ta’ nhar il-Ġimgħa.
Din l-iżvolta aktarx ħalliet lil Sant f’pożizzjoni iktar b’saħħitha fil-partit.
F’eku ta’ dak li ġara fil-każ ta’ Manwel Cuschieri, fejn hu wkoll issospenda lilu nnifsu, ir-relazzjoni ta’ Nathalie Attard mal-Partit Laburista jista’ jkun li bħal ta’ Cuschieri, tintemm qabel iż-żmien.
Attard kienet ilha indikata bħala ‘is-serp’ minn nies viċin Alfred Sant. Kien il-mexxej Laburista li f’assemblea għad-delegati tat-Tielet Distrett sostna li kellu provi ta’ min kien is-serp u li kien se jressaq il-każ quddiem il-Konferenza Ġenerali.
Il-provi li semma’ Sant allegatament kienu jinkludu telefonati li saru minn fuq mobile.
Is-saga tas-serp wasslet għal tensjoni sħiħa bejn in-nies ta’ Michael Falzon u dawk ta’ Alfred Sant tant li l-atmosfera f’dawn l-aħħar ġranet kienet insapportabbli.
Bosta beżgħu li l-kwistjoni setgħet teskala f’xi konfront dirett.
Ħadd ma kien qed iwaħħal f’Michael Falzon wara l-ħruġ ta’ informazzjoni lil Net TV dwar iż-żjara ta’ kuntratturi fil-kwartieri ta’ l-MLP. Min-naħa l-oħra kien ċar li Falzon ma kienx lest ibaxxi rasu biex jaħraq persuna li kienet tant viċin tiegħu u li kien jemmen li mhix ħatja ta’ l-akkużi li bdew isiru.
Kollox ħa żvolta differenti nhar il-Ħadd li għadda meta f’mossa li ħalliet lis-segwaċi tiegħu b’ħalqhom miftuħ, Sant lagħab karta u ħabbar pubblikament l-awto-sospensjoni ta’ Manuel Cuschieri.
Manuel Cuschieri ssospenda lilu nnifsu wara li tressaq il-qorti mill-Pulizija fuq allegati telefonati anonimi li suppost għamel Cuschieri. Din l-akkuża kienet kunsidrata bħala frame-up mill-ħbieb ta’ Cuschieri għax il-pulizija mexxiet 10 xhur wara l-każ u minkejja li l-persuna li għamlet ir-rapport ma riditx tipproċedi kontra Cuschieri.
L-eks President tal-partit qed jinsisti li mhuwiex responsabbli għal dawn it-telefonati anonimi.
Il-mod kif Alfred Sant kien lest li ‘jaħraq’ b’mod pubbliku lil wieħed mill-iktar persuni leali lejh kien interpretat mis-segwaċi ta’ Falzon bħala pressjoni fuq id-Deputat Mexxej biex jagħmel l-istess ma’ Nathalie Attard.
Intant f’ittra li bagħtet lil din il-gazzetta, Nathalie Attard qed tiċħad li hi s-serp li tant qanqal inkwiet fil-partit. “Dwar l-allegazzjoni li saret li allegatament stajt ċempilt lil Net TV u tlabthom biex jiġu jiġbdu xi filmati ta’ persuni li kienu f’laqgħa li kienet għaddejja nhar is-7 ta’ Novembru 2006 fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, hija assolutament infondata.”
Hija akkużat lill-gazzetta li tifforma parti minn kampanja malinna, intenzjonata li tagħmel ħsara lilha b’mod personali, kif ukoll lill-Partit Laburista. Kompliet li hi dejjem ħadmet għall-ideali u t-twemmin tal-Partit.
Nathalie kompliet : “Infakkar biss li din mhix l-ewwel darba li ġejt persegwitata mill-gazzetti ostili għall-Partit Laburista minħabba fit-twemmin politku tiegħi, li għalih saħansitra spiċċajt kelli nitlaq mix-xogħol tiegħi ta’ ġurnalista mal-PBS.”
U mingħajr ma ssemmih b’ismu, Nathalie tgħid li din “il-kampanja” kontriha hija intenzjonata biex tagħmel ħsara lil Michael Falzon.
“Hu ċar ukoll li din il-kampanja hi intenzjonata sabiex filwaqt li ssir ħsara lili b’mod personali u lill-Partit Laburista, hemm ukoll min għandu interess li jinqeda bija biex issir ħsara lil ħaddiehor fil-Partit Laburista: il-Partit li għal darb’oħra ntenni l-lealtà tiegħi lejh u lejn it-tmexxija kollha tiegħu.”