19 ta' Novembru 2006 • Nr 3



 

 

 

 

19 ta' Novembru 2006
Il-wirt u s-sehem tal-Gvern

Toni
It-taxxa tas-suċċessjoni dejjem kienet kwistjoni taħraq fil-kamp politiku. Bejn għaliex din it-taxxa hija sors fiskali tajjeb u bejn li kull gvern irid jidher sabiħ billi jidher li qiegħed jagħmel xi konċessjoni.
Fl-aħħar elezzjoni fl-Italja din it-taxxa kienet fattur determinanti fuq il-voti u proprju fl-aħħar baġit il-Gvern Malti pprova jtaffi ftit mill-iżbalji li għamel f’dan ir-rigward fl-2003. Biżżejjed ngħid li mill-1992 lil hawn din it-taxxa nbidlet mhux anqas minn erba’ darbiet b’mod li ħalliet lil ħafna eredi ma jafux fejn huma u jbatu inġustament.
Wasal iż-żmien li nfasslu taxxa ġusta b’mod speċjali safejn jirrigwarda lil ulied u lil min mill-miżżewġin jibqa’ ħaj. Fost oħrajn nemmen li d-dar fejn kien joqgħod il-mejjet, sakemm tkun l-armla jew l-ulied li qegħdin jirtu, għandha tkun eżenti għal kollox minn kull taxxa ta’ suċċessjoni. Digà bdejna mexjin lejn din id-direzzjoni safejn jirrigwarda flus likwidu u investimenti li sa ftit ilu kienu ntaxxati. Però għad hemm ħafna xi jsir. Proposta oħra għandha tkun li jinħoloq fond tal-patrimonju tal-posterità billi parti mit-taxxa tas-suċċessjoni li jiġbor il-Gvern titqiegħed f’fond apposta biex tkun investita f’restawr u nvestita fil-patrimonju storiku ta’ pajjizna.
L-anomaliji fil-Liġi tas-Suċċessjoni ma jeżistux biss fuq pjan fiskali iżda anke fuq dak ta’ sustanza. Ftit taż-żmien ilu l-qrati tagħna diġà ddikjaraw li l-Liġi tas-Suċċessjoni m’għandhiex tiddistingwi bejn it-tfal leġittimi u dawk illeġittimi. Hekk minn dejjem kellu jkun. Apparti dan jidhirli li anki fir-rigward ta’ min mill-miżżewgin jibqa’ ħaj, inħoss li l-liġi għandha tkun aktar liberali. L-aħħar emendi diġà jirrikonoxxu li min jibqa’ ħaj mill-miżżewġin għandu jieħu kwart tal-proprjetà tal-mejjet, apparti n-nofs tal-komunjoni ta’ l-akkwisti.
Is-suċċessjoni, jew kif aħjar nafuh, il-wirt, qatt ma kien suġġett li stajt nifhem sewwa meta kont nistudja l-Ligi. Mhux ma stajtx nifhem kif jaħdmu r-regoli. Li ma stajt qatt nifhem huma l-anomaliji li jeżistu fil-liġijiet li jirregolaw il-wirt.
L-ewwel anomalija hija dik fiskali. Il-werriet dejjem ġie meqjus bħala figura li tidħol preċiżament fiż-żarbun tal-mejjet. Jidħol f’dan iż-żarbun kemm jekk ikun ifuh u anke jekk jinten. Fi ftit kliem, inti tiret dak kollu li hu tajjeb jew ħażin. Il-ħlieqa legali hi li dawk li jibqgħu ħajjin ikomplu fil-persuna ta’ min miet – speċi ta’ immortalità li tkompli fil-ġid u d-deni li jħalli warajh il-mejjet.
Tant huwa minnu dan li min jiret irid inħallas id-djun kollha li l-mejjet ikun ħalla warajh sakemm dak li jkun ma jirrinunzjax għall-wirt għax ma jkunx jaqbel li jaċċettah. Fost dawn id-djun hemm dawk it-taxxi dovuti lill-Gvern u li l-mejjet ma jkunx laħaq ħallas qabel miet. Naf b’każi ta’ eredi li qegħdin jirċievi kontijiet tat-taxxa tal-mejjet li jmorru lura għas-Snin 70!
S’hawn kollox sewwa: id-djun jitħallsu daqslikieku l-mejjet għadu ħaj. Li ma nistax nifhem hu għaliex m’għandux jiġi applikat l-istess prinċipju fit-tajjeb li jiret l-eredi. Għalhekk, jekk it-tfal jew l-armla tiret proprjetà tal-mejjet, għandu jitqies li l-mejjet għadu ħaj, fis-sens li kieku l-mejjet ma kien iħallas l-ebda taxxa fuq il-proprjetà, kieku baqa’ ħaj! Jekk tassew l-eredi jidħol fiż-żarbun tal-mejjet, għaliex għandu jerfa’ xi xorta ta’ salib fit-tajjeb u fil-ħażin?
Waħda mill-emendi li nixtieq nara hu li l-armel jew l-armla jingħataw aktar protezzjoni fejn jirrigwarda d-dar konjugali biex dak li jkun ikollu moħħu mistrieh li ħadd mhu ser ikeċċih. Sfortunatament bl-aħħar emendi li saru, u ma nafx għaliex, dak is-serħan tal-moħħ li kienet introduċiet il-Ligi ta’ l-1993 jidher li spiċċa! Ma nafx x’kienet din il-mossa u ma nafx għaliex saret. Fejn qabel dan il-ħarsien kienet tagħtih awtomatikament il-Ligi, issa dak li jkun irid jaħseb għalih b’testment. Jiġifieri għal dawk il-persuni mingħajr testment, jistgħu jinħolqu l-problemi.
Għalhekk nemmen li għandu jingħata rikonoxximent patrimonjali lil min jibqa’ ħaj mill-miżżewġin u taħt ċerti kriterji d-dar konjugali tintiret kollha kemm hi mill-armel jew armla u li fuqha ma titħallas l-ebda taxxa tas-suċċessjoni. Dan ir-rikonoxximent huwa bbażat fuq il-fatt li dik id-dar hija frott ta’ ħajja sħiħa tal-miżżewġin.
Ġieli t-tfal ma jkunux jafu x’laqathom u jispiċċaw jiġġieldu ma’ min mill-ġenituri jibqa’ ħaj, jekk ukoll ma jitfgħuhomx f’xi dar tax-xjuħ biex ikomplu jiżviluppaw id-dar li trabbew fiha. Nemmen li d-dar konjugali hija sagrosanta għal min jibqa’ ħaj.
Tibdil ieħor radikali fis-suċċesjoni li nixtieq nara hu meta l-miżżewġin ma jkollhomx tfal u ma jilħqux jagħmlu testment. F’dan il-każ l-aħwa tal-mejjet jirtu flimkien ma’ min mill-miżżewġin jibqa’ ħaj. Ir-regola għandha tkun li fin-nuqqas ta’ testment, jiret kollox min jibqa’ ħaj u f’każ li l-miżżewġin iridu mod ieħor, allura jagħmlu testment biex jiddisponi mod ieħor. Din is-sitwazzjoni qiegħda toħloq problemi kbar għal dawk ir-romol li ma jkunux jafu x’laqathom, mata jsiru jafu li xi neputi l-Awstralja li lil mejjet qatt ma rah, spiċċa jiret b’kumbinazzjoni.
Ftit ftit il-Liġi tas-Suċċessjoni tagħna qiegħda tinbidel, ġieli għat-tajjeb u ġieli għall-ħażin. Li hu żgur hu li man-nieket u l-miżerji li ġġib magħha l-mewt m’għandniex inżidu l-problemi li ħafna drabi joħolqu l-politiċi.
Is-suċċess ta’ kull suċċessjoni jinsab fit-trattament aktar uman ta’ min ikun sofra mewt fil-familja.

Peppi
Dan l-aħħar konna qed noħorġu avviż li f’Xarabank se nagħmlu programm dwar il-wirt.
Ċemplu persuni biex ikunu fil-programm. Iltqajt ma’ wħud minnhom. Wara kull laqgħa kont noħroġ aktar konvint li mingħajr il-wirt aħna konna ngħixu ħafna aħjar.
Tkellimt ma’ raġel li ilu ma jkellem lil ħutu tmien snin. Kienu jinħabbu u nikkwota lilu “joqtlu għal xulxin.” Iżda minn meta mietet ommhom u fetħu l-wirt saru lesti “joqtlu lil xulxin.”
Iltqajt ma’ mara li rrakkuntatli kif ippruvaw jivvalenawha n-nisa ta’ ħutha għax mid-dehra ommha ħallitilha xi ħaġa aktar minnhom.
Kellmuni koppja li kont naf. Lanqas ridt nemmen. Kienu koppja li tgħir għall-ferħ li kienu jġorru kulfejn ikunu. Iltqajt magħhom. Għajnejhom fil-ħofra. Jibku. Jaħsbu u jitkellmu biss fuq xi flus li huma jsostnu li kellhom jirtu u li ‘ħadimhom xi ħadd’.
Ilhom sitt snin telgħin u neżlin il-Qorti. Ir-raġel tah attakk f’qalbu. Lanqas temmnu x’qaltli l-mara tiegħu: “Ara tirranġalniex xi ħaġa għax bl-inkwiet Frans daqt imut u ma nixtiqux imut u ma nkunux ħadna dak li hu tagħna.” F’dawn l-istejjer innutajt żewġ aspetti komuni.
L-ewwel li l-persuni li kellmuni kienu kuntenti ħafna aktar qabel ma twieled il-wirt. U t-tieni, ħafna drabi lesti jonfqu anke aktar minn dak li kieku jirtu biex ‘oħtu’ ma teħodhomx hi. Ħa jeħodhom l-avukat u l-qrati.
Allura b’dawn l-istejjer naħseb li aktar ma jsiru liġijiet li jinkoraġġixxu lin-nies jagħtu f’ħajjithom u mhux wara mewthom inqas noħolqu tbatija. Allura naqbel li l-Gvern jintaxxa lil dawk kollha li jirtu wara l-mewt ħafna aktar minn dawk li jagħtuhom meta jkunu ħajjin. Naqbel ukoll li persentaġġ mill-wirt b’liġi għandu jmur għall-fond ta’ l-annimali li għandna d-dmir insolvulhom il-problemi li aħna l-bnedmin ħloqnilhom bl-egoiżmu tagħna.
Naqbel li persuna li tagħżel li taċċetta li tkun parti minn wirt tkun lesta wkoll li tħallas id-dejn anke jekk il-wirt ikun dejn biss.
Ħasra li hawn Malta hawn tant djar vojta u kulħadd jibni u jtella’ s-sulari. Uħud minn dawn id-djar jibqgħu vojta s-snin minħabba problemi ta’ wirt. Il-Gvern għandu jintervjeni billi jagħmel taxxa fuq id-dar sakemm iddum għaddejja l-kwistjoni bejn l-aħwa u għandu jagħti perijodu ta’ mhux iktar minn 10 snin u jekk ma tkunx inqasmet jixtriha l-Gvern u jitfagħha għall-housing għal dawk il-mijiet li m’għandhomx saqaf fuq rashom.
Il-wirt ifakkarni wkoll fi storja ta’ qsim il-qalb li segwejt erba’ snin ilu. Minħabba l-Istrina konna nitilgħu Londra nżuru l-pazjenti morda serjament. Hemm iltqajt ma’ ġuvni ta’ madwar 33 sena b’kanċer fl-istonku. Kien muġugħ. Kien waħdu. Staqsejtu hux miżżewweġ. Qalli li kien gay. Qalli li għandu s-sieħeb Malta iżda ma jaffordjax iħallas biex jitla’ ħdejh. Lill-familjari s-soltu tgħinhom il-Community Chest Fund mill-flus li tiġbor mill-Istrina.
Ħlift li kif ninżel Malta nkellem lil President Guido de Marco fuq dan il-każ. Dakinhar stess dan il-ġuvni kellu lis-sieħeb tiegħu ħdejh. Għamel sentejn tiela’ u nieżel. Kienu koppja jinħabbu tassew. Sakemm darba jċempilli s-sieħeb tiegħu, jolfoq u b’nifsu maqtugħ. Qalli li dan il-ġuvni, il-maħbub ta’ ħajtu, kien miet. Kien kuntent li kien ħdejh meta miet. Ftit żmien wara reġa’ ċempilli. Irrakkuntali kif dak kollu li kellhom flimkien, affarijiet sempliċi, sentimentali u ta’ tifkira, ħaduhom kollha l-familja tal-ġuvni. Beda jibki u jgħidli: “Anke inkwatru li xtrajna flimkien għall-anniversarju ħaduh wkoll.”
Fhimt dak il-ħin kemm hi inġusta l-Liġi f’Malta li ma taħsibx li tirrikonoxxi koppji omosesswali bħal koppji oħra. Jekk l-istat, kif qed jiġri f’ħafna pajjiżi fl-Ewropa, jirrikonoxxi ż-żwieġ bejn koppji omosesswali, allura jkollhom l-istess drittijiet fejn jidħol wirt u diversi drittijiet oħra.
L-istess jgħodd għal dawk li aħna, biex niftiehmu nsejħu ‘poġġuti’. Huwa sew li mara tkun ilha tgħix ma’ raġel għal 15-il sena u għax ikun xeba’ jaqbad u jibgħatha ’l barra b’ta’ fuqha senduqha? Huwa sew li meta xi ħadd mill-koppja jmut il-parti l-oħra, għax mhux miżżewġin, ma tieħu xejn? U xi ngħidu għall-inkwiet li jinqala’ meta l-koppja jkunu t-tnejn separati u jkollhom it-tfal miż-żwieġ tagħha, miż-żwieġ tiegħu u mir-relazzjoni ta’ bejniethom?
F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Gvern jibqa’ jixtieq li l-familja tibqa’ mara, raġel, tifla u tifel, iżommu jdejn xulxin u jgħixu ferħana għal dejjem ta’ dejjem.
Imma x-xewqa tal-Gvern li ma jirrikonoxxix realtajiet ġodda li minnhom qed jgħaddu ħafna u ħafna persuni jagħmlu x-xewqa tal-Gvern fantasija.
Fantasija li qed tikkawża tbatijiet kbar biex nibqgħu ngħidu flimkien, ‘Kemm għandna familja soda u kemm għandna valuri’. X’valuri?