L-aħħar pompjatura fl-istrateġija tal-PN rajnieha tintnefaħ ftit ftit sa mill-bidu tal-ġimgħa bl-iskop li tixxettel il-perċezzjoni ta’ feel good factor mill-aktar artifiċjali. Anki jekk għas-saħħa ta’ l-argument il-miżuri tal-baġit se jkollhom effett pożittiv fuq l-infieq tal-Maltin, dan mhux se jibda jinħass qabel Jannar li ġej meta dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ. Ikolli nistqarr li sibt pjuttost kurjuż, jekk mhux ukoll divertenti, il-fatt li mill-erba’ negozjanti li kienu intervistati mill-media Nazzjonalista sabiex jikkonfermaw dwar kemm in-negozju suppost qed jibda jirpilja, l-iktar wieħed ottimist u pożittiv fosthom kien negozjant li snin ilu kellu l-ħanut tiegħu kkonfiskat minħabba traffikar ta’ drogi. Jekk ma tridx, dan l-istess negozjant illum il-ġurnata jipproġetta ruħu bħala l-gwardjan tal-valuri tradizzjonali u ossessjonat mhux ftit dwar barranin li għandhom kultura u twemmin reliġjuż differenti minn tagħna. Imbagħad jgħidu li l-konverżjonijiet huma l-prerogattiva ta’ qaddisin kbar bħal San Pawl!
Feel Good
Bħala parti mill-eżerċizzju ta’ pompjatura tal-feel good factor, ma setax jonqos li jintużaw ċifri u statistiċi li jinħargu minn organizzazzjonijiet internazzjonali minn żmien għal żmien. Bħal per eżempju, l-inkreddibbli imma veru Happiness Index ta’ l-Erasmus University, li poġġa lil Malta fl-ewwel post minn 90 pajjiż għal dak li huwa indiċi ta’ sodisfazzjon fil-ħajja. Malta, il-pajjiż ta’ ħafna frustrazzjonijiet u repressjonijiet, li ġejjin miċ-ċokon fid-daqs tal-pajjiż, mill-kobor relattiv fid-daqs tal-popolazzjoni, mill-fatt li aħna maqtugħin mill-kontinent għax imdawrin bil-baħar, imbagħad jiġi xi ċuċ minn Erasmus u jgħid li aħna l-iktar poplu ferħan fid-dinja.
Saħħa
Dan l-aħħar saħansitra il-Ministru Austin Gatt wasal biex fil-Parlament iħarbex daqsxejn ta’ tabella, speċi ta’ scoreboard li turi kif ġiet klassifikata Malta minn diversi organizzazzjonijiet barranin fir-rigward ta’ bosta attivitajiet. Austin Gatt ikkwota mill-Euro Health Consumer Index (EHCI) li jgħid li Malta tiġi fl-ewwel post għal dik li hija sistema tal-kura tas-saħħa l-iktar ġeneruża fl-Unjoni Ewropea u fl-Isvizzera. M’għandux ikun hemm lanqas l-iċken dubju dwar il-ġenerożità tas-sistema tas-saħħa Maltija, l-aktar fejn jidħol infieq u tberbiq fl-Isptar il-ġdid f’Tal Qroqq li tant ilhom ġejjin bih li m’għadux aktar ġdid u li diġà beda jiqdiem avolja jekk Alla jrid u ta’ Skanska miegħu, għad fadal ftit ieħor għall-ftuħ uffiċjali mal-birthday li jmiss ta’ Gonzi. Dan biex wieħed ma jgħidx ukoll li skond l-istess EHCI mhux biss li l-Ministru Gatt ma kienx korrett meta qal li Malta ġiet fl-ewwel post għal dik li hija ‘sistema l-aktar ġeneruża’ imma ġiet fit-13-il post f’dan l-indiċi u fejn bħala kumment ġenerali hemm imniżżla r-rimarka li ma tantx hija kumplimentuża u konvinċenti li ‘teknikament is-sistema tal-kura tas-saħħa Maltija ma taħdimx daqshekk ħażin’. Altru milli għandna biex niftaħru għax ninsabu fl-ewwel post.
Il-Klima
Skond statistika uffiċjali oħra maħruġa iktar kmieni din il-ġimgħa bħala parti mill-Climate Change Performance Index 2007 tal-Climate Action Network-Europe, Malta ġiet fir-raba’ post f’dik li hija ħidma biex ikun miġġieled it-tibdil fil-klima. Emmen jekk trid, Malta ġiet qabel pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Isvizzera, l-Olanda, l-Islanda, Franza u l-Belġju li żgur, u mhux forsi, għandhom kuxjenza ambjentali ferm aktar raffinata u sofistikata minn tagħna. Fantażmagorika u qajla tista’ titwemmen statistika bħal din, l-iktar meta tqis li l-power stations li għandna f’Malta jaħdmu b’teknoloġija skaduta flimkien mal-fatt li l-Protokoll ta’ Kyoto ma kienx jorbotna bħala pajjiż għax s’issa konna għadna meqjusin mal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Imbagħad xi ngħidu għat-tniġġiΩ mit-traffiku li ftit li xejn huwa kkontrollat għajr għas-sistema ta’ l-SMS li tagħti illużjoni li qed issir xi ħaga meta fir-realtà ftit li xejn qed isir kontra s-sidien ta’ dawk il-karozzi li jniġġżu l-arja bl-addoċċ bid-duħħan ta’ l-exhaust. U ewlenin fost dawn ta’ l-aħħar hemm vetturi kummerċjali u l-inġenji tqal ta’ l-industrija tal-kostruzzjoni.
L-abaku ta’ Austin
Skond l-abaku tal-Ministru Gatt l-Air Malta ġiet fl-ewwel post għal dak li huwa rispons li jingħata dwar rapporti tal-konsumatur fuq bagalji mitlufa (skond l-istatistika ta’ l-AEA), fit-tielet post għal dik li hija regolarità tat-tijiriet (skond l-AEA) u għandha tliet stilel għal dik li hija kwalità tas-servizz (Airline Star Ranking). Mill-banda l-oħra l-ajruport ta’ Malta ġie fit-tielet post f’dik li hija kwalità tas-servizz fil-kategorija ta’ ajruporti użati minn inqas minn 5 miljun passiġġier fis-sena (AETRA Passenger Survey). Imma ’l hinn mill-palji u medaljuni li ddandan bihom fuq il-pavru Austin Gatt fil-Parlament, li jħoll u jorbot fl-aħħar tal-ġurnata huwa dak li nsibu fil-ħajja ta’ kuljum u mhux il-klassifiċi u dawn it-tip ta’ scoreboards internazzjonali li temminhom jekk trid u ma temminhomx jekk trid ukoll.
Minħabba l-każ Lockerbie fl-1988 l-ajruport ta’ Malta, li dak iż-żmien kien għadu Ħal Luqa, ħa fama ħażina tista’ tgħid mad-dinja kollha. Kif jgħid il-Malti ‘ħu l-fama u mur orqod’, avolja l-Air Malta dejjem ċaħdet li l-bagalja bil-bomba li splodiet fuq it-titjira Pan Am 103 fuq ir-raħal Skoċċiż ta’ Lockerbie ma kinitx telqet minn Malta fuq titjira ta’ l-Air Malta lejn Frankfurt. M’għandix dubju li minn dak iż-żmien ‘l hawn sar ħafna progress u avvanzajna mhux ftit. Madanakollu s-sigurtà fl-ajruport ta’ Malta u tat-titjiriet tal-linja nazzjonali ta’ l-ajru matul dawn l-aħħar snin bosta drabi kienu fl-aħbarijiet internazzjonali f’ċirkostanzi li jqanqlu tħassib u ħafna domandi.
Fl-awtobiografija tal-President tal-Pakistan, il-Ġeneral Pervez Musharraf, ippubblikata aktar kmieni din is-sena, jingħad li fl-2003 ta’ l-Al Qaeda kienu qed jippjanaw attentat terroristiku bi ħbit fuq l-ajruport ta’ Heathrow permezz ta’ diversi ajruplani dirottati minn terroristi suwiċida li jkunu telqu minn ajruport differenti fl-Ewropa u li għandhom livelli ta’ sigurtà relattivament laxki. Ta’ l-Al Qaeda kienu ppjanaw li jużaw l-ajruporti u l-linji nazzjonali ta’ l-ajru tar-Repubblika Ċeka, tas-Slovakja, tal-Kroazja, tal-Polonja, tar-Rumanija u ta’ Malta għax skond il-Ġeneral Musharraf ‘is-sigurtà f’dawn l-ajruporti u fuq l-ajruplani tagħhom kienet laxka’. Naturalment fit-tabelli ta’ ftaħir u fanfarunati ta’ Gatt ma nsibu l-ebda referenza għal dan kollu.
Fix-xhur li għaddew kien hemm ta’ l-inqas tliet episodji oħra fl-aħbarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet ta’ sigurtà fuq it-titjiriet ta’ l-Air Malta. Każ minnhom kien jinvolvi lil Silvio Zammit, li apparti li hu involut sew fil-Partit Nazzjonalista, jagħmilha wkoll ta’ tour leader ma’ l-aġenzija ta’ l-ivvjaġġar tal-Partit. Mela dan Zammit kien ġej lura Malta mill-Bulgarija fuq titjira ta’ l-Air Malta ma’ wieħed mit-tours li huwa jmexxi. Hu u dieħel mill-ajruport inqabad qed iġorr materjal splussiv fil-bagalja, u skond ma ġie rrappurtat għall-ewwel qal li dik ma kinitx il-bagalja tiegħu imma tal-mara. Bħal dak li qallu l-komunjoni bejn il-miżżewġin ma tinkludix ukoll il-bagalji u ta’ ġo fihom.
Imbagħad Zammit għadda għat-tieni linja ta’ difiża tiegħu u qal li kien qed iġorr dak il-materjal splussiv bil-permess. Apparti li għadni qatt ma smajt bl-ebda linja ta’ l-ajru li tagħti permess lill-passiġġieri jġorru materjal splussiv fil-bagalji tagħhom, ejja għas-saħħa ta’ l-argument ngħidu li kien veru li nħareġ dan il-permess... il-mistoqsija tqum weħidha: fl-aħħar mill-aħħar, inti kif tħossok jekk tkun taf li qed tivvjaġġa fuq l-istess ajruplan ma’ passiġġieri li qed iġorru l-isplussiv fil-bagalja tagħhom?
Każ ieħor inkwetanti, b’kumbinazzjoni relatat ukoll ma’ titjira ta’ l-Air Malta mill-Bulgarija, huwa ta’ dik it-tfajla Bulgara li waqt it-titjira lejn Sofija tant raqdet fil-fond li ma ndunatx li l-ajruplan kien wasal Sofija u ħadd mill-impjegati fuq l-ajruplan ma nduna biha u qajjimha biex tinżel. Din it-tfajla baqgħet rieqda u sadanittant l-ajruplan għabba l-passiġġieri minn Sofja għal Malta, u din it-tfajla ġiet lura Malta bla ħsieb fuq l-istess titjira.
Konferma oħra ta’ dak li qal Musharraf fil-ktieb tiegħu dwar is-sigurtà laxka fuq l-ajruplani ta’ l-Air Malta.
L-aħħar każ li kien jinvolvi l-Air Malta kien dak tat-terrorist Dihren Barot li kien ikkundannat għal 40 sena ħabs fl-Ingilterra wara li ppjana fost affarijiet oħra li jtajjar l-istazzjon tal-ferrovija ta’ King’s Cross ġewwa Londra. F’nofs is-snin 90 Barot kien impjegat għal xi żmien ma’ l- uffiċċju ta’ l-Air Malta fl-ajruport ta’ Londra.
wenzumintoff@yahoo.com