26 ta' Novembru 2006 • Nr 4





 

 

 

 

26 ta' Novembru 2006 - Il-Punt - Adrian Camenzuli
Il-wegħda tal-kaċċa fir-rebbiegħa

Iktar ma’ jgħaddi ż-żmien l-Għaqda tas-Senter u l-Gabjun iktar qed tħoss li l-kaċċa u l-insib f’dan il-pajjiż qed ikunu imminati. Donnu li hemm mannara mdendla fuq għonqna lesta biex taqa’.
U din il-mannara, sfortunatament, qed jidher ċar li m’għadhiex biss f’idejn il-Gvern Malti iżda hija wkoll f’idejn l-Unjoni Ewropea.
Teżisti ħafna pressjoni mill-UE fuq il-Gvern Malti biex jissikka iktar fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Issa kulħadd jaf li l-kaċċatur Malti l-uniku żmien li jista’ jgawdi sew in-namra tiegħu hija fir-rebbiegħa. Illum il-kaċċatur Malti jista’ jispara biss fuq
is-summien u l-gamiem fir-rebbiegħa u din hi sitwazzjoni loġika għax dan huwa l-uniku żmien fejn il-passa tkun daqsxejn iktar numeruża.
Fl-għaqda tagħna għandna membri li jħallsu l-liċenzja biex jikkaċċjaw biss f’April. Ma jagħmilx sens dak li jingħad minn xi wħud li l-kaċċa fir-rebbiegħa għandha tinqata’ għax lill-kaċċaturi Maltin ma tistax tafdahom jikkaċċjaw biss fuq is-summien u l-gamiem.
Bħal f’kull ħaġa oħra, il-Gvern imissu jżid l-infurzar tal-liġijiet biex jiżgura li l-liġijiet jitħarsu. Iżda mhux ġust li mal-ħażin jeħel it-tajjeb. Din mhix skuża biex tinqata’ l-kaċċa fir-rebbiegħa u jagħmel ħażin il-Gvern li jaddotta din l-istrateġija.
Sfortunatament, kif inhu strutturat il-Kumitat Ornis, dak li llum qed jiddeċiedi l-affarijiet dwar il-kaċċa u l-insib, aħna d-dilettanti qegħdin fi żvantaġġ numeriku. Il-kumitat huwa magħmul b’tali mod li jivvantaġġa lil dawk li huma kontra l-kaċċa u għalhekk l-għaqda tas-Senter u l-Gabjun dejjem opponiet li tieħu sehem f’dan il-kumitat kemm-il darba jibqa’ magħmul kif inhu.
Madankollu nippretendu li l-gvern jinfurmana uffiċċjalment b’dak kollu li jkun qiegħed jiġi deċiż f’dan il-kumitat.
Illum fost il-kaċċaturi teżisti rabja kbira għax iħossuhom ingannati. Kien imwiegħed lilna li minkejja d-dħul ta’ Malta fl-UE, il-kaċċa fir-rebbiegħa kienet se tkompli u din il-wegħda nistennew li l-gvern iżommha.
Jekk il-kaċċa fir-rebbiegħa tispiċċa jkun ifisser it-tmiem tal-kaċċa f’Malta għax fil-ħarifa ma tgħaddix passa numeruża.
Qed isir minn kollox mill-awtoritajiet biex lill-kaċċaturi u lin-nassaba jaqtgħulhom qalbhom. Il-liġijiet qed ikunu interpretati bl-aktar mod burokratiku u f’ċerti sitwazzjonijiet lanqas tista’ tieħu rkabtu ta’ l-affarijiet. Mela, filwaqt li kaċċatur jew nassab ma jistax juża bird caller, dan xorta waħda jinbiegħ mill-ħwienet b’mod legali.
L-istess interpretazzjoni burokratika sseħħ jekk kaċċatur jinqabad fil-pussess ta’ tajra tal-priża li jkun sab mejta. Anki jekk l-intenzjoni tal-kaċċatur tkun li jarmi din it-tajra li ma jkunx qatel hu, il-Pulizija awtomatikament tieħu l-passi kontra dan il-povru.
Iżda jekk xi ġurnalist jinzerta jinqabad b’xi tajra tal-priża mejta fil-pussess tiegħu hemmhekk qisu ma jkun ġara xejn. L-aqwa li jkun jista’ jsir show b’dik it-tajra biex jitpoġġew f’dell ikrah il-kaċċaturi kollha.
L-għaqda tagħna qed tagħmel il-pressjoni kollha neċessarja fuq il-Gvern biex il-kaċċa fir-rebbiegħa tibqa’. Jekk min-naħa l-oħra l-Gvern se jeħel multa mill-UE minħabba s-sitwazzjoni tal-kaċċa f’pajjiżna, jieħu paċenzja u jħallasha jew inkella nkunu kostretti li nirrikorru għall-protesti paċifiċi fit-toroq.
Nistennew li dak li kien imwiegħed lilna jinżamm. Mhux se naċċettaw li nkunu ngannati.
Illum il-kaċċatur jinsab f’sitwazzjoni li jekk jinqaras xorta għad għandu s-saħħa tal-vot li jweġġa’ lil min ikun qarsu.
L-aħħar kelma tiegħi hija lil media, li tipprova tinjora l-fatt li f’Malta hawn għaqdiet oħra li jirrappreżentaw lill-kaċċaturi u lin-nassaba. L-għaqda tagħna għandha ’l fuq minn 5,000 membru u hemm bżonn li l-media u l-awtoritajiet jirrikonoxxu dan.


Adrian Camenzuli huwa assistent segretarju ta’
l-Għaqda tas-Senter ul-Gabjun