19 ta' Novembru 2006 • Nr 3



 

 

 

 

19 ta' Novembru 2006
Trampolin jingombra playing field sa l-aħħar tas-sena

Ġenituri li jieħdu t-tfal tagħhom fil-playing field ta’ barra s-sur ta’ l-Imdina u li lmentaw fuq trampolin ta’ ditta privata li ngombra l-ispazju miftuħ se jkollhom jissaportu sa l-aħħar tas-sena qabel ma tiżżarma din l-istruttura.
Skond is-Segretarju Eżekuttiv tal-kunsill lokali ta’ l-Imdina li jaqa’ l-ġnien taħtu, it-trampolin se jiżżarma għall-aħħar tas-sena. Mitlub jiġġustifika d-deċiżjoni tal-kunsill li jagħti permess biex jintrama dan it-trampolin ta’ dak id-daqs, is-segretarju qal li l-kunsill “ħa inkonsiderazzjoni li l-post huwa kbir biżżejjed biex jakkomoda lil dan l-armar u fl-istess ħin ikun fadal spazju adekwat biex dawk li jiffrekwentaw dan il-post ikollhom fejn jirrikrejaw irwieħhom.”
Il-kunsill ta’ l-Imdina mhu qed jieħu l-ebda ħlas tal-permess iżda skond is-segretarju, l-kunsill “talab lill-proprjetarju biex inaqqas il-prezz li oriġinarjament kien qed jintalab lil dawk li jużaw it-trampolin.”
Minkejja l-verifiki li għamel il-kunsill il-ġenituri li jieħdu t-tfal tagħhom barra l-Imdina xorta jsostnu li l-istruttura hija kbira wisq u okkupat spazju miftuħ fil-playing field li qabel kien jintuża mit-tfal biex jilagħbu fih.