19 ta' Novembru 2006 • Nr 3



 

 

 

 

19 ta' Novembru 2006
X’aktarx maħrub l-Italja

Julia Farrugia

It-tfittxija għal Faical Mahouaci it-Tuneżin ta’ 39 sena li ilu mfittex mill-Pulizija Maltija għal dawn l-aħħar ġimgħat, infirxet barra minn Malta.
Din il-gazzetta għandha tagħrif li jikkonferma li fl-aħħar siegħat il-Pulizija rċeviet informazzjoni li r-raġel seta’ ħarab minn Malta u ssemmiet l-Italja bħala d-destinazzjoni li r-raġel xeħet għajnejh fuqha.
Nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru l-Pulizija ppubblikat ritratt ta’ l-individwu u l-pubbliku ntalab jgħin biex jinstab ir-raġel.
Mahouaci, miżżewweġ Maltija, hu mfittex b’digriet mogħti mill-Qorti kif ukoll b’rabta ma’ delitt li seħħ is-sena li għaddiet. Ir-raġel hu maħsub li jista’ għandu tagħrif importanti li jwassal biex jissolva l-qtil ta’ Simon Grech ta’ 20 sena mis-Siġġiewi. Il-katavru ta’ Grech instab mormi f’għalqa fil-Marsa fl-inħawi ta’ Albert Town fit-13 ta’April tas-sena l-oħra. Iż-żgħażugħ kien inqatel b’19-il daqqa ta’ arma bil-ponta.