19 ta' Novembru 2006
Tas-Saħħa jinvestigaw fin-Naxxar
Julia Farrugia
Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qed jinvestiga kif sistema ta’ drenaġġ fin-Naxxar qed tmarrad lil għadd ta’ residenti.
Din il-gazzetta għandha kopja ta’ ċertifikati mediċi li t-tobba bagħtu lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika biex tittieħed azzjoni minnufih.
Minn informazzjoni li għandna jirriżulta li l-każijiet kollha seħħew fi Triq Margaret Murray u fi Triq l-Imnara.
Għal dawn l-aħħar xhur għadd ta’ familji batew minn irwejjaħ qawwija ta’ drenaġġ.
Ir-riħa tilħaq livelli li ma tistaportihomx tant li tidħol anke fid-djar u tibqa’ hemm għal ħin twil. Ir-residenti huma nkwetati minħabba saħħithom, l-aktar għaliex hemm biża’ li dawn il-gassijiet huma tossiċi.
F’każ minnhom, tabib iċċertifika li pazjenta qed tbati minn sogħla qawwija li affettwatilha l-pulmuni u spiċċat bi bronchial hyper responsiveness.
Kien wara li ntbagħtu dawn iċ-ċertifikati li d-Dipartiment beda jinvestiga. Stħarriġ li għamlet din il-gazzetta wassal biex id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ta garanzija li qed jieħu “dawk il-passi kollha kif tippermetti l-liġi biex tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika.”
Il-Ħamis filgħodu uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma marru fuq il-post biex jinvestigaw dan il-każ. Sorsi li tkellmu magħna sostnew li f’dan l-istadju mhux eskluż li dan il-każ jispiċċa l-Qorti.
L-akbar biża’ tal-familji hi li dawn il-gassijiet iwasslu għal aktar problemi f’saħħithom. Anke d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qed juri t-tħassib tiegħu għal dan il-fattur. Id-Dipartiment ikkonferma li “ir-riħa li tinxtamm tista’ tkun Hydrogen Sulphide (H2S).” Jingħad li “anke jekk f’livell baxx dan it-tip ta’ gass jarmi riħa pessma. Żgur li l-periklu jiżdied f’postijiet ristretti fejn m’hemmx ventilazzjoni adekwata.”