19 ta' Novembru 2006
Falzon dwar ‘is-serp’
Ma niddiskutix affarijiet interni tal-Partit
Attivisti viċin Alfred Sant qed jippuntaw subgħajhom lejn Nathalie Attard, persuna li taħdem fl-uffiċċju tad-deputat mexxej Laburista Michael Falzon, bħala ‘is-serp’ li allegatament ħarġet informazzjoni lill-Partit Nazzjonalista dwar laqgħa ta’ kuntratturi fil-Mile End.
Dawn l-attivisti qatt ma indikaw li kien Michael Falzon wara l-ħruġ ta’ informazzjoni għax dakinhar li saret il-laqgħa bejn xi Deputati Laburisti u kuntratturi fil-Kwartieri Ġenerali, Falzon kien imsiefer.
Nathalie Attard, li fiż-żmien kienet ġurnalista ma’ l-istazzjon nazzjonali, hija membru fl-eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Min-naħa tiegħu, Michael Falzon mhux lest jikkummenta dwar dan il-każ. “Miniex lest niddiskuti affarijiet interni tal-partit,” sostna Falzon.
Iżda skond informazzjoni li waslet lil din il-gazzetta, huwa qed jgħid lill-persuni viċin tiegħu li dak li qed jiġri u jingħad fil-kurituri tal-Partit Laburista qed jagħmel ħsara kbira li minnha se jgawdi l-Partit Nazzjonalista.
Falzon sostna man-nies ‘tiegħu’ li mhux lest jgħin biex jitkisser il-Partit.
Sadanittant il-media tal-Partit Nazzjonalista qed toqgħod ferm attenta li ma tikxef xejn dwar minn fejn saret taf bil-laqgħa tal-kuntratturi li ltaqgħu fil-Mile End u qed tagħmel minn kollox biex ma tfixkilx id-diżgwid li hemm fil-kamp Laburista.
Il-ġimgħa li għaddiet Michael Falzon kien mistoqsi dwar il-laqgħa li saret fil-Mile End mal-kuntratturi iżda huwa sostna li kien imsiefer “waqt dik il-laqgħa.”
Meta Illum staqsiet lil Falzon jekk kienx avviċinat minn wieħed mill-kuntratturi dwar ‘is-serp’, Falzon irrisponda b’mod xott, “No Comment.”
Għal diversi drabi l-bieraħ ippruvajna nikkuntatjaw lil Nathalie Attard iżda ma rnexxilniex naqbduha.