19 ta' Novembru 2006
Skiet u stennija fl-Air Malta
Karl Stagno-Navarra
Fi ħdan l-Air Malta hemm skiet u stennija għal kif se jiżvolġu t-taħditiet bejn il-maniġment u l-erba’ unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema.
Għadu mhux ċert jekk il-unions hux se jaddottaw pożizzjoni komuni fin-negozjati, sitwazzjoni li tista’ tikkomplika l-affarijiet għall-azjenda.
Id-diskussjonijiet mitluba mill-Gvern u l-maniġment bil-proposta għat-tiġdid tar-rescue plan attwali, u li s’issa taffa’ xi ftit mill-għawġ finanzjarju tal-linja nazzjonali, se jkomplu ġimagħtejn oħra. Hu mistenni li “xi pożizzjonijiet” jkunu aktar ċari fost kulħadd.
Il-General Workers Union, il-union tal-piloti, il-union tal-cabin crew u l-union ta’ l-inġiniera, qablu biss li ħadd minnhom ma jitkellem ma’ l-istampa.
Tony Zarb għall-GWU, James Fenech għall-piloti, Evan Cutajar għall-cabin crew u Stefan Grech għall-inġiniera, ilkoll sostnew ma’ Illum li ma riedux jikkummentaw. “No comment”, dwar x’pożizzjoni se jieħdu fin-negozjati li bdew ma’ l-Air Malta.
Lawrence Zammit, iċ-Chairperson ta’ l-Air Malta, sostna wkoll l-istess tweġiba ma’ din il-gazzetta u għażel li ma jikkummentax dwar id-diskussjonijiet.
Fl-isfond tan-negozjati hemm diskors li għamel il-Ministru Austin Gatt fil-parlament ġimgħatejn ilu. Hu sostna kif quddiem is-sitwazzjoni delikata li qed tħabbat wiċċha magħha l-Air Malta, il-ħaddiema jeħtieġu jagħżlu t-triq lejn it-tiġdid tar-rescue plan.
“Hekk biss nistgħu nagħtu garanzija ta’ l-impjiegi,” sostna Gatt, li żied ukoll li jekk kemm-il darba l-ħaddiema jinsistu li jmorru għal ftehim kollettiv, “allura dik il-garazija ma tibqax treġi”.
Għadu mhux magħruf x’sehem jista’ jkollu l-Avukat George Abela li kien għamilha ta’ medjatur bejn il-unions sentejn ilu.
Madankollu, bit-tluq tas-segretarju tat-taqsima avjazzjoni, Manuel Zammit mill-GWU huwa ferm dubjuż jekk din id-darba l-union hiex se taċċetta li fil-kredu jidħol George Abela. Ta’ l-istess opinjoni jistgħu jkunu l-piloti li bejniethom qed isostnu li jridu jżommu iebes u jirbħu lura dak li tilfu mill-pakkett tagħhom fir-rescue plan li sar sentejn ilu.
George Abela, min-naħa tiegħu, spjega lil din il-gazzetta li għalkemm hu mexxa b’suċċess it-taħditiet li saru sentejn ilu, u li wasslu għall-ewwel rescue plan, s’issa ma kienx avviċinat minn ħadd biex jintervjeni f’isem parti jew kollettivament.
Il-parti l-kbira tal-ħaddiema fl-Air Malta qed ibassru xhur diffiċli.
Huma nkwetati għall-fatt li l-Air Malta dieħla fi żmien kruċjali għall-eżistenza tagħha quddiem l-isfida tal-kompetizzjoni minn linji oħra u l-piż tal-prezz internazzjonali taż-żejt.
“Jekk noħolmu bl-istrajks se nkunu qed inħaffru l-qabar tagħna kollha fl-Air Malta,” sostna ħaddiem ma’ din il-gazzetta, filwaqt li żied kif “fsied u nuqqas ta’ għaqal minn kulħadd” wasslu għall-falliment tal-linji kbar bħas-Swissair u s-Sabena.