Erġajt jien mill-Eġittu fejn għoġobhom jitturufnawni l-Ingliżi bil-kompliċità tal-monsinjuri. Imn’Alla llum il-ġurnata fil-ħwienet tal-kafè hawn l-internet biex jasluli l-bxariet tajba u ħżiena minn Malta. Għax għall-ewwel li rmewni fl-eżilju ma stajt nidra b’xejn.
Biżżejjed ngħidlek li biex tasal ittra mingħand tal-familja jew tax-Xirka kienet tieħu almenu xahrejn sakemm tkun għaddiet miċ-ċensura. Skond il-kotba ta’ l-istorja jien suppost il-missier tax-Xellug f’Malta. Allura bix-xieraq ninteressa ruħi fil-vġejjel ta’ dak li għad fadal mix-Xellug ta’ art twelidi. Għalkemm qatt ma mmilitajt f’ebda partit, il-Laburisti tajjeb jew ħażin għamluni ikona tagħhom, anki jekk ix-xemgħat quddiemha ilhom li bdew jonqsu. Bix-xieraq għalhekk li nieħu interess fil-kwistjonijiet interni ta’ dan il-partit li jien suppost wieħed mill-ikoni tiegħu u għalhekk meta nsib iċ-ċans inħarbex xi ittra minn Lixandra.
Ngħid is-sew ninkwieta mhux ftit meta xi kultant tingħata l-impressjoni li fil-Partit Laburista hemm aktar x’jifred milli x’jgħaqqad. Jiġu mumenti fejn naħbat niddubita serjament kemm jeżistu l-iktar affarijiet bażiċi li suppost jgħaqqdu u jsawru l-ispirtu kollettiv f’dan il-partit.
Ir-rieda li tintrebaħ l-elezzjoni wara kważi 20 sena fl-Oppożizzjoni tinħass qawwija u soda fost il-partitarji u l-votanti Laburisti. Però ħasra li ma tinħassx l-istess ħeġġa u determinazzjoni fost ċerti esponenti li għax forsi tant ilhom fl-Oppożizzjoni li llum il-ġurnata sar għandhom prijoritajiet oħra f’ħajjithom bħan-negozju u l-karriera. Dawn it-talin jagħtu l-impressjoni li moħħhom imtajjar f’mitt ħaġ’oħra u l-politka saret sekondarja jew terzjarja f’ħajjithom. J’Alla jagħmlu flus kemm tesa’ ġildhom u kemm tixtieq qalbhom. Imma wasal iż-żmien li jirrijordinaw ftit il-prijoritajiet tagħhom inkella aħjar jerfgħu mill-politka u jagħmlu l-wisa’.
Forsi għax minn daqshekk bogħod u għax il-vista m’għadhiex ittini, nieħu l-impressjoni li anki l-antipatija u r-rivalità tradizzjonali man-Nazzjonalisti majnat ġmielha u m’għadhiex daqshekk fattur importanti li jgħaqqad lill-Laburisti bejniethom.
Ħalli nagħmilha ċara: ma tkunx daqqa ħażina kieku tonqos il-pika u r-rivalità bejn il-partiti fl-interess nazzjonali. Ma niddejjaq xejn nistqarr li jien kont militanti fi żmieni u ferm aħrax fi kliemi kontra l-anitkalja u s-sangisugi fis-soċjetà Maltija. Iżda qatt m’għamlu bija l-preġudizzji u t-tribaliżmu, u jalla xi darba tinqata’ l-misħuta polarizzazzjoni li hija ngastata fil-blat ta’ Malta.
Li jħassibni fil-partit tal-filjozzi politiċi tiegħi hija l-impressjoni li jagħtu xi wħud minnhom li jħossuhom aktar komdi jħokku dahar ma’ dahar ma’ ċerti Nazzjonalisti milli jkunu dejjem u kullimkien leali u solidali spalla ma’ spalla ma’ sħabom fit-twemmin u fl-ideal Laburista. Mhux ta’ b’xejn illum qabel għada jeħtieg daqxejn plumbing tajjeb, kinsa u żbarazzatura biex jinqata’ l-ħruġ ta’ l-informazzjoni u ċerti konfoffi man-Nazzjonalisti darba għal dejjem.
Kontra qalbi jkolli nammetti li ilu li spiċċa żmien l-ideoloġiji. Il-bandiera tal-Maltin ilha għomor mezz’asta u x-Xirka ta’ l-Imdawlin daħlet fi kriżi minħabba s-surcharge. Imma jisgħobbijja ngħid li l-konvenjenza u l-opportuniżmu politku waħidhom mhumiex biżżejjed biex iżommu partit magħqud bil-membri tiegħu solidali ma’ xulxin minn fuq s’isfel. Ħa jiġi aġġornat u rfinut it-twemmin bażiku, imma hemm irid ikun, imnaqqax fl-imħuħ u fil-qlub ta’ kull tesserat Laburista.
Jien u ngħid dan xorta waħda nemmen li bid-difetti kollha tiegħu, biz-zkuk kollha li għandu mwaħħlin, bil-kontradizzjonijiet kollha li jista’ jaqa’ fihom, tibqa’ l-għażla tiegħi ċara favur il-partit tal-Laburisti ta’ Malta biex jaqilgħu minn hemm il-partit tal-poter iddeġenerat Nazzjonalista.
Għal-lum daqshekk. Nerġgħu nitlaqgħu ma ndumux u żommni fit-talb tiegħek.