26 ta' Novembru 2006 • Nr 4





 

 

 

 

26 ta' Novembru 2006 - Editorjal
Il-kolla qed iddub

L-alternanza tal-poter hija sies importanti ta’ demokrazija b’saħħitha u m’hemmx dubju li fil-pajjiż jinħass il-bżonn ta’ bidla.
Il-Partit Laburista jaf li hemm iktar minn probabbiltà li jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. Wara d-disfatta ta’ l-2003, il-Partit Laburista rebaħ kull appuntament elettorali li kellu. Saħansitra l-aħħar tliet elezzjonijiet lokali taw maġġoranza ta’ iktar minn 52 fil-mija lill-MLP mal-pajjiż kollu.
Iżda jkun żbaljat min jaħseb li r-riżultat fl-elezzjoni li jmiss huwa diġà miktub. Il-Partit Laburista jaf ukoll li r-riżultati elettorali fuq bażi lokali mhux bilfors jirriflettu l-polz tal-poplu f’elezzjoni ġenerali. Qabel l-2003 l-MLP kien rebaħ l-elezzjonijiet lokali iżda meta wasslet l-elezzjoni l-kbira kulħadd jaf x’ġara.
Il-Partit Laburista jrid jikkonvinċi lin-nies li mhux biss hu gvern alternattiv iżda li hu gvern aħjar. Il-loġika tgħidlek li t-triq m’għandhiex tkun diffiċli, speċjalment meta l-partit fil-gvern ilu hemm għal kważi 18-il sena.
Madankollu dak li jidher sempliċi qed jikkomplika ruħu mhux ftit. Il-Partit Laburista għandu ħabta jitfixkel f’saqajh. Kultant itik l-impressjoni li qisu xi San Franġisk iħobb isawwat lilu nnifsu.
L-aħħar traġi-kummiedja fuq ħruġ ta’ informazzjoni mill-partit, sriep u awtosospensjonijiet u konfrontazzjoni bierda bejn fazzjonijiet interni juru li l-kolla li żżomm l-MLP flimkien qed iddub.
Il-Partit Laburista se jsibha aktar diffiċli li jikkonvinċi lin-nies jivvutawlu jekk ma jippreżentax lilu nnifsu bħala partit magħqud. U l-biża’ ta’ ħafna delegati tal-partit hi li kwalunkwè ftehim li jista’ jsir bil-moħbi fil-kwartieri tal-ħġieġ bejn in-nies fit-tmexxija jispiċċa jisfaxxa wara l-elezzjoni bħalma kien ġara wara r-rebħa ta’ l-1996.
L-għaqda trid tirrifletti ruħa mhux biss fl-ideoloġija mħaddna mill-membri tal-partit, li kultant ituk x’tifhem li iktar iħossuhom komdi mal-politka leminija, iżda wkoll fl-istrutturi.
Ħobbu jew obogħdu, Alfred Sant huwa l-mexxej li se jiggwida l-Partit Laburista fl-elezzjoni li jmiss. Inutli se jkunu l-isforzi biex jitwarrab jew jiddgħajjef.
Fil-kuntest politku Malti strateġija li tipprova timmina l-mexxej twassal biss biex tkisser lill-partit. Ma jfissirx li Alfred Sant m’għandux fejn jirranġa, speċjalment fil-mod kultant goff u mgħaġġel kif jieħu d-deċiżjonijiet. Għadu ma tgħallimx li l-qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel. U biex jagħti ċans lid-delegati jesprimu l-fiduċja jew le tagħhom fit-tmexxija tiegħu, fil-konferenza ġenerali li jmiss, Sant imissu jitlob vot sigriet ta’ fiduċja. B’hekk biss jistgħu jinqatgħu darba għal dejjem id-dubji fuq kemm Alfred Sant igawdi fiduċja fost id-delegati u l-membri l-oħra tal-partit.

Ammettu żball
Kemm hu diffiċli fil-politka li partit, gvern jew deputat jammetti li sar żball. Il-kwistjoni kollha dwar il-kuntratti tad-tindif li l-kumpanija tal-qraba ta’ l-Imnieħru ħadet mal-gvern qed tkompli timbarazza lill-PN għas-sempliċi fatt li l-Gvern m’għandu l-ebda strateġija ta’ kif jaffronta sitwazzjoni simili.
Jeħtieġ li l-Ministru Tonio Borg u s-Segretarju Parlamentari Carm Mifsud Bonnici jammettu li l-għoti tal-kuntratt lil Special Cleaners Limited kien żball mingħajr ma joqogħdu jippruvaw jiġgustifikaw dak li seħħ. Iridu wkoll jipproponu kif se jirrimedjaw is-sitwazzjoni biex fil-futur ma jerġax jinqala’ każ simili. Jekk l-istrutturi burokratiċi u l-parametri ta’ l-għażla f’postijiet sensittivi bħall-qorti fallew għax qatt ma ħasbu f’ċirkostanza bħal din, allura jeħtieġ li dawn jinbidlu.
Borg u Mifsud Bonnici żgur li m’għandhomx l-għażla li ma jagħmlu xejn bit-tama li kollox imut fuq ommu.