19 ta' Novembru 2006
‘Tas-Senter u l-Gabbjun’ injorati wkoll mill-Ornis
B’aktar minn 5,000 membru msieħba fi ħdanha, l-Għaqda Dilettanti tas-Senter u l-Gabbjun hi sezzjoni oħra ta’ kaċċaturi u nassaba li qed issemma leħinha bi protesta kontra l-Kumitat Ornis għax qed iħalli lid-dilettanti fil-għama dwar is-sitwazzjoni tal-kaċċa u l-insib fil-pajjiż.
Wara l-kummenti li għadda f’din il-gazzetta Edward Decelis f’isem il-Moviment Kaċċaturi, Nassaba u Ambjentalisti, tkellem ukoll Lawrence Camenzuli, il-President ta’ l-Għaqda Dilettanti tas-Senter u l-Gabbjun li lmenta dwar nuqqas għal kollox ta’ informazzjoni mingħand il-Kumitat Ornis dwar x’inhu għaddej u x’qed ikun diskuss u deċiż dwar il-kaċċa u l-insib.
“Ma jistax ikun li nibqgħu sejrin hekk u eluf ta’ dilettanti qed jinżammu fil-għama,” sostna Camenzuli, li żied kif il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi u n-Nassaba tippretendi li tinjora lil kulħadd.
Camenzuli kellu kliem iebes u ta’ kritika fil-konfront ta’ Lino Farrugia li jpoġġi fi ħdan il-Kumitat Ornis f’isem il-Federazzjoni.
“Din x’Federazzjoni hi meta lanqas biss tgħaddi karta waħda biex tinforma x’inhu jiġri?” qal Camenzuli, li sostna li l-għaqda li jmexxi hu kienet l-ewwel Federazzjoni f’Malta, “iżda baqgħu sakemm kissruna”.