19 ta' Novembru 2006
Biex inkabbru l-ekonomija tagħna
Fi żmien il-baġit kull naħa tispara l-figuri. Aħna tal-GRTU ħriġna studju interessanti dwar l-ekonomija biex nuru t-triq li għandha taqbad Malta jekk irridu nkabbru l-ekonomija u jiżdiedu l-flus fl-idejn.
Iċ-ċifri ekonomiċi juru li l-Prodott Gross Nazzjonali (PGN) jiddependi, u tajjeb li kontinwament nisħqu fuq dan, l-aktar mill-industrija li tesporta l-prodotti tagħha u mis-servizzi li nesportaw, l-aktar mit-turiżmu.
Li mhux ċar miċ-ċifri huwa l-kobor tal-valur miżjud ekonomiku li jibqa’ f’pajjiżna. Dan jiddependi ħafna minn dak li kapaċi nżommu f’Malta bħala parti mid-dħul li jkollhom l-industrija u t-turiżmu. Mhux kollox għandu jitqies bħala qliegħ li baqa’ fil-pajjiż, għax mhux kulma jidħol minn barra jiżdied mal-valur miżjud ekonomiku li fuqu hu mibni l-PGN.
Jekk inħarsu lejn iċ-ċifri li ħadmilna l-Professur ta’ l-Ekonomija Joseph Falzon, insibu, per eżempju, li mill-Lm126 miljun li Malta ddaħħal mit-turisti għal ħlas fuq akkomodazzjoni f’pajjiżna, il-valur miżjud ekonomiku ta’ dan is-settur hu biss 41 fil-mija. Jiġifieri 59 fil-mija ta’ dak li jħallsu t-turisti jerġa’ joħroġ barra mill-pajjiż għax m’għandniex attività ekonomika oħra li żżommu hawn.
Fl-avjazzjoni minn Lm76 miljun inżommu biss 33.6 fil-mija bħala valur miżjud. Mill-infieq tat-turisti fuq l-ikel u x-xorb il-valur miżjud li jibqa’ f’pajjiżna hu ta’ 55.5 fil-mija. Dan il-valur miżjud għoli jirriżulta minħabba l-attività domestika fil-biedja u s-sajd kif ukoll għax bis-saħħa ta’ dan il-qasam ekonomiku hawn ħafna self-employed li jmexxu n-negozju tagħhom u jimpjegaw għadd ta’ ħaddiema fir-ristoranti, bars u ħwienet oħra ta’ l-ikel.
Mill-infieq tat-turisti fil-ħwienet jibqgħalna valur miżjud ta’ 30 fil-mija. Bejn postijiet ta’ divertiment u ħwienet, Malta ddaħħal Lm51 miljun, li iżda ħafna minn dan jerġa’ joħroġ barra l-pajjiż.
Meta tgħodd dawn il-figuri kollha nsibu li mit-turiżmu, skond l-aħħar ċifri għall-2005, Malta ddaħħal Lm320 miljun iżda jirnexxielha żżomm biss Lm152.1 miljun. Jiġifieri dak li jibqa’ f’Malta mit-turiżmu, jekk meħud bħala proporzjon tal-Prodott Gross Nazzjonali, li fl-2005 kien Lm1,941 miljun, insibu li l-kontribuzzjoni tat-turiżmu fil-PGN tagħna hu ta’ 7.83 fil-mija.
Min-naħa tiegħu l-Prof. Briguglio l-ewwel qal li l-kejl tiegħu tas-sehem tat-turiżmu fil-PGN juri 13.5 fil-mija, iżda ġimgħa wara tilef Lm20 miljun u ġabhom 12.5 fil-mija. Iżda skond il-Prof. Joe Falzon il-figura korretta hi ta’ 7.8 fil-mija. Id-differenza hi li l-Prof. Falzon ħadem fuq il-valur miżjud ekonomiku filwaqt li l-Prof. Briguglio ħa l-gross u naqqas l-importazzjoni. Jien ngħid li l-valur miżjud hu aktar relevanti bħala kejl u ċ-ċifra ta’ 7.8 fil-mija, minkejja li mhix tajba, hija ħafna iktar reali.
X’ifisser dan kollu? Ifisser li fil-qasam li l-aktar għandha vantaġġ ekonomiku b’paragun ma’ oqsma oħra, Malta waqgħet lura bil-kbir.
Għaxar snin ilu
l-kontribuzzjoni tat-turiżmu fl-ekonomija tagħna kien aktar minn 10 fil-mija. Biex illum nilħqu l-livell li kellna fl-1995 irridu mill-inqas 360,000 turist u rridu nżommu bejn wieħed u ieħor l-istess rata ta’ nfieq ras għal ras ta’ kull turist.
Jew inkella rridu ninkoraġġixxu aktar attività ekonomika f’pajjiżna li tgħollilna l-valur miżjud ta’ kull lira li jonfoq is-settur turistiku f’Malta. Għalhekk għandna nistudjaw kif inqallgħu lira aktar lill-Maltin u ma nħalluhiex toħroġ tiġri ’l barra. Biex ma ninftiehemx ħażin, mhux qed nirreferi għal sostituzzjoni ta’ l-importazzjoni (import substitution) u sikkaturi oħra iżda inkoraġġiment u politika ffukata.
Issa biex nagħmlu hekk il-Gvern irid ikun ħafna aktar intelliġenti u jrid jibda jisma’ aktar minn nies bħalna. Hemm bżonn nagħsru ċ-ċifri iktar u nippjanaw kif inkattru l-ġid minn dak li diġà għandna.
Nieħdu l-kwistjoni tal-linji ta’ l-ajru low cost. Ma nistax nifhem għaliex il-Gvern ma sfurzax aktar biex Ryanair jagħmlu dak li pproponew fil-bidu, jiġifieri jirreġistraw l-ajruplani tagħhom f’Malta u jiftħu bażi fejn ikollhom sitt ajruplani bbażati regolarment hawnhekk. Ryanair kienu pproponew ukoll li jirreġistraw f’Malta l-logħob ta’ l-azzard li riedu jintroduċu fuq l-ajruplani kollha tagħhom u mill-profitti tagħhom f’pajjiżna jiffinanzjaw il-bini ta’ terminal ieħor fl-ajruport biex jintuża għal-linji ta’ l-ajru low cost. Dan kollu kien ifisser żieda enormi għall-valur miżjud li t-turiżmu jħalli f’Malta.
Ma nistax nifhem kif il-Gvern ma rax dan il-potenzjal u spiċċa biex lir-Ryanair ħlielhom sena u nofs.
Iżda b’mod ġenerali, jekk ninkoraġġixxu l-lokal, il-proporzjon tal-valur miżjud ekonomiku li jibqa’ f’Malta jista’ jogħla. Iżda rridu niffukaw fuq dan għax xejn ma jsir waħdu.
Semmejt lit-turiżmu fid-dettal biex inkun iffukajt fuq settur partikolari. Iżda hemm ħafna attività ekonomika oħra fejn il-Gvern jista’ jinkoraġġixxi lis-settur privat jagħmel aktar biex il-valur miżjud ekonomiku li jibqa’ f’Malta mill-oqsma kollha jiżdied. Niddubita iżda hemmx xi ħadd fil-Gvern kollu li għandu pjan għal dan.
Ma semmejtx problema oħra. Dik li l-ħaddiem Malti matul dawn l-aħħar sentejn ħa żidiet fil-pagi li ma jkoprux il-valur miżjud li l-ħaddiema rasimbras ikkontribwew għall-ekonomija Maltija.
Iżda dwar dan nikteb darb’ oħra. Ngħid biss li jekk mhux se naħdmu bis-serjetà biex ngħollu l-valur miżjud li jibqa’ f’Malta se jkollna problemi aktar serji. Għax x’jiswa li neqirdu pajjiżna b’aktar bini, aktar sfreġju u aktar għawġ, biex imbagħad f’pajjiżna jibqgħalna dejjem anqas? Żgur li mhux għalhekk dħalna fl-Unjoni Ewropea.