26 ta' Novembru 2006
L-eks kowċ Edward Aquilina jerġa’ jsostni li l-korruzzjoni teżisti bil-kbir fil-futbol Malti
Novembru 2004. Il-programm ‘Touchline’ fuq TVM. Ma ninsa qatt il-mument meta jien għamilt mistoqsija lil Edward Aquilina li kienet tgħid hekk: Minn 1 sa 10, kemm taħseb li fil-futbol Malti teżisti l-korruzzjoni? Dak inhar niftakar li kien tani ħarsa minn taħt il-għajn u b’ton konvinċenti qalli “7”.
Illum, wara sentejn eżatt, il-bniedem jibqa’ ta’ l-istess fehma. Din id-darba jagħti raġunijiet konkreti li jħalluk mistgħaġeb u jġibuk konxju tibqa’ taħseb waħdek il-mistoqsija ddisprata, “X’immur nagħmel il-grawnd insegwi l-futbol Malti?”
Edward Aquilina impressjonani. Il-mod kif jitkellem u jwassal il-messaġġ tiegħu jagħti indikazzjoni biżżejjed li huwa raġel ta’ l-affari tiegħu, rett u onest li ma tiddejjaq qatt titkellem miegħu. Inħoss li huwa wieħed mill-aktar persuni li kkonvinċini kważi f’kulma ma qalli bil-mod kif irrisponda. F’din l-intervista Edward jitkellem fuq l-affarijiet li sawru l-karriera tiegħu minn meta beda bħala plejer, sal-ġurnata tal-lum li għadu kemm temm il-karriera tiegħu bħala kowċ. Jistaqarr li minkejja li huwa partitarju Slimiż, huma ż-żminijiet ta’ Valletta dawk li ma jinsa qatt. Jitkellem fuq kif il-korruzzjoni verament teżisti fil-futbol Malti, sal-mewt ta’ ħuh Richard; u anke l-bojkott ta’ l-1982, li hu stess isejjaħlu bluha u żball kbir minn naħa tiegħu.
Għal dawn is-sagħtejn komplejt saħħaħt l-impressjoni li kelli fuqu. Poġġejt fuq siġġu quddiemu fl-uffiċċju tiegħu. Il-ħajt kien miksi b’dak kollu li fil-karriera twila tiegħu kellu x’jaqsam miegħu. Probabbli dak kollu li fil-karriera ta’ 45 sena fil-logħba tal-futbol se jibqa’ f’ħajtu sa mewtu. Posters u ritratti ta’ l-isbaħ żminijiet tiegħu. Minn dawk ta’ snin ilu meta kien plejer, għal dawk ta’ meta ddomina l-futbol Malti mat-tim ta’ Valletta, sa dawk l-aktar riċenti, meta reġa’ kellu dominju sħiħ mat-tim ta’ Sliema Wanderers.
Ma jonqos ritratt tat-tim nazzjonali Taljan, rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja li għaddiet, ieħor tat-tim ta’ qalbu Milan u saħansitra poster ta’ Sabrina Ferilli bi ‘Grazie Roma’ fuqu. Kif iżomm mal-Milan u għandu ritratt ta’ din il-bellezza mal-ħajt, bil-flokk ta’ Roma? Fuq hekk l-ewwel ma staqsejtu.
“Ir-raġuni sempliċi hi għax jien inħobb ħafna l-belt ta’ Ruma. Inqisha bħala l-isbaħ belt fid-dinja. Jien sifirt ħafna u post bħal Ruma għadni ma rajtx. Minbarra hekk, fuqu għandi l-firma ta’ Antonello Venditti li f’ħajti nqisu bħala l-aqwa kantant.”
Fuq Ferilli ma qalli xejn. Għalih ir-ritratt tagħha warajh kien qiegħed hemm sempliċiment għax hu jħobb lil Ruma. Din kienet l-unika frażi li fiha ma kkonvinċiniex. Is-sbuħija tal-mara eliminaha għal kollox……
Ma’ Edward tkellimt fuq kollox. Mill-akbar sodisfazzjonijiet li kellu sa l-akbar dilużjonijiet u dispjaċiri, inkluż il-ġrajjiet ta’ niket li laqtuh mal-milja tal-karriera. Bejn mistoqsija u oħra ma naqsux iċ-ċajt u xi botta ta’ bejn il-ħbieb li kemm dam fil-futbol Malti, bejnu u bejn il-ġurnalisti kienu affarijiet normali ta’ kuljum. Anke jekk illum il-ġurnata huwa bniedem irtirat mill-logħba tal-futbol, baqa’ l-istess bniedem, bl-istess karattru ferrieħi li miegħu tieħu pjaċir titkellem fuq kollox. Tista’ ma taqbilx miegħu fuq elf ħaġa, imma s-sempliċità tiegħu, ma tippermettilekx twaqqfu. Tħallih jgħid dak li jħoss, imbgħad minnufih jew tagħmel mistoqsija oħra, jew inkella tkompli tespandi fuq is-suġġett. Ħafna jqisuh bħala bniedem kwiet iż-żejjed.
“Edward Aquilina għal ħafna nies huwa bniedem ta’ ftit kliem u riservat ħafna. Inħobb il-kumpanija tiegħi nnifsi u filgħaxijiet ma nħobbx noħroġ fit-tard. Id-dar inħobbha wisq. Kelli ħajja faċli. Konna erba’ aħwa u ma kien jonqosna xejn. Jien kont iffissat fuq il-futbol u ta’ 16-il sena kont diġà plejer ta’ Sliema Wanderers.”
Edward twieled fit-2 ta’ Settembru 1945. Iddebutta bħala plejer ma’ Sliema Wanderers fis-6 ta’ Jannar 1962 fi draw ta’ 3-3 kontra Hibernians. Lagħab għal staġun fl-Istati Uniti u wara sena, reġa’ lura Malta fejn għal tliet snin libes il-flokk ta’ l-istess Hibernians.
Bħala kowċ il-karriera kienet aktar intensiva. Iddebutta fl-1979 fuq il-bankina ta’ Sliema Wanderers fil-partita kontra St. George’s. Għamel erba’ snin ma’ Valletta.
Edward ikkonferma li l-karriera tiegħu ta’ kowċ intemmet darba għal dejjem hekk kif iddeċieda li jieqaf minn kowċ ta’ Sliema Wanderers.
B’idu marbutin, b’ton irqiq u b’nofs dispjaċir jistqarr, “Is-suċċessi ma naqsu qatt. Bejn plejer u kowċ irbaħt mal-45 unur. Tragward importanti ħafna. Imma issa daqshekk. L-aħjar għażla għalija hi li nieqaf. Irbaħt kulmà xtaqt fil-karriera. Kelli opportunità oħra biex immur ma’ Luxol hekk kif saru jafu li spiċċajt minn ma’ Sliema Wanderers.”
Ħasadni u bqajt inħares ċass lejh. Dehrlu li ma kkonvinċiniex u minnufih joħroġ file mill-kexxun. Talabni nagħtih titwila. Kienet ittra mingħand Luxol FC fejn fiha qrajt l-offerta li saritlu. Allura kif m’aċċettahx?
“Daqshekk biżżejjed…anzi naħseb li żżejjed. Jien kont diġà miftiehem ma’ Robert Arrigo li jiġri x’jiġri, dan kellu jkun l-aħħar staġun għalija. Imma għal ġid ta’ kulħadd, spiċcajt ftit aktar kmieni miż-żmien previst. Ħafna jgħiduli li kien imissni waqaft wara r-rebħ tat-tielet kampjonat ma’ Sliema. Jien ma ngħidx hekk. Onestament kont inħoss li r-raba’ kampjonat stajna verament irbaħnieh ukoll. Sibna ħafna ntoppi u kulħadd dar kontrina. Imma xorta ngħid li l-unur stajna ġibnieh.” Allura x’ġara, il-għala ma wasalx dan ir-raba’ kampjonat wara xulxin?.
“Il-fattur ewlieni kien Daniel Bogdanovic. Kien l-arma prinċipali tagħna u meta hu kien jilgħab tajjeb, it-tim kien jirbaħ. Meta tilef il-konċentrazzjoni, bdejna nfallu l-punti u llum ngħid li tlifna l-kampjonat għax Bogdanovic ma baqax konsistenti sa l-aħħar.” Staqsejtu jekk verament kienx jemmen li bl-iskwadra li kellu fil-bidu ta’ l-istaġun setax xi darba jasal biex jirbaħ il-kampjonat.
“Assolutament le. Fil-bidu ta’ l-istaġun, Robert Arrigo kien wegħidni li ġejjin plejers bħal Andrew Cohen, Etienne Barbara, Dyson Falzon u Daniel Nwoke. Ma ġie l-ebda wieħed minnhom u bqajna kif konna, bid-differenza li s-saħħa naqset ħafna meta mqabbla mas-snin ta’ qabel. Jien iddeċidejt nibqa’ kowċ ta’ Sliema bil-kundizzjoni li dawn il-plejers jiffirmaw magħna.”
Deher dispjaċut. Donnu ma setax jifhem kif dak li kien imwiegħed ma wasal qatt. Ir-raġuni prinċipali li ġiet f’moħħi ma kien ħadd ħlief Robert Arrigo. Allura wara dan kollu, bejn it-tnejn x’relazzjoni għad baqa’?
“Ir-relazzjoni baqgħet kif kienet. Sa ftit ġranet ilu morna nieklu flimkien. Għadna ħbieb kbar.”
U l-għażla ta’ Ray Farrugia xi tgħidli fuqha?
“Jien naħseb li l-fatt li ż-‘Żażu School’ hija ta’ Sliema W kienet waħda mill-kundizzjonijiet li f’każ li jitbattal il-post ta’ kowċ tat-tim tal-kbar, ikun hu li jieħu l-inkarigu tat-tim. U fil-fatt hekk ġara.”
Ma’ Edward bħala kowċ ta’ Sliema kien hemm ukoll Hugh Caruana. Din il-koppja għadhom f’kuntatt?
“Jien u Hugh l-istess età u kbirna flimkien. Hugh huwa bniedem ta’ integrità u lealtà kbira. Jien kont nieħu d-deċiżjonijiet u lilu dejjem sibtu warajja kemm fit-tajjeb u wkoll fil-ħażin. Meta kont wasalt biex nispiċċa kont avżajtu u kont naf li jekk nispiċċa jien, se jieqaf miegħi. Ippruvajt nikkonviċih biex jibqa’ fit-tim xorta imma hu kien determinat li la nispiċċa jien, jispiċċa miegħi. Ma stajt nagħmel xejn aktar.”
Indawwar rasi lejn il-lemin, u nara ritratti ta’ Valletta. U titwila lejn in-naħa opposta turini ritratti ta’ Sliema Wanderers.
“Ma nistax ma nistqarrx li jien Slimiż. Lil Valletta ma ninsihom qatt għax magħhom qattajt l-isbaħ żminijiet ta’ ħajti. Imma jien trabbejt tas-Sliema u jekk issaqsini min hu t-tim ta’ qalbi ngħidlek Sliema Wanderers.”
Kont ili nisma’ snin sħaħ li Edward kellu grazzja partikolari ma’ żewġ plejers ta’ Birkirkara. Minn dejjem xtaq ikun il-kowċ ta’ Michael Galea u Matthew Calascione. Il-fatt li baqa’ ma rnexxilu qatt hija waħda mid-delużjonijiet tal-karriera tiegħu.
“Żewġ plejers li dejjem ridthom miegħi minn meta kont ma’ Valletta. Għandhom integrità u lealtà kbira u jien naħseb li dawn huma żewġ elementi importanti li għandhom ikollhom plejers tal-futbol. Konna tkellimna u laqqajthom mal-president Robert Arrigo però fl-aħħarnett xorta kienu ddeċidew jibqgħu ma’ Birkirkara għax kellhom rispett kbir mingħand Victor Zammit u ma riedu jonqsuh b’xejn. Nammirahom għax huma x-xempju ta’ plejers eżemplari. Jiddispjaċini li qatt ma kienu miegħi.”
Ħaġa li Edward sal-lum għadu ma jisatx jifhem hu l-fatt kif fis-sena 1975/76 kien rebaħ kull unur possibbli bħala plejer, imma mhux dak tal-Plejer tas-Sena. “Huwa bla dubju l-ikbar dispjaċir ta’ ħajti. Irbaħt kull unur possibbli, saħansitra anke l-aqwa plejer staġjonali tal-gazzetti lokali. Imma kont ġejt sospiż mill-MFA fuq ħmerija u allura ma kontx inkluż fil-lista tagħhom. Kienet l-uniku ħaġa li fallietli fil-karriera ta’ plejer.”
Bqajt ma nsejt qatt intervista partikolari li jien għamilt lil Edward daqs sentejn ilu fil-programm Touchline fuq TVM. Dak inhar, waħda mill-mistoqsijiet tiegħi kienet kemm minn 1 sa 10 jaħseb li fil-futbol Malti teżisti l-korruzzjoni. Baqa’ jiftakar tant li qalli mill-ewwel li kien qalli 7 minn 10. Għamilt il-kuraġġ biex insaqsih fuq dan is-suġġett daqshekk delikat.
“Kemm ili fil-futbol qatt ma ġejt avviċinat biex inbiegħ xi partita jew nagħmel xi pjaċiri lil ħaddieħor. Dan irrid nagħmlu ċar. Imma bħala kowċ, jien kont dejjem viċin ħafna tal-plejers tiegħi u kull meta ġew avviċinati għal xi logħba partikolari, kienu jgħiduli b’kollox. Qabel il-logħba mhux l-ewwel darba li ġew fuqi jgħiduli li ċemplulhom timijiet oħra biex jixtruhom. Dan kollu jwassalni ngħid hekk għax ma naħsibx li dawn il-manuvri kienu jsiru fuq il-plejers tagħna biss. Allura nerġa’ nikkonferma li l-korruzzjoni fil-futbol Malti teżisti bil-kbir”.
Kulħadd jaf li Edward tilef lil ħuh Richard ftit tax-xhur ilu. It-tnejn kienu furketta u sikkina u wieħed ma kienx joqgħod mingħajr l-ieħor. B’għajnejh nofshom imbexxqin u jleqqu aktar minn normal, kellu l-kuraġġ ikellimni fuqu wkoll, anke jekk il-vojt tiegħu għadu jħossu sal-lum.
“Fattur ukoll importanti li ddeċidejt il-għala għandi nieqaf. Il-vojt li ħalla f’ħajti ħija huwa kbir. Konna ilna 25 sena ngħixu u naħdmu flimkien. Li tidħol filgħodu u tara l-kamra tiegħu vojta tħossha wisq. Miegħu kont niddiskuti kollox. Anke li noħroġ mill-mina ta’ l-istadium qabel xi partita u nħares faċċata fejn kien ikun u ma narahx, kiefra wisq. Ħaġa li ssewwidli qalbi. Ma nista’ ninsih qatt l-aktar meta erba’ xhur qabel ma miet mort miegħu vaganza Taormina.”
Waqafna għal mument. Kont kważi infxilt meta rajtu jagħlaq għajnejh u bħal donnu jimmaġinah quddiemu. Insomma, il-ħajja trid tkompli…
U llum mingħajr futbol Edward qiegħed isib il-mogħdija tiegħu fiċ-ċinema, il-mixi u l-futbol internazzjonali.
“Il- Milan huwa t-tim ta’ qalbi u nibqa’ nitpaxxa bil-memorji kbar li għandi ta’ Gianni Rivera. Hu sentejn ikbar minni u bla dubju l-aqwa plejer bin-numru 10 li qatt kellhom it-Taljani u wieħed mill-aqwa li qatt eżistew. Iltqajt miegħu Milan u għamilna ħabta nikkorrispondu. Huwa l-idolu tiegħi.”
Fil-pront nerġa’ nidħollu f’nofs diskursata u nsaqsih li kieku l-kundanna kienet f’idejh, lil min irebbaħ il-Ballun tad-Deheb ta’ din is-sena. “Fabio Cannavaro mingħajr dubju. Kellu tazza tad-dinja impekkabbli u ma żbaljax f’kolp. Kien l-aktar konsistenti matul is-sena. Kieku jiddependi minni biss, lilu nrebbħu.”
Lura fl-1982, Edward jammetti li żbalja fil-konfront tal-ġurnalisti ta’ l-istazzjon tax-xandir. Kien perijodu jaħraq fil-politika Maltija, u fl-ewwel xhur ta’ Gvern Laburista l-klabb ta’ Sliema Wanderers immexxi minn George Bonello Dupuis iddeċieda li ma jkellimx ġurnalisti li jaħdmu ma’ TVM.
“M’hemm l-ebda sigriet. Dak iż-żmien it-tim ta’ Sliema kien kollu ta’ fehma Nazzjonalista. Kienu ġew biex jintervistawna u konna ftehimna biex ma nagħtux intervista lit-televiżjoni ta’ l-istat. Kienet bluha. Dawn l-affarijiet ma jsirux. Niftakar li lil Fr. Hilary kont għidtlu li mhux se nagħtih kumment għax qiegħed nagħmel parti mill-bojkott. Kien lejn Settembru u niftakar li fl-ewwel partita li kien imissna ħadt tagħajira nobis mingħand il-partitarji. Kien żball kbir. Illum qed nikkundanna lili nnifsi.”
Ridt inkun ċert jekk fadalx ċansijiet li lil Edward narawh ma’ tim ieħor.
“Meta trid tarani jew ejja hawn, jew niftiehmu jew niltaqgħu kumbinazzjoni x’imkien ieħor. Bi tracksiute ta’ tim ieħor mhux se tarani aktar żgur. Issa wasal iż-żmien biex nirrealizza li l-priorità ta’ ħajti mhux il-futbol biss. Nista’ nagħmel xogħol siewi f’xi setturi oħra. Nibqa’ ngħin lil ħaddieħor u importanti li nżomm il-lealtà tiegħi ma’ kulħadd. “Xtaqt nirringrazzja lill-plejers kollha li kelli miegħi. Imma l-akbar grazzi tiegħi tmur lill-aħħar żewġ presidenti li kelli, Joe Caruana Curran u Robert Arrigo.”
Inqum minn bil-qiegħda u waqt li nixrob l-espresso li kien għadu kemm offrieli, nagħti l-aħħar ħarsa lejn l-uffiċju kkulurit tiegħu. Kompla jsegwi b’interess fejn kienu qed imorru għajnejja. Imbagħad ħadna b’idejn xulxin u sellimtlu ta’ l-aħħar.
Qabel ma bdejt kont ippreparat li kif inlesti minn ma’ Edward immur id-dar. Hekk kif spiċċajt, dawwart il-ħsieb. Mort sparat l-uffiċju u bdejt naħdem fuq din l-intervista.