26 ta' Novembru 2006 - Intervista
50 sena f’xandir u volontarjat
Julia Farrugia tintervista lil Dun Victor Grech
Huwa s-saċerdot li kiser rekord fil-pajjiż hekk kif is-sena d-dieħla jagħlaq 50 sena bħala xandar bi programm regolari fuq ir-radju. Imma huwa wkoll il-bniedem li ma ddejjaq qatt joħroġ għonqu kontra l-kurrent, inkluż dwar suġġetti li lura fis-snin kienu meqjusa tabù, fosthom id-droga.
Ngħiduha kif inhi. Ftit huma dawk in-nies li b’mod konsistenti u bla biża’ jitkellmu bla tlaqliq kulmeta togħkorhom għajnejhom dwar xi affarijiet jintnu fil-pajjiż. Dun Victor Grech ilu għal nofs seklu jiżra’ l-valuri ta’ l-imħabba magħġuna fil-prattika bil-volontarjat fis-soċjetà Maltija.
Tegħlibni l-kurżità biex nara x’inhuma l-aktar affarijiet li jweġġgħuh f’Malta bħalissa. “Il-korruzzjoni hija waħda mill-aktar tliet affarijiet li jnikktuni, ” jgħidli Dun Victor. Korruzzjoni. Kelma tqila u li bħala ġurnalista nistqarr li hija waħda mill-aktar kelmiet li nistmerr fil-miklem politiku.
Ikompli l-qassis: “Fil-pajjiż dieħel ħafna l-ingann, il-qerq, il-korruzzjoni. Hija ħaġa li tweġġagħni ħafna.Hawn korruzzjoni fuq diversi livelli tas-soċjetà Maltija. Ma tkunx taf eżatt fejn int meta jkun hawn il-korruzzjoni fil-pajjiż.”
“B’mod ġenerali dieħla l-korruzzjoni fil-pajjiż. Meta tiġi biex tidentifika l-persuni jew l-istituzzjonijiet mhux dejjem faċli tipprova din l-informazzjoni. F’Malta hawn omertà kbira, nuqqas ta’ trasparenza u ħabi. Hawn ħafna nies li jibżgħu li għax ipattuhielhom ma jitkellmux u ma jikxfux korruzzjoni li tkun għaddejja.”
Jelabora u jgħid li “hemm il-korruzzjoni b’ingann li tista’ ssir fuq livell ta’ negozji, familji u anke fuq livell politiku.” Dwar korruzzjoni fil-politika jgħidli li “ma jfissirx li m’hawnx korruzzjoni politika imma diffiċli tippruvaha.”
Hemm punt ieħor li jweġġgħu: “Il-vjolenza qed terfa rasha. Mhix biss il-vjolenza fiżika imma kultant il-vjolenza permezz tal-media stess, vjolenza sesswali u vjolenza politika.” Nitolbu jagħtini eżempji. Din ta’ l-aħħar tinteressani ħafna għaliex bħala ġurnalista aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed ninnota dik li xi minn daqqiet tidher bħala ġungla. Taqbida kontinwa fil-kamp politiku fejn l-attakk ma jsirx fuq is-suġġett imma fuq l-individwu. Dun Victor ikun ċar: “Il-vjolenza politika: character assassination. Ma nittollerawx biżżejjed l-opinjoni ta’ xulxin. Hemm il-libertà ta’ l-espressjoni imma trid tirrispetta l-verità, il-verità oġġettiva. Trid tħares lejn ir-realà minn angolu realistiku għaliex il-verità malajr tittappan.”
Dun Victor Grech trabba f’Bormla tat-Tletinijiet, f’Bormla ta’ qabel il-gwerra fejn in-nies kienu jinħassu familja waħda. Jistqarr il-qassis: “Fejn il-karattru Bormliż huwa karattru ferrieħi, estrovert u anke ġeneruż. Kelli tfulija sabiħa ħafna, ferrieħa u sempliċi fl-istess ħin. Għext f’ambjent ta’ familja magħquda fejn kien hemm ħafna mħabba, attenzjoni u rispett. Konna nifirħu bix-xejn fi tfulitna. Ma kellniex pretenzjonijiet żejda u bħalna kienu t-tfal li kienu joqogħdu fl-istess triq tagħna.”
Forsi huwa frott ta’ din it-trobbija li jikklassifika bħala serja ħafna “il-problema ta’ familji li qed jitkissru u din se jkollha konsegwenzi kbar ħafna fuq is-soċjetà kollha Maltija.”
Wieħed mill-fatturi li qarreb lil dan is-saċerdot mal-poplu Malti kien il-mod tant viċin li ħadem man-nies. Għaraf juża l-għodda moderna. Kien fl-1957, sena wara li qaddes għall-ewwel darba, li ngħata programm fuq ir-Rediffusion. “Rekord, għax ili għaddej bil-programmi kważi 50 sena.Bdejna nindunaw li ż-żgħażagħ ma kenux qed jiġu għall-eżerċizzji. Bdejt nagħti taħdidiet liż-żgħażagħ kullimkien. Bdejt nagħmel l-eżerċizzji tar-Randan mhux fil-Knejjes imma barra, fil-Palace, f’Raħal Ġdid, f’Tas- Sliema u f’postijiet oħra. Meta bdejt nagħmilhom fit-teatri barra u kien ikolli mat-3,000 persuna preżenti. Ma tistax timmaġina l-kwantità kbira ta’ żgħażagħ li kien ikun hemm. Din kienet ħaġa mhux tas-soltu.”
Imma x’inhi ċ-ċavetta ta’ dan is-suċċess? “Hija l-approach, il-mod kif tersaq qrib in-nies. Trid turihom li tħobbhom u turihom li tixtiqilhom il-ġid. Trid titkellem fuq affarijiet li jkunu qed jgħaddu minnhom u jgħixu huma stess. Kellimhom direttament. Din l-esperjenza tahieli r-radju. L-esperjenza tawhieli n-nies stess. Kelli jdejja fuq il-polz. Kont naf eżatt x’inhu għaddej fil-pajjiż. Il-lingwa li kont nuża jien kienet il-lingwa li tinftiehem aktar għan-nies.”
Il-ħajja hija bħal katina u kien f’dan il-punt li fl-1977 l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca għażlu bħala Direttur tal-Caritas Malta u bħala delegat tiegħu għas-servizzi soċjali u ta’ karità fid-Djoċesi ta’ Malta.
“Ħassejt il-ħtieġa li nibda dan ix-xogħol bi grupp ta’ voluntiera. Niftakar kont għamilt appell fir-Randan ta’ dik is-sena li jekk hemm xi żgħażagħ li jridu jagħmlu xi xogħol ta’ voluntiera soċjali jikkuntattjawni. Kienu kellmuni lura mijiet ta’ żgħażagħ u għażilt 20 minnhom . Dawn kienu l-ewwel pilastri tal-volontarjat soċjali fil-Caritas Malta. Dawn in-nies ħarriġthom, il-grupp beda jikber, in-numru tela’ għal 100, saru 120 u bdejt indaħħal in-nies bil-mod il-mod biex inrawwimhom spiritwalment u soċjalment. Ġibt anke nies minn barra biex jgħinuni fit-taħriġ ta’ dawn iż-żgħażagħ. Għad għandi xi wħud minn dawn il-voluntiera li għadhom miegħi sa llum.”
Dun Victor jispjega li f’dak iż-żmien ipprova jressaq lil dawn iż-żgħażagħ lejn ir-realtà u l-ħtiġijiet moħbija fil-pajjiż. “Indunajt li kien hawn ħafna rqajja’ ta’ faqar mhux biss materjali imma wkoll faqar psikoloġiku. Ridt li liż-żgħażagħ indaħħalhom fid-djar tan-nies, imissu b’idejhom x’jiġifieri tgħix u tħossok imwarrab, li tgħix f’sitwazzjonijiet li d-dinjità ta’ bniedem ma tkunx rispettata biżżejjed.
Illum il-Caritas kibret ferm. Hemm mat-300 voluntier fi ħdanha. “Jien nemmen ħafna fil-volontarjat għaliex huwa tweġiba ħielsa u impenjattiva għall-ħtigijiet soċjali ta’ persuni li jħossuhom fit-trufijiet tas-soċjetà. Naħseb dak li jista’ jagħmel il-voluntier mhux neċessarjament jista’ jagħmlu l-professjonist. Imma nemmen li dawn it-tnejn iridu jitgħallmu jaħdmu id f’id u jikkordinaw ix-xogħol tagħhom.”
Hija din l-istorja ta’ suċċess li kienet parti mid-duwa għall-problema kbira tad-droga. Ikompli l-qassis: “Intbaħt kmieni ħafna bil-problema tad-droga li għandna fil-pajjiż. Din il-ħaġa ndunajt biha mill-ewwel malli lħaqt Direttur tal-Caritas. Ħassejt il-ħtieġa li nagħmlu xi ħaġa konkreta fl-1984. Dort diversi pajjiżi bħall-Irlanda, l-Istati Uniti, l-Ingilterra, l-Italja u l-Ġermanja u wasalt għall-konklużjoni li l-mudell Irlandiż u dak Taljan kienu l-aħjar għalina. Ħadt xi ideat imma jien ħriġt b’mudell kompletament tagħna, il-mudell Malti.”
Illum, 22 sena wara, il-Caritas toffri s-servizzi tagħha f’ħames ċentri lill-persuni bil-problema tad-droga fosthom il-Community Outreach li huwa l-ewwel fażi tal-programm u San Blas li tinkludi tliet fażijiet li fihom persuni bi problema ta’ droga jgħixu hemm sakemm ifiequ mill-problema. Id-droga qed tkompli tinfirex fil-pajjiz.
L-istatistika turi li l-persentaġġi qed jiżdiedu sena wara l-oħra.
Fl-2003 kien hemm 491 persuna, fl-2004 kien hemm 519 -il persuna oħra, is-sena li għaddiet kien hemm 556 klijent filwaqt li din is-sena diġà kien hemm żieda ta’ sebgħa fil-mija fuq is-sena li għaddiet. Sakemm qed issir din l-intervista, din is-sena digà kien hemm 600 ruħ li kienu qed jieħdu l-kura għad-droga mingħand il-Caritas u din il-figura mistennija tkompli titla’.
“Bħalissa San Blas jinsab mimli kollu bi 38 resident. Ilu ħafna ma nkunu b’ammont daqshekk kbir. Minbarra dan, ta’ kull sena qed naraw medja ta’ 1,300 persuna għal servizzi individwali ta’ counselling fuq problemi differenti fosthom l-użura, problemi ta’ alkoħol, problemi li jiltaqgħu magħhom separati u romol kif ukoll gruppi li jgħinu għal min ibati minn epilessija, HIV u Aids kif ukoll programmi għall-anzjani.”
Il-Caritas kienet pijuniera fil-qasam tal-volontarjat għaliex ħafna mis-servizzi ħolqithom hi f’Malta. Mal-milja taż-żmien inħolqu programmi oħra simili. Insaqsieh: hija impressjoni jew xi ħaġa minnha li dawn il-programmi kważi kważi huma f’kompetizzjoni diretta ma’ xulxin u mhux dejjem jiġbdu ħabel wieħed? Dun Victor iwieġeb bla tlaqliq: “Hemm bżonn aktar ko-ordinament biex ir-riżorsi ma jintilfux fix-xejn. Hemm ċerti programmi li wasal iż-żmien li nikkunsidrawx jekk illum il-ġurnata nibqgħux nagħtuhom għax qed jagħtihom il-Gvern.”
Dun Victor Grech iħossu komdu jiżvela li “bħalissa l-Knisja qed tiddiskuti tliet proġetti f’oqsma ġodda li se nagħmluhom mal-Gvern. Dawn huma proġetti li mhux se jdumu biex jidħlu fis-seħħ fosthom għal tfal b’imġiba diffiċli.
Se jkun hemm fondazzjoni li tieħu ħsieb it-tmexxija ta’ dan il-kunċett ġdid.”
Il-proġetti waslu fi stadju finali imma nintrabat miegħu li għalissa ma niktibx iktar dettalji.
Imma b’67 ħaddiem full time fil-Caritas l-ispejjeż huma kbar, jammontaw għal medja ta’ Lm400,000 fis-sena. “Hija l-akbar uġigħ ta’ ras, onestament. Irrid nara minfejn jidħlu dawn il-flus kollha, ” jistqarr Dun Victor. L-uniku flus li jagħti l-Istat huwa parti mill-ispiża tal-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga imma din il-figura ilha dejjem l-istess għal dawn l-aħħar tmien snin u qatt ma żdiedet.
Inħoss li l-qassis qed inikktu ħsieb ieħor. Minn Jannar li ġej il-gvern se jbiddel is-sistema ta’ kif jagħti din id-donazzjoni u din is-somma mhux se tibqa’ fissa u b’hekk kif qed jissuġġerixxi l-Gvern hemm ċans li dan jibda jagħti somma għal kull persuna li tattendi għall-programm. “Ma nafux kif se tolqotna għax l-affarijiet għadhom mhux konfermati minn naħa tal-Gvern u għalina diffiċli ħafna nagħmlu projections ta’ kif ser nibqgħu noffru s-servizzi tagħna.”
Nistaqsieh dwar x’inhuma l-kwalitajiet li jrid ikollu l-Arċisqof ġdid ta’ Malta. “Irid ikun bniedem b’sens tal-Knisja. Imma jrid ikun ukoll bniedem b’saqajh fl-art li jkun viċin il-poplu u jħoss il-ħtiġijiet tal-poplu. Jien nemmen li kull bniedem li għandu leadership role irid ikollu viżjoni ċara. Ikollok biss din il-viżjoni ċara jekk tkun bniedem uman ħafna, ta’ qalb kbira u jħoss il-polz tal-poplu jiġifieri jagħraf it-tbatija tan-nies u li din it-tbatija jħossha ġo fih. Jekk ikun hekk ikun a good pastor.”
B’persunaġġ bħal dan biswitek trid u ma tridx tegħlbek il-kurżità dwar il-ħajja personali tiegħu. Huwa l-ikbar fost tlett aħwa, żewġ subien u tifla u huwa ziju ta’ tliet neputijiet u għandu wkoll sitt pro-neputijiet. Imma forsi ftit huma dawk li jafu li Dun Victor huwa ħu l-kantant Malti Joe Grech, l-ewwel persuna li dak iż-żmien fl-1971 irrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest.
“Marija l-Maltija, ” jiftakar Dun Grech. “Trid tara kemm kien ikollna banda d-dar. X’kien iġib id-dar għandek tgħid! Kien ikollna kunċerti sħaħ id-dar aħna. Niftakarni fi tfuliti dejjem bin-nies id-dar, bid-daqq, nisimgħu l-kanzunetti. Tlajt ma’ ħija l-Irlanda meta mar għall-Eurovision. Kien hemm atmosfera sabiħa u xi ħaġa ġdida għal Malta. Għadni sa llum insegwi l-Eurovision. Il-mużika nħobbha ħafna, qiegħda ġo fijja. Ma ngħaddix mingħajrha. Kuljum nisma’ biċċa mużika. Biex nikkonċentra rrid il-mużika klassika. Tispirani l-mużika. Mozart il-favorit, niġġennen warajh. Imma nħobb ukoll il-mużika moderna u Taljana wkoll. Għandi d-diski kollha ta’ Andrea Bocelli. Pavarotti tajjeb ukoll.”
U jekk fis-soċjetà Maltija l-isem Dun Victor jibqa’ jissemma għall-ġid kbir li wettaq, żgur li għall-familja Grech iċ-ċajta ta’ bejniethom hija l-akbar bawxata li għamel Victor meta kien għadu żgħir. Ninnota li għandu ħabta kif jirrakkonta u kif storja jagħtiha aktar kulur. Hu u jirrakkuntali tant nidħku li ninduna li għajnejh qed ileqqu bid-dmugħ. Ħin minnhom nagħmillu sinjal b’idi biex jagħtini ċans għax bid-daqquqa li qabditni ma komplejtx nikteb.
Jgħidli: “Darba qabbadt id-dar. Kellna turretta fid-dar. Fiha kellna kaxxa kbira tal-merkanzija mimlija ħwejjeġ li ma konniex nużaw kontinwament. Jien kont taparsi qed inqaddes fuqha ta’ tifel ta’ seba’ snin. Kont ma’ ħija. Kellu xi erba’ snin. F’ħin minnhom ftaħna din l-imbierka kaxxa biex nixegħlu xemgħa u t-tarf ta’ sulfarina mar ġol-kaxxa. Għalaqniha u nżilt isfel nagħmel il-homework u qed nara mal-ħajt fjammi telgħin. Mort inħares u nara kullimkien duħħan, bil-bieb tal-bejt maħruq, bit-turretta b’kollox. Mela qlajt ċinku wara din! “X’jidhirlek? ” jgħidli Dun Victor waqt li jkompli jidħak. “Daqshekk tlajna hemm fuq wara dik il-bawxata!”
Saċerdot mimli kariżma. Leħnu biss jikkalmak. Idaħħal fik ċerta paċi li ftit nies iħallu fija dan l-impatt. Ftit aktar minn siegħa biswitu hija terapija tajba. Jien u ħierġa mill-Kurja nimmaġinah fuq magħqad id-dar…fl-isfond mużika klassika ta’ Mozart li tant hija għal qalbu. Forsi ‘Eine kleine Nachtmusik’? Għaliex Dun Victor huwa l-bniedem li jdum imqajjem filgħaxija u jippreferi jtella’ x-xogħol fis-satra tal-lejl.
Nistħajlu jħarbex xi noti għall-pjani ġodda li għandu għall-futur u min jaf, forsi xi ċikkulata maġenbu. “Iċ-ċikkulata ma tgħoddx għalija. Imma mingħajr ħelu ma noqgħodx meta nkun rilassat,” qalli fl-aħħar battuta qabel ħriġt.
“Jekk ikun hemm xi film jew programm interessanti rrid iċ-ċikkulata ħdejja nkella ma nħossnix komdu.” Inħoss li għandi nikteb dwar l-età ta’ Dun Victor. Normalment tkun waħda mill-ewwel mistoqsijiet li npoġġi u li s-saċerdot, bit-tama li naħarbuha, b’mod nebbiexi talabni nerġa’ nsaqsihielu għall-aħħar. “Għandi 77 sena. Imma mhux aħjar jagħmlu ftit kalkoli n-nies? Forsi jaħsbuni ftit iżgħar, jaħasra.” It-tbissima, frott it-tjubija tiegħu, hija don mill-isbaħ li fiha sens ta’ qdusija.