19 ta' Novembru 2006 • Nr 3



 

 

 

 

19 ta' Novembru 2006
Mhedda
Ħaġar Qim u l-Imnajdra fuq allarm

Julia Farrugia

It-tempji preistoriċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra qed ikunu mgħassa lejl u nhar wara li l-awtoritajiet Maltin irċevew ittra oħra ta’ theddid dwar dawn is-siti storiċi fil-Qrendi.
L-ittra waslet għand Heritage Malta f’Settembru li għadda u ntalbet minnufih l-għajnuna tal-pulizija li bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha . Dan huwa l-istess żmien meta fetaħ l-istaġun tal-kaċċa u mhux eskluż li qed ikunu mistħarrġa rabtiet bejn it-theddid u l-qasam tal-kaċċa. Din hija t-tieni ittra tax-xorta tagħha li fiha sar theddid speċifikament fuq it-tempji ta’ l-Imnajdra u Ħaġar Qim. Għad li fil-pubbliku ma ssemma xejn dwar din l-aħħar ittra, il-Heritage Malta kienet għaddejja bi pjan li poġġa liż-żewġ tempji fuq allarm massimu.
It-theddida ttieħdet bis-serjetà l-aktar wara l-vandaliżmu li seħħ fit-tempju ta’ l-Imnajdra fl-2001 meta xi ħadd mhux magħruf farrak madwar 60 megalit. Dan ir-reat, flimkien ma’ ieħor li seħħ fl-1996 meta persuna jew persuni mhux magħrufa sprejjaw kliem fuq il-faċċata tat-tempju, s’issa għadhom mhux solvuti.
Mario Tabone, Chairperson ta’ Heritage Malta, ikkonferma li malli waslet l-ittra ta’ Settembru ttieħdu numru ta’ miżuri u kienet irduppjata s-sigurtà it-tempji. Fl-aħħar xhur Heritage Malta qabbdet kumpanija privata ta’ sigurtà biex tagħmel rondi regolari madwar iż-żewġ tempji. Il-kumpanija ddaħħlet tagħmel dan ix-xogħol minkejja li Ħaġar Qim u l-Imnajdra huma mgħassa 24 siegħa kuljum minn gwardjani mpjegati ta’ Heritage Malta. Dan minbarra l-fatt wkoll li għal dawn l-aħħar sentejn u nofs l-istess siti storiċi kienu u għadhom qed ikunu mħarsa mill-Forzi Armati ta’ Malta. L-AFM tagħmel rondi bil-lejl madwar it-tempji u saret insistenza minn Heritage Malta biex dawn l-ispezzjonijiet ma jitwaqqfux minħabba din it-theddida ġdida.
It-tempji huma skedati bħala Wirt Storiku Dinji Uniku, tant li fis-snin tmenin intgħażlu min-Nazzjonijiet Uniti taħt il-programm ta’ siti storiċi mill-UNESCO.
Mario Tabone sostna li “din l-aħħar theddida għandha ġġib l-istmerrija tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Kompla jgħid li attakk fuq dawn it-tempji jkun attakk fuq l-identità Maltija għaliex dan huwa wirt storiku li jgħaqqad lill-poplu Malti bħala nazzjon.