19 ta' Novembru 2006 • Nr 3



 

 

 

 

19 ta' Novembru 2006
Residenti Melliħin jiefqu quddiem l-arroganza
Żviluppatur jgħid li jieħu l-permess “bis-saħħa”

Karl Stagno-Navarra

Minn wiċċhom tinduna minnufih l-inkwiet u l-ansjetà li ilhom għaddejjin minnha. Huma nies twajba u fil-parti l-kbira minnhom twieldu, trabbew u kibru fil-Mellieħa.
Il-lum huma lkoll residenti fiż-żona tal-madwar tal-Wied tal-Madonna u fuq rashom hemm pendenti żewġ deċizjonijiet importanti min-naħa tal-Mepa.
Meta morna fi Triq Sammy Bartolo l-bieraħ fejn iltqajna mar-residenti taż-żona fejn qed ikun propost li jsir l-iżvilupp li jestendi sa nofs il-Wied tal-Madonna, ħareġ ċar li dawn in-nies qed iħossuhom intimidati fil-kwistjoni, partikolarment għall-fatt kif quddiem kulħadd u barra l-bini tal-Mepa, żviluppatur minnhom qalilhom li jieħu l-permess “bis-saħħa”.
“Jekk hawnhekk jinbena kif qed ikun propost, se jkun ifisser il-qirda tal-pulmun taċ-ċentru tar-raħal,” sostnew ir-residenti ma’ din il-gazzetta.
Waqt li jsostnu li m’għandhom l-ebda oġġezzjoni li l-iżviluppaturi, huma min huma, jtellgħu l-bini tagħhom fis-siti indikati, dawn iżda “jeħtieġu jżommu linja mal-bini u l-estetika eżistenti.”
L-inkwiet tal-Melliħin hu marbut mal-fatt li l-iżvilupp propost m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li ilu jeżsti sa mis-snin sittin.
Il-progetti għall-bini l-ġdid jibqgħu sejrin sa nofs il-wied, bl-implikazzjonijiet kollha għall-funżjoni naturali tal-wied kif kien ippruvat mill-inġinier Marco Cremona li permezz ta’ studju idroloġiku wera kif mill-Wied tal-Madonna jiskula l-ilma tax-xita mill-partijiet l-għolja tal-Mellieħa lejn il-bajja ta’ l-Għadira.
Il-bini nżamm f’linja waħda tul Triq Sammy Bartolo u Triq Dun Franġisk Sciberras, biex il-ġonna li jinsabu fil-wied ma jintmissux.
Ir-residenti spjegaw kif l-iżvilupp propost mhux biss jestendi għal ġo nofs il-wied, iżda fl-istess ħin jogħla għal bosta sulari.
“Dan se jfisser preċedent perikoluż għall-widien kollha, u dan minkejja d-dikjarazzjoni tal-Kabinett tal-Ministri li m’għandux isir żvilupp fil-widien. Anki l-Pjan Lokali, li fuljett dwaru ntbgħatilna d-dar bil-Posta dan l-aħħar mill-Mepa, jitkellem fuq il-wied bħala l-pulmun tar-raħal. U issa qed itertquna u jħalluna mdendlin fuq il-ġejjieni ta’ djarna, l-ambjent ta’ madwarna u l-wied tagħna, tal-Mellieħa u tal-Maltin,” sostnew.
Ir-residenti, imħallta wkoll fil-fehmiet politiċi tagħhom huma magħquda fi front wieħed, u minkejja li jħossu ruħhom bla saħħa quddiem il-qawwa ta’ l-interessi kummerċjali, qed jappellaw lill-awtoritajiet kollha, inklużi l-partiti politiċi, biex jaqbżu għalihom f’ġieh kawża ġusta.
Fil-kwistjoni qed tintervjeni wkoll l-għaqda ambjentali Nature Trust (Malta) li żammet pozizzjoni iebsa kontra dak li fissret bħala “kull żvilupp f’widien, għall-fatt li joffru ekosistema għanja u għaldaqstant jeħtieġu jkunu mħarsa.”
Il-President ta’ Nature Trust (Malta) Vince Attard semma’ l-konsegwenzi kollha li qed ibatu minnhom żoni bħall-widien ta’ l-Imsida u Birkirkara.
Waqt li fakkar fil-pressjoni minn żviluppaturi, bħalma kien il-każ f’Wied Għomor, Attard sostna li l-awtoritajiet huma fid-dmir li jħarsu dawn iż-żoni u mhux jikkontribwixxu lejn il-qirda tal-wirt naturali.
“Il-widien jeħtieġu jkunu mħarsa u ma jkunux ikkunsidrati qatt għal żvilupp,” qal.
Matul dawn l-aħħar jiem ħareġ ċar li l-Gvern u l-Mepa m’għandhomx studji f’idejhom li kapaċi jmeru l-politika li qed titħaddem għall-Wied tal-Madonna li jikkwalifikah għal żvilupp.